Sassi ta' Matera

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Veduta tas-Sassi ta' Matera

Is-Sassi ta' Matera huma żewġ distretti (Sasso Caveoso u Sasso Barisano) tal-belt Taljana ta' Matera fir-reġjun ta' Basilicata, magħrufa sew għad-djar antiki fl-għerien li ilhom abitati mill-preistorja, eżattament mill-perjodu Paleolitiku. Flimkien mal-kwartier ta' Civita (mibni f'xifer l-irdum li jissepara ż-żewġ Sassi), jikkostitwixxu ċ-ċentru storiku tal-belt. Is-Sassi ġew deskritti kemm-il darba bħala "wieħed mill-iżjed pajsaġġi uniċi fl-Ewropa".[1] Iż-żewġ Sassi u l-park tal-knejjes rupestri ġew imniżżlin fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[2]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

Mappa tas-Sassi ta' Matera

Is-Sassi oriġinaw minn insedjament troglodita preistoriku u x'aktarx li kienu fost l-ewwel insedjamenti umani fl-Italja. Hemm evidenza li n-nies ilhom jgħixu hemmhekk saħansitra mis-7000 Q.K.[3]

Is-Sassi huma djar imħaffrin fil-blat artab innifsu li huwa tipiku tar-reġjuni ta' Basilicata u ta' Puglia. Dan il-blat lokalment huwa magħruf bħala tufo għalkemm fil-verità mhuwiex vulkaniku. It-toroq f'xi partijiet tas-Sassi spiss jgħaddu minn fuq djar oħra. Ir-raħal antik kiber fuq xaqliba waħda tal-irdum maħluq mix-xmara Gravina. Dan l-irdum huwa magħruf lokalment bħala "la Gravina".

It-terminu sasso ġej mil-Latin saxum, li tfisser għolja, blata jew ħaġra.[4]

Veduta tas-Sassi minn ġewwa

Fis-snin 50 tas-seklu 20, il-gvern tal-Italja ġiegħel ir-rilokazzjoni tal-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tas-Sassi lejn żoni iktar żviluppati tal-belt moderna. Mifnija mill-faqar estrem u mill-malarja, il-kundizzjonijiet mhux iġjeniċi ta' għajxien fis-Sassi tqiesu diżumani u daqqa ta' ħarta għar-Repubblika Taljana ġdida ta' Alcide De Gasperi.[5] Madankollu, in-nies baqgħu jgħixu fis-Sassi xorta waħda, u hemm evidenza li Matera huwa l-unika post fid-dinja fejn in-nies jistgħu jiftaħru li għadhom jgħixu fl-istess djar ta' missirijiethom ta' 9,000 sena ilu.[3]

Sal-aħħar tas-snin 80 tas-seklu 20 din iż-żona kienet meqjusa żona ta' faqar, peress li bosta minn dawn id-djar kienu, u f'xi każijiet għadhom, diżabitabbli. Madankollu, l-amministrazzjoni lokali attwali saret iktar orjentata lejn it-turiżmu u ppromwoviet ir-riġenerazzjoni tas-Sassi bl-għajnuna mill-Unjoni Ewropea, mill-gvern, u mill-UNESCO. Illum il-ġurnata hemm bosta negozji sejrin tajjeb, kif ukoll bars u lukandi li jilqgħu t-turisti.[6] Fl-2019, Matera kienet ukoll il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, u dan kompla jagħti spinta kbira lit-turiżmu.[7]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Sassi ta' Matera billejl

Is-Sassi u l-Park tal-Knejjes Rupestri ta' Matera ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1993.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[2]

Ġeografija[immodifika | immodifika s-sors]

Veduta tas-Sassi ta' Matera min-naħa l-oħra tal-irdum ta' Gravina

Is-Sassi kibru fiż-żona tal-Promontorju ta' Murgia[8], li huwa estiż bejn ir-reġjuni ta' Puglia u ta' Basilicata. Flimkien mad-distretti ta' Civita u ta' Piano, iż-żewġ Sassi jiffurmaw iċ-ċentru storiku ta' Matera.[9]

Isem Sasso Barisano ġej mill-fatt li huwa orjentat lejn il-Majjistral, fid-direzzjoni tal-belt ta' Bari. Inizjalment kien jirrappreżenta l-parti primarja tas-Sassi flimkien mal-kwartier ta' Civita.[3]

Isem Sasso Caveoso, orjentat lejn in-Nofsinhar, ġej minn isem il-belt ta' Montescaglioso, magħrufa fil-Medju Evu bħala Mons Caveous. Id-djar hawnhekk tħaffru fil-blat artab u nbnew waħda fuq l-oħra. Bil-blat li kien jiġi mħaffer kienet tinbena l-parti ta' quddiem tal-binja, u b'hekk l-"għar" kien jingħalaq, tant li xi kultant id-djar jissejħu "għar u casa (dar)". Il-mod kif inbnew dawn id-djar ifakkar fil-mod kif jitqassam spiss teatru, imtarrġin waħda taħt l-oħra sal-irdum. Din iż-żona nbniet wara dik ta' Civita u Sasso Barisano, u bdiet tiġi abitata biss wara fluss qawwi ta' immigrazzjoni ta' nies mill-Balkani matul is-seklu 16.[3]

Kultura[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Knisja ta' San Pietro Caveoso

Is-Sassi viżivament ifakkru wkoll fis-siti tal-qedem madwar Ġerusalemm, u għal din ir-raġuni ntużaw f'bosta films b'temi Kristjani, inkluż Il vangelo secondo Matteo (Pier Paolo Pasolini, 1964)[10], The Passion of the Christ (Mel Gibson, 2004)[11], The Nativity Story (Catherine Hardwicke, 2006) u Ben-Hur (Timur Bekmambetov, 2016).[12] Barra minn hekk, għall-ħabta ta' żmien il-Milied, spiss jiġu organizzati ljieli bil-presepju ħaj.[13]

Is-Sassi dehru wkoll fil-film ta' Patty Jenkins Wonder Woman (2017), bħala parti mix-xenarju tal-belt tal-Amazon, Themyscira[14], kif ukoll fil-film ta' Cary Joji Fukunaga No Time to Die (2021), fejn inġibdet xena bl-Aston Martin ta' James Bond.[15]

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ Fodor's (2011-03-22). Fodor's Southern Italy (bl-Ingliż). Fodor's Travel. Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  2. ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "The Sassi and the Park of the Rupestrian Churches of Matera". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-05.
  3. ^ a b ċ d "La Storia". Viaggio nei Sassi di Matera (bit-Taljan). Miġbur 2022-03-05.
  4. ^ Morris, John (1880). The new nation (bl-Ingliż). Ċitazzjoni għandu parametr mhux magħruf u vojt: |iktar= (għajnuna)
  5. ^ Dennis Marks, fis-sensiela Appian Way, BBC Radio 3
  6. ^ Nast, Condé (2015-04-20). "A Cave with a View". The New Yorker (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-05.
  7. ^ "Matera, capitale Europea della Cultura 2019 | Italia e mondo". www.unina.it. Miġbur 2022-03-05.
  8. ^ "Tagħrif dwar il-Promontorju ta' Murgia". web.archive.org. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-07-22. Miġbur 2022-03-05.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  9. ^ "Sassi of Matera: what to know and what to visit" (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-05.
  10. ^ "PASOLINI A MATERA. IL VANGELO SECONDO MATTEO CINQUANT'ANNI DOPO. (Prorogata fino al 25 Gennaio 2015)". Ministero per i Beni e le Attività culturali e per il Turismo (bit-Taljan). Miġbur 2022-03-05.
  11. ^ "Filming Locations for Mel Gibson's The Passion Of The Christ (2004), in Italy". The Worldwide Guide to Movie Locations. Miġbur 2022-03-05.
  12. ^ "Ben Hur, a colossal filmed in the Sassi of Matera - Palazzo Gattini". www.palazzogattini.it. Miġbur 2022-03-05.
  13. ^ "Matera's live nativity draws 30,000 - Lifestyle". ANSA.it (bl-Ingliż). 2015-01-06. Miġbur 2022-03-05.
  14. ^ "Filming Locations Guide: Where was Wonder Woman filmed? The Themyscira Island location". Atlas of Wonders (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-05.
  15. ^ "Matera, Italy". Bond Lifestyle (bl-Ingliż). 2021-09-24. Miġbur 2022-03-05.