Aqbeż għall-kontentut

Sergio Corazzini

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Sergio Corazzini

Twieled 6 ta' Frar 1886
Ruma, l-Italja
Miet:17 ta' Ġunju 1907|6 ta' Frar 1886, ta' 21 sena
Ruma, l-Italja
Xogħol {{{occupation}}}

Sergio Corazzini (6 ta' Frar 1886 – 17 ta' Ġunju 1907) kien poeta Taljan, membru tal-moviment Krepuskolari.

Imwieled f'Ruma f'familja sinjura, Corazzini studja fil-Collegio Umberto I, fejn kien attiv bħala awtur u direttur tat-teatru tal-marjunetti tal-kulleġġ. Minħabba d-diffikultajiet ekonomiċi tal-familja tiegħu, ikkawżati minn investimenti ħżiena ta' missieru fis-suq tal-ishma u mill-marda ta' ommu, huwa kellu jitlaq mill-kulleġġ u jaħdem f'kumpanija tal-assigurazzjoni.

L-għarfien tal-poeżija ta' Corazzini beda fl-1902, meta l-versi tiegħu bdew jiġu ppubblikati regolarment fir-rivista Pasquino de Roma (aktar tard Marforio). L-ewwel ġabra poetika tiegħu, Dolcezze (Ħlewwiet), ħarġet fl-1904, u ftit wara ħarġet oħra bit-titlu ta' L'amaro calice (Il-Kalċi Avvelenat), li kisbet apprezzament mill-kritiċi, tant li pparagunawha max-xogħlijiet ta' Stéphane Mallarmé, Francis Jammes u Jules Laforgue, fost oħrajn. Fl-1905, Corazzini waqqaf ir-rivista letterarja Cronache latine (Kronaki Latini) li kellha ħajja qasira. Kiteb ukoll l-uniku dramm tiegħu Il traguardo (Il-Punt tal-Wasla), u ħareġ it-tielet ġabra ta' poeżiji, Le aureole (Ir-Raġġieri).

Tematikament, il-poeżiji ta' Corazzini huma pjuttost monotoni. Huma jiffukaw l-aktar fuq il-poeta stess li jitħassar lilu nnifsu, u jippreżentawh bħala ‘tifel marid' jistenna l-mewt. Madankollu, fl-istil tal-poeżiji tiegħu Corazzini għamel esperimenti interessanti u xi kultant uża wkoll f’versi ħielsa. [1]

Fl-1906, marid serjament bit-tuberkulożi, fl-1906 mar joqgħod f'Nocera Umbra, qabel ma ddaħħal l-isptar fis-sanatorju ta' Nettuno fil-ħarifa tal-istess sena. Fis-sanatorju beda t-traduzzjoni ta' Sémiramis ta' Joséphin Péladan, li qatt ma lestieha, u baqa' jikkomponi poeżiji li wħud minnhom inġabru fil-Libro per la sera della domenica (Ktieb għal Nhar ta' Ħadd Filgħaxija). Fl-1907 huwa mar lura f'daru f'Ruma, fejn miet fis-17 ta' Ġunju 1907, fl-età ta' 21 sena.

  • Dolcezze . Tipografia operaia romana, Ruma, 1904.
  • L'amaro calice. Tipografia operaia romana, Ruma, 1904.
  • Le aureole. Tipografia operaia romana, Ruma, 1905.
  • Piccolo libro inutile. Tipografia operaia romana, Ruma, 1906. (jinkludi wkoll poeżiji ta' Alberto Tarchiani)
  • Elegia. Frammento. Tipografia operaia romana, Ruma, 1906
  • Libro per la sera della domenica. Tipografia operaia romana, Ruma, 1906.
  • Liriche. Ricciardi, Napli, 1909.
  1. Poeti italiani del novecento. Mondadori. 1987.