Aqbeż għall-kontentut

Shiretoko

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta tal-Park Nazzjonali ta' Shiretoko mill-baħar.

Shiretoko jew il-Park Nazzjonali ta' Shiretoko (bil-Ġappuniż: 知床国立公園, Shiretoko Kokuritsu Kōen) ikopri l-biċċa l-kbira tal-Peniżola ta' Shiretoko fit-tarf tal-Grigal tal-gżira ta' Hokkaidō, il-Ġappun. Il-kelma "Shiretoko" ġejja minn kelma bl-Ainu "sir etok", li tfisser "il-post fejn l-art tibqa' ħierġa 'l barra".

Dan is-sit huwa wieħed mill-iżjed inħawi remoti fil-Ġappun, u l-biċċa l-kbira tal-peniżola hija aċċessibbli bil-mixi jew bid-dgħajsa biss. Shiretoko huwa magħruf l-iktar għax jospita l-ikbar popolazzjoni ta' orsijiet kannella fil-Ġappun, u għax joffri veduti tal-Gżira ta' Kunashiri, b'sjieda kkontestata bejn il-Ġappun u r-Russja. Shiretoko jospita bosta għasafar, bħall-ajkla ta' Steller u l-ajkla ta' denbha abjad, kif ukoll annimali tal-baħar bħall-bumarin tat-tikek, l-orka u l-gabdoll.[1] Il-park fih kaskata b'fawwara termali magħrufa bħala l-Kaskati ta' Kamuiwakka (bl-Ainu: カムイワッカの滝, Kamuiwakka-no-taki). Kamui wakka bl-Ainu tfisser "l-ilma tal-allat".

Il-foresti tal-park huma foresti miti u subalpini mħallta; l-ispeċijiet prinċipali tas-siġar jinkludu l-abit ta' Sakhalin (Abies sachalinensis), il-betula ta' Erman (Betula ermanii) u l-ballut tal-Mongolja (Quercus mongolica). Lil hinn mil-limitu tal-foresti hemm irqajja' impenetrabbli ta' siġar nani taż-żnuber tas-Siberja (Pinus pumila).

Fl-2005 l-inħawi tal-park tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO,[2] bil-parir li s-sit jiġi żviluppat b'mod konġunt mal-Gżejjer Kuril tar-Russja bħala "Park ta' Wirt Dinji tal-Paċi". It-tniżżil tas-sit fil-lista bħala wirt naturali tqies mill-Ainu indiġeni bħala kontradizzjoni tal-istorja twila ta' insedjament tal-Ainu fl-inħawi tal-park.[3]

Iċ-Ċentru Naturali tal-Park Nazzjonali ta' Shiretoko jinsab f'Shari. Iservi bħala ċentru għall-viżitaturi u jinkludi filmat dwar il-park, ristorant u ħanut tat-tifkiriet.

Karatteristiċi naturali prinċipali

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Il-Muntanja Rausu;
  • il-Kaskati ta' Kamuiwakka.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Shiretoko ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[2]

  1. ^ "Plants & Animals | Shiretoko". www.japan.travel (bl-Ingliż). Miġbur 2025-03-15.
  2. ^ a b ċ "Shiretoko - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-03-15.
  3. ^ M. Hudson, M. Aoyama, “Occupational apartheid and national parks: the Shiretoko world heritage site,” in F. Kronenberg, N. Pollard, D. Sakellariou, eds. Occupational Therapies Without Borders: Towards an Ecology of Occupation Based Practices (Edinburgu: Elsevier), pp. 247-255.