Aqbeż għall-kontentut

Shirakami-Sanchi

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Shirakami-Sanchi.

Shirakami-Sanchi (bil-Ġappuniż: 白神山地) hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fir-reġjun ta' Tōhoku tat-Tramuntana ta' Honshū, il-Ġappun.[1][2] Din iż-żona muntanjuża tinkludi l-aħħar foresta primordjali tas-siġar tal-fagu ta' Siebold li fl-imgħoddi kienu jiksu l-biċċa l-kbira tat-Tramuntana tal-Ġappun. L-erja tas-sit tmiss mal-Prefetturi ta' Akita u ta' Aomori. Mill-erja kumplessiva ta' 1,300 kilometru kwadru (500 mil kwadru), erja ta' 169.7 kilometru kwadru (65.5 mil kwadru) ġiet inkluża fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[1] Fost il-fawna li tgħix fl-inħawi hemm l-orsijiet suwed tal-Ġappun, l-għażżiela tal-Ġappun, il-makakki tal-Ġappun u 87 speċi ta' għasafar. Shirakami-Sanchi kien wieħed mill-ewwel siti fil-Ġappun li tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, flimkien ma' Yakushima, il-Kastell ta' Himeji, u l-Monumenti Buddisti fl-Inħawi ta' Hōryū-ji fl-1993. Sabiex wieħed jidħol fil-qalba ta' Shirakami-Sanchi, irid jingħata permess mill-Awtorità tal-Ġestjoni Forestali.

Shirakami-Sanchi hija żona ta' natura selvaġġa li tkopri terz tal-katina muntanjuża ta' Shirakami. Fiha l-ikbar foresta primordjali tas-siġar tal-fagu li għad fadal fil-Lvant tal-Asja, u hija fdal tal-foresti tas-siġar tal-fagu b'temperaturi kesħin u miti li kienu jiksu l-għoljiet u x-xaqlibiet tal-muntanji tat-Tramuntana tal-Ġappun minn bejn 8,000 sa 12,000 sena ilu. Fl-inħawi l-altitudni tvarja bejn 100 metru (330 pied) u 1,243 metru (4,078 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Is-siġar tal-fagu huma mifruxin fl-Amerka ta' Fuq, fl-Ewropa u fil-Lvant tal-Asja, u huwa maħsub li oriġinaw mill-veġetazzjoni ċirkonpolari qabel l-aħħar perjodu glaċjali. Il-pożizzjoni tas-sit qrib il-Baħar tal-Ġappun hija kkaratterizzata minn ambjent distint b'ħafna borra, u b'hekk fl-inħawi hemm ekosistema sħiħa u stabbli ta' siġar tal-fagu, li għebu mill-biċċa l-kbira tad-dinja.

Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jinsab fi ħdan il-konfini ta' diversi muniċipalitajiet: Ajigasawa, Fujisato, Fukaura u Nishimeya. Il-Kaskati ta' Anmon no Taki jinsabu fin-naħa tal-Punent ta' Nishimeya, madwar 3.5 kilometri (2.2 mili) lejn il-Punent tal-Lag ta' Miyama.

Attrazzjonijiet ewlenin

[immodifika | immodifika s-sors]

Foresta primordjali tas-siġar tal-fagu

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa bir-Riljievi ta' Shirakami-Sanchi u s-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mmarkat bl-abjad.

Apparti s-siġar tal-fagu, fil-foresta jgħixu wkoll speċijiet oħra ta' siġar ħorfija twal, fosthom l-ispeċijiet Katsura, Kalopanax, il-karpin tal-Ġappun u speċijiet oħra. Diversi foresti mħawlin ta' siġar tal-injam, bħaċ-ċedru tal-Ġappun, ħadu post bosta mill-foresti tas-siġar tal-fagu fit-Tramuntana tal-Ġappun; madankollu, fi ħdan il-konfini ta' Shirakami-Sanchi, il-foresti mhux mimsusa tas-siġar tal-fagu huma densi u mifruxa b'mod kontinwu. L-inħawi kważi mhuma mimsusa xejn, u ma hemmx toroq, mogħdijiet jew faċilitajiet magħmulin mill-bniedem. Is-siġar tal-fagu normalment mhumiex adattati għall-kultivazzjoni tal-faqqiegħ tat-tip shiitake. Għalhekk, il-foresti tas-siġar tal-fagu qatt ma ġew disturbati mill-bdiewa li jiġbru l-faqqiegħ shiitake u għadhom fi stat tajjeb ta' preservazzjoni ferm iktar mill-foresti tal-madwar. Apparti l-protezzjonijiet legali stretti, kważi ma kien hemm l-ebda qtugħ tas-siġar tal-fagu minħabba n-nuqqas ta' aċċess u l-art imħarbta tas-sit. Barra minn hekk, l-attivitajiet turistiċi huma limitati l-iktar għall-inħawi qrib il-konfini tas-sit.

Ir-reġjun ta' Shirakami-Sanchi fih ukoll żoni kbar ta' foresti li mhumiex koperti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, u l-livell ta' preservazzjoni f'dawk l-inħawi mhuwiex daqstant għoli daqs taż-żona ċentrali tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.

Filwaqt li l-bijodiversità tal-foresti primordjali tas-siġar tal-fagu fid-Dinja ffaċċjat tnaqqis sostanzjali madwar 2 miljun sena ilu minħabba l-glaċjazzjoni kontinentali, il-foresti fit-Tramuntana tal-Ġappun b'mod partikolari ma ġewx affettwati minn dan l-impatt. B'hekk, dawn il-foresti baqgħu bil-kompożizzjoni ekoloġika oriġinali, u b'hekk għandhom importanza storika għax fihom wieħed jista' jesperjenza l-ambjent ta' eluf ta' snin ilu.

Anmon no taki (Kaskati tad-Daħla tad-Dell)

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Kaskati ta' Anmon no taki.

Dawn il-kaskati tripli fis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jinsabu fi ħdan il-konfini tal-Park Naturali Prefetturali ta' Akaishi Keiryū Anmon no Taki, u huma aċċessibbli faċilment bil-mixi.

  • Bulebbiet iswed (monument naturali);
  • Għażżiel tal-Ġappun (tip ta' mogħża selvaġġa; monument naturali);
  • Ajkla-seqer tal-muntanji;
  • Ajkla rjali;
  • Makakk tal-Ġappun;
  • Dormouse;
  • Ors iswed Asjatiku.

Park Kważi Nazzjonali ta' Tsugaru

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sit ta' Shirakami-Sanchi huwa kkonfinat fil-Lvant mill-Park Kważi Nazzjonali ta' Tsugaru.

Shirakami-dake

[immodifika | immodifika s-sors]

Shirakami-dake hija l-ogħla quċċata f'Shirakami-Sanchi u hija għolja 1,232 metru (4,042 pied).[3] Il-quċċata fiha nnifisha mhijiex parti mis-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u għaldaqstant ma hemmx bżonn permess biex wieħed jixxabbat magħha. Fil-quċċata hemm faċilitajiet ta' tojlits u ta' kenn.

Festival ta' Yūkyū-no-Mori (悠久の杜) f'Shirakami

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-bażi ta' Shirakami-Sanchi, ir-raħal ta' Hachimori fid-Distrett ta' Yamamoto tal-Prefettura ta' Akita jorganizza kunċert annwali fil-beraħ.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-sit ta' Shirakami-Sanchi ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar".[1]

  1. ^ a b ċ d "Shirakami-Sanchi - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-03-12.
  2. ^ Rothmar, Tyler (2015-03-14). "Shirakami Sanchi: A forest outside of time". The Japan Times (bl-Ingliż). Miġbur 2025-03-12.
  3. ^ Atlas of Japan, Imidas Shueisha, Tokjo, 1990.