Sardis

Sardis (/ˈsɑːrdɪs/ SAR-diss) jew Sardes (/ˈsɑːrdiːs/ SAR-deess; bil-Lidjan: 𐤮𐤱𐤠𐤭𐤣, b'ittri Rumani: Sfard; bil-Grieg Antik: Σάρδεις, b'ittri Rumani: Sárdeis; bil-Persjan Antik: Sparda) kienet belt tal-qedem magħrufa bħala l-belt kapitali tal-Imperu Lidjan. Wara l-waqgħa tal-Imperu Lidjan, saret il-belt kapitali tas-satrapija Persjana ta' Lidja u iktar 'il quddiem saret ċentru ewlieni tal-kultura Ellenistika u Biżantina. Issa hija sit arkeoloġiku attiv li jinsab fit-Turkija moderna, fil-Provinċja ta' Manisa, qrib ir-raħal ta' Sart.
Fl-2025, Sardis tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Sardis ġiet okkupata għal mill-inqas 3,500 sena. F'dak iż-żmien, varjat bejn belt għanja ta' importanza internazzjonali u ġabra ta' kwartieri mudesti.
Insedjament bikri
[immodifika | immodifika s-sors]
Sardis ġiet insedjata qabel l-1500 Q.K. Madankollu, id-daqs u n-natura tal-insedjament bikri mhumiex magħrufa peress li ġew skavati porzjonijiet żgħar biss mis-saffi 'l barra mill-ħitan tal-belt. L-evidenza tal-okkupazzjoni tikkonsisti fil-biċċa l-kbira minn bċejjeċ tal-fuħħar ta' Żmien il-Bronż Aħħari u ta' Żmien il-Ħadid Bikri li juru affinitajiet mal-Griegi Miċenej u mal-Ittiti. Sa issa ma nstabet l-ebda arkitettura monumentali bikrija.
Is-sit jaf ġie okkupat saħansitra fin-Neolitiku, kif joħroġ fid-dieher mis-sejbiet sparpaljati ta' frammenti ta' bċejjeċ bikrin taċ-ċeramika. Madankollu, dawn instabu barra minn kuntest, għaldaqstant ma tista' tinsilet l-ebda konklużjoni dwarhom. Instabu wkoll ċimiterji ta' Żmien il-Bronż Bikri 7 mili 'l bogħod tul il-Lag ta' Marmara, qrib oqbra tal-elit ta' żmien il-Lidjani u l-Persjani li ġew wara.
Fi Żmien il-Bronż Aħħari, is-sit kien jinsab fit-territorju tal-Art tax-Xmara Seha, li huwa maħsub li l-belt kapitali tagħha kienet tinsab f'Kaymakçı fil-qrib. It-testi tal-Ittiti jsemmu li Seha oriġinarjament kienet parti minn Arzawa, li kien makrorenju li r-re tal-Ittiti Mursili II għeleb u qasam f'diversi partijiet. Wara dak iż-żmien, Seha saret stat vassall tal-Ittiti u ntużat bħala intermedjarju importanti mal-Griegi Miċenej. Ir-relazzjoni bejn il-poplu ta' Seha u l-Lidjani li ġew wara mhuwiex ċar, peress li hemm evidenza kemm tal-kontinwità kulturali kif ukoll tat-taqlib fir-reġjun. La t-terminu "Sardis" u lanqas l-isem allegatament iktar bikri ta' "Hyde" (bil-Grieg Antik, li jaf kien jirrifletti l-isem tal-Ittiti, "Uda") ma jidhru f'xi test eżistenti tal-Ittiti.
Sardis Lidjana
[immodifika | immodifika s-sors]
Fis-seklu 7 Q.K., Sardis saret il-belt kapitali ta' Lidja. Minn hemmhekk, rejiet bħal Croesus mexxew imperu li ġie estiż saħansitra sax-xmara Halys fil-Lvant. Il-belt stess kienet tkopri 108 ettari flimkien maż-żoni lil hinn mill-ħitan ħoxnin sa 20 metru li kienu jipproteġu l-belt. L-akropoli kienet imtarrġa bix-xogħol bil-blat abjad sabiex titwitta kemm jista' jkun l-art naturali irregolari madwar il-muntanji. Il-viżitaturi tagħha setgħu jilmħu s-sit mill-bogħod minħabba t-tliet tumbati funebri enormi fl-għolja ta' Bin Tepe.
Il-konfigurazzjoni u l-organizzazzjoni tal-belt hija parzjalment magħrufa biss sa issa. Lejn it-Tramuntana/il-Majjistral, il-belt kellha żona kbira lil hinn mill-ħitan tagħha b'inħawi residenzjali, kummerċjali u industrijali. L-insedjament kien estiż san-Nixxiegħa ta' Pactolus, li ħdejha l-arkeologi sabu l-fdalijiet ta' impjanti fejn kienu jiġu pproċessati l-metalli max-xmara.
Id-djar b'diversi kmamar madwar is-sit jaqblu mad-deskrizzjoni ta' kostruzzjonijiet tal-ġebel mhux maħdum u tal-brikks tat-tajn li ta Eredotu. Il-biċċa l-kbira tad-djar kellhom soqfa tat-tafal u tal-ħuxlief filwaqt li r-residenti għonja kellhom soqfa bil-madum, simili għal dawk tal-binjiet pubbliċi. Spiss id-djar kellhom btieħi u żoni tat-tħejjija tal-ikel li kienu identifikabbli, iżda l-ebda dar sħiħa ma ġiet skavata, għaldaqstant ma tantx jistgħu jsiru ġeneralizzazzjonijiet dwar il-konfigurazzjoni interna tad-djar ta' Sardis.
Fost il-fdalijiet reliġjużi nstab artal mudest li jaf kien iddedikat lil Cybele, peress li hemmhekk instab framment tal-fuħħar b'isimha fuqu. F'inħawi oħra tas-sit instab santwarju x'aktarx iddedikat lil Artemide, bi fdalijiet li jinkludu statwi ta' iljuni tal-irħam. Il-qima vernakolari toħroġ ċar fiż-żoni lil hinn mill-ħitan tal-belt fejn kienu jindifnu settijiet tal-pożati bħala offerti.
L-evidenza testwali rigward Sardis Lidjana tinkludi r-rakkont ta' Plinju dwar binja tal-brikks tat-tajn li allegatament kienet il-palazz ta' Croesus u kienet għadha hemmhekk fi żmienu.

Il-kultura materjali ta' Sardis hija msawra fil-biċċa l-kbira fuq interpretazzjoni distintiva tal-istili tal-Anatolja u tal-Eġew. L-artiġjani tal-belt donnhom kienu jispeċjalizzaw fl-arti gliptika, inkluż siġilli u ġojjellerija. Il-bċejjeċ tal-fuħħar tagħhom kienu jħalltu l-istili tal-Eġew u tal-Anatolja, flimkien ma' interpretazzjonijiet distintivi bħall-għamla tal-lydion u tekniki dekorattivi magħrufa bħall-igglejżjar taparsi tal-irħam u l-igglejżjar taparsi bil-vini tal-blat. Ix-xeni narrattivi fuq il-bċejjeċ tal-fuħħar ta' Sardis huma rari. Il-bċejjeċ tal-fuħħar Griegi importati jixhdu l-"attitudni Ellenofila" li kkummentaw dwarha l-kittieba Griegi kontemporanji. Filwaqt li dawk l-awturi baqgħu impressjonati bil-mużika u bit-tessuti tal-Lidjani, dawn l-aspetti tal-kultura Lidjana mhumiex viżibbli fil-fdalijiet arkeoloġiċi.
Qerda kkawżata minn Ċiru l-Kbir
[immodifika | immodifika s-sors]Sardis inħakmet minn Ċiru l-Kbir għall-ħabta tal-547 Q.K. Wara li għelbu lir-re Lidjan Croesus fil-Battalja ta' Pterja u fil-Battalja ta' Timbra, il-Persjani segwew l-armata li rtirat lura sa Sardis u serqulha r-rikkezzi tagħha wara assedju qasir. Id-dettalji dwar dan l-avveniment huma magħrufa l-iktar bis-saħħa tar-rakkont semimitoloġiku ta' Eredotu, iżda l-qerda hija viżibbli sew fil-fdalijiet arkeoloġiċi. Skont il-kliem tal-iskavatur Nicholas Cahill:
Qajla li avveniment storiku magħruf sew u importanti jkun ippreservat daqstant fil-fdalijiet arkeoloġiċi, iżda l-qerda li ħalla warajh Ċiru tidher b'mod ċar u drammatiku fil-fdalijiet ta' madwar il-belt. (traduzzjoni mhux uffiċjali)
Il-fortifikazzjonijiet tal-belt inħarqu f'nar enormi li nfirex sa partijiet miż-żoni residenzjali ta' biswit il-belt. L-istrutturi u l-oġġetti tal-injam ta' ġol-binjiet inqerdu għalkollox. Il-brikks tat-tajn mill-fortifikazzjonijiet ċedew fuq l-istrutturi ta' biswit, u b'hekk ippreservaw il-ftit fdalijiet li b'hekk baqgħu ma nsterqux.
Instabu skeletri midfuna b'mod sparpaljat qalb ir-radam, inkluż dawk ta' suldati Lidjani li mietu mewta vjolenti. L-għadam ta' suldat partikolari kien maqsum, x'aktarx minħabba tentattiv ta' frattura biex tagħmel tajjeb għat-tidrib li kien ġarrab f'rasu li eventwalment wassal għal mewtu. Frattura ta' kustilja li fieqet parzjalment tissuġġerixxi li kien għadu qed jirkupra minn tidrib li kien ġarrab qabel f'xi battalja. F'dar meqruda, l-arkeologi sabu l-iskeletru parzjali ta' raġel ta' xi 40 sena li kien ibati bl-artrite. L-iskeletru kien maħruq sew, tant li l-arkeologi ma setgħux jiddeterminaw jekk kienx ġie mutilat apposta jew jekk l-għadam nieqes itteħidx minn xi annimali.
Madwar ir-radam tal-belt kollha nstabu ponot tal-vleġeġ u armi oħra, li x'aktarx jindikaw li kienet seħħet xi battalja kbira madwar il-belt. Il-varjetà ta' stili tissuġġerixxi l-isfond imħallat taż-żewġ armati involuti. Għodod domestiċi bħal vireg tal-ħadid u mnieġel żgħar instabu flimkien ma' armi ordinarji tal-gwerra, u dan x'aktarx li jindika li n-nies ċivili ppruvaw jiddefendu lilhom infushom meta nsterqu r-rikkezzi tal-belt.
Sardis Persjana
[immodifika | immodifika s-sors]
Wara li nqerdet, Sardis ġiet rikostruwita u baqgħet belt importanti u prosperuża. Għalkemm qatt ma reġgħet kienet belt kapitali ta' stat indipendenti, kienet il-belt kapitali tas-satrapija ta' Sparda u ffurmat l-istadju finali tar-Rotta Rjali Persjana li bdiet f'Persepolis. Kienet qisha l-portal għad-dinja Griega, u żaruha mexxejja Griegi notevoli bħal Lysander u Alcibiades, kif ukoll ir-rejiet Persjani Darius I u Xerxes.
Relattivament ftit minn Sardis Persjana hija viżibbli qalb il-fdalijiet arkeoloġiċi. Il-belt jaf kienet inbniet mill-ġdid 'il barra mil-limiti tal-ħitan tal-era Lidjana, kif joħroġ fid-dieher mill-kitba ta' awturi bħala Eredotu li jsostni li d-distrett ċentrali tal-era Persjana kien jinsab tul in-Nixxiegħa ta' Pactolus. Il-kultura materjali tal-belt fil-biċċa l-kbira kienet kontinwa ma' dik tal-era Lidjana, tant li diffiċli li wieħed jasal għad-datazzjoni preċiża tal-artefatti abbażi tal-istil.
Żviluppi notevoli ta' dan il-perjodu jinkludu l-adozzjoni tal-alfabett tal-Aramajk flimkien mal-alfabett Lidjan u l-għamla tal-fuħħar tal-"iskutella tal-Akemenidi". Il-ġojjellerija ta' din l-era turi ibridizzazzjoni kulturali Persjana-Anatoljana. B'mod partikolari, il-ġojjelliera bdew jużaw il-ħaġar semiprezzjuż u kkulurit minħabba projbizzjoni Persjana kontra l-ġojjellerija tad-dejeb fost il-klassi tal-patrijiet. B'mod simili, il-labar u l-bokkli għebu mill-fdalijiet arkeoloġiċi, u dan jirrifletti l-bidliet fl-ilbies li magħhom intużaw matul iż-żmien.

Il-binjiet minn din l-era jinkludu predeċessur possibbli tat-tempju ta' Artemide li ġie wara, kif ukoll santwarju possibbli ta' Żeus. L-evidenza testwali tissuġġerixxi li l-belt kienet magħrufa bħall-paradisoi tagħha kif ukoll għall-għelieqi tas-siġar tal-frott u għall-parks tal-kaċċa li nbnew minn Tissaphernes u minn Ċiru ż-Żgħir. Fost id-difniet ta' dan il-perjodu hemm it-tumbati funebri enormi b'oġġetti funebri estensivi.
Fl-499 Q.K., Sardis ġiet attakkata u maħruqa mill-Jonjani bħala parti mir-Rewwixta tal-Jonjani kontra t-tmexxija Persjana. Il-qerda sussegwenti tal-bliet Griegi kontinentali jingħad li kienet tpattija għal dan l-attakk. Meta Temistokli iktar 'il quddiem żar Sardis, huwa ltaqa' ma' statwa li kien ta personalment bħala vot u ddedikaha lil Ateni, u talab li terġa' tintraddlu.
Sardis Ellenistika u Biżantina
[immodifika | immodifika s-sors]
Fit-334 Q.K., Sardis inħakmet minn Alessandru Manju. Il-belt arrendiet mingħajr ġlied, peress li s-satrap lokali kien inqatel fit-telfa li ġarrbu l-Persjani f'Granikos. Wara li ħa l-poter, Alessandru reġa' stabbilixxa d-drawwiet u l-liġijiet Lidjani bikrin. Għaż-żewġ sekli ta' wara, il-belt għaddiet minn mexxej Ellenistiku għall-ieħor, fosthom Antigonus Monophthalmos, Lysimachus, is-Selewċidi u l-Attalidi. Ġiet assedjata minn Seleucus I fil-281 Q.K. u minn Antiochus III fil-215–213 Q.K., iżda l-ebda wieħed minnhom ma rnexxielu jasal sal-akropoli, li kienet meqjusa bħala l-iżjed post iffortifikat u b'saħħtu fid-dinja. Xi kultant il-belt intużat bħala residenza rjali, iżda mbagħad kienet iggvernata minn assemblea.

F'din l-era, il-belt ingħatat karattru Grieg b'saħħtu. Il-lingwa Griega ħadet post il-lingwa Lidjana fil-biċċa l-kbira tal-kitbiet mal-binjiet, u l-binjiet ewlenin inbnew bi stili arkitettoniċi Griegu biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-istituzzjonijiet kulturali Griegi. Fost dawn il-binjiet ġodda kien hemm prytaneion, gymnasion, teatru, ippodromu, kif ukoll it-Tempju enormi ta' Artemide li għadu viżibbli sal-lum. Il-Lhud ġew insedjati f'Sardis mir-re Ellenistiku Antiochos III, fejn bnew is-Sinagoga ta' Sardis u ffurmaw komunità li baqgħet teżisti għall-biċċa l-kbira tal-perjodu tal-Antikità Aħħarija.
Fil-129 Q.K., Sardis għaddiet f'idejn ir-Rumani, u taħthom gawdiet minn prosperità u importanza politika bħala parti mill-provinċja tal-Asja. Il-belt ingħatat tliet unuri neokorati u ngħatat 10 miljun sesterce kif ukoll eżenzjoni temporanja mit-taxxi bħala appoġġ biex tkun tista' tirkupra wara terremot devastanti fis-17 W.K.

Sardis kellha wkoll komunità Kristjana bikrija u tissemma fit-Testment il-Ġdid bħala waħda mis-seba' knejjes tal-Asja. Fil-Ktieb tar-Rivelazzjoni, Ġesù jirreferi għas-Sardjani bħala nies li ma jlestux dak li jibdew, u li moħħhom iktar fl-apparenza milli fis-sustanza.
Iktar 'il quddiem, il-kummerċ u l-organizzazzjoni tal-kummerċ baqgħu jkunu għejun ta' ġid kbir. Wara li Kostantinopli saret il-belt kapitali tal-Lvant, ġiet żviluppata sistema ġdida ta' toroq li jikkollegaw il-provinċji mal-belt kapitali. Dak iż-żmien Sardis kienet pjuttost 'il bogħod mir-rotot il-kbar tal-komunikazzjoni u tilfet ftit mill-importanza li kellha.
Matul il-Gwerra diżastruża tas-seklu 7 bejn il-Biżantini u s-Sassanidi, fis-615 Sardis kienet waħda mill-bliet li nsterqulhom ir-rikkezzi tagħhom fl-invażjoni tal-Asja Minuri mix-Shahin Persjani. Għalkemm eventwalment il-Biżantini rebħu l-gwerra, Sardis qatt ma reġgħet irkuprat għalkollox mill-ħsarat li ġarrbet.
Sardis żammet is-supremazija titolari tagħha u baqgħet tkun is-sede tal-isqof metropolitan tal-provinċja ta' Lidja, li ġiet iffurmata fil-295 W.K. Ġiet enumerata bħala t-tielet, wara Efesu u Smyrna, fil-lista ta' bliet tat-Thracesion thema mogħtija minn Constantine Porphyrogenitus fis-seklu 10. Madankollu, matul l-erba' sekli ta' wara saret inqas u inqas importanti fost il-provinċji ta' Magnesia max-xmara Sipylum u ta' Philadelphia, li żammew l-importanza tagħhom fir-reġjun.
Storja iktar 'il quddiem
[immodifika | immodifika s-sors]Sardis qabdet it-triq tan-niżla għall-ħabta tas-600 W.K. Baqgħet tagħmel parti mill-Imperu Biżantin sal-1078 W.K., sat-Torok Seljuk. Inħakmet mill-ġdid fl-1097 mill-ġeneral Biżantin John Doukas u sfat taħt it-tmexxija tal-Imperu Biżantin ta' Niċea meta Kostantinopli ttieħdet mill-Venezjani u mill-ġellieda tal-kruċjati fl-1204. Madankollu, ladarba l-Biżantini reġgħu ħadu Kostantinopli fl-1261, Sardis u l-inħawi tal-madwar sfaw taħt il-kontroll tal-emiri Ghazw. Il-widien ta' Cayster u forti fuq iċ-ċittadella ta' Sardis ingħatawlhom permezz ta' trattat fl-1306. Il-belt baqgħet dejjem nieżla t-triq tan-niżla sal-qbid tagħha u x'aktarx il-qerda tagħha mill-ġellied Tork-Mongolu Timur fl-1402.
Sas-seklu 18, fis-sit baqgħu jeżistu biss żewġ villaġġi żgħar. Fis-seklu 20, inbena raħal ġdid.
Rakkonti dwar l-istabbiliment
[immodifika | immodifika s-sors]
Erodotu jirrakkonta leġġenda li l-belt ġiet stabbilita mill-ulied subien ta' Erakle, l-Eraklidi. Skont Erodotu, l-Eraklidi kellhom it-tmun f'idejhom għal 505 snin, l-ewwel nett b'Agron, fl-1220 Q.K., u finalment b'Candaules, fis-716 Q.K. Dawn kienu segwiti mill-Mermnadi, l-ewwel nett b'Gyges, fis-716 Q.K., u finalment b'Croesus, fil-546 Q.K.
L-isem "Sardis" jidher għall-ewwel darba fix-xogħol tal-poeta tal-qedem Sappho. Strabo jsostni li l-isem oriġinali tal-belt kien "Hyde".
Sardis kienet tinsab f'nofs il-wied tax-xmara Hermus, madwar 4 kilometri (2.5 mili) fin-Nofsinhar tax-xmara. Iċ-ċittadella tagħha nbniet fuq l-Għolja wieqfa ta' Tmolus, filwaqt li l-insedjament iktar fil-baxx kien estiż sal-inħawi tan-Nixxiegħa ta' Pactolus.
Illum il-ġurnata, is-sit jinsab qrib il-villaġġ modern ta' Sart, ħdejn Salihli fil-provinċja ta' Manisa tat-Turkija, qrib l-awtostrada bejn Ankara u İzmir (madwar 72 kilometru (45 mil) minn İzmir). Is-sit huwa miftuħ għall-viżitaturi s-sena kollha, u hemm kumpless ta' banjijiet u gymnasium, sinagoga u ħwienet Biżantini.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Sardis u t-Tumbati Funebri Lidjani ta' Bin Tepe ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2025.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Skavi
[immodifika | immodifika s-sors]
Sas-seklu 19, Sardis kienet f'qagħda ta' fdalijiet, u l-biċċa l-kbira minnhom kienu ta' Żmien ir-Rumani. Fost l-iskavaturi bikrin kien hemm l-esploratur Brittaniku George Dennis, li sab ras enormi tal-irħam ta' Fawstina x-Xiħa. Din instabet fl-inħawi tat-Tempju ta' Artemide, u x'aktarx kienet tifforma parti minn par statwi kolossali ddedikati lill-koppja Imperjali. Ir-ras għolja 1.76 metru issa tinsab fil-Mużew Brittaniku.
L-ewwel spedizzjoni arkeoloġika fuq skala kbira f'Sardis kienet diretta minn tim mill-Università ta' Princeton University immexxi minn Howard Crosby Butler fl-1910–1914, u nstab it-Tempju ta' Artemide u iktar minn elf qabar Lidjan. L-iskavi waqfu ħesrem minħabba l-Ewwel Gwerra Dinjija, segwita mill-Gwerra tal-Indipendenza Torka, għalkemm reġgħu komplew għal żmien qasir fl-1922. Xi artefatti li għadhom jeżistu mill-iskavi ta' Butler żdiedu mal-kollezzjoni tal-Mużew Metropolitan tal-Arti fil-Belt ta' New York, l-Istati Uniti.
Spedizzjoni ġdida magħrufa bħala l-Esplorazzjoni Arkeoloġika ta' Sardis ġiet stabbilita fl-1958 minn G.M.A. Hanfmann, li kien professur fid-Dipartiment tal-Belle Arti fl-Università ta' Harvard, u minn Henry Detweiler, li kien id-dekan tal-Iskola tal-Arkitettura fl-Università ta' Cornell. Hanfmann wettaq skavi estensivi fil-belt u fir-reġjun, u skava u rrestawra l-kumpless Ruman ewlieni tal-banjijiet u tal-gymnasium, is-sinagoga, il-ħwienet u d-djar aħħarin tar-Rumani, żona industrijali Lidjana għall-ipproċessar tal-elektrum f'deheb pur u f'fidda, żoni ta' okkupazzjoni Lidjana, u t-tumbati funebri f'Bin Tepe.
Matul is-snin 60 tas-seklu 20, ir-rikonoxximent tal-importanza lokali tal-komunità Lhudija f'Sardis ingħatat konferma notevoli permezz tal-identifikazzjoni ta' assemblea sostanzjali fin-naħa tal-Majjistral tal-belt, issa magħrufa bħala s-Sinagoga ta' Sardis. Dan is-sit, imżejjen b'kitbiet, menorah, u diversi artefatti, jistabbilixxi l-funzjoni tal-assemblea bħala sinagoga mis-sekli 4 sa 6. L-iskavi li saru fiż-żoni residenzjali u kummerjċali ta' biswit wasslu wkoll għal evidenza addizzjonali tal-ħajja tal-Lhud.
Mill-1976 sal-2007, l-iskavi tkomplew taħt Crawford H. Greenewalt, Jr., li kien professur fid-Dipartiment tal-Lingwi Klassiċi fl-Università ta' California, Berkeley. Mill-2008, l-iskavi għaddew f'idejn id-direzzjoni ta' Nicholas Cahill, professur fl-Università ta' Wisconsin–Madison.
Uħud mis-sejbiet importanti mis-sit ta' Sardis huma ospitati fil-Mużew Arkeoloġiku ta' Manisa, inkluż mużajk u skulturi tal-aħħar perjodu tar-Rumani, elmu ta' nofs is-seklu 6 Q.K., u bċejjeċ tal-fuħħar minn diversi perjodi.