Santwarju tan-Natura Selvaġġa tal-Katina Muntanjuża ta' Hamiguitan
Is-Santwarju tan-Natura Selvaġġa tal-Katina Muntanjuża ta' Hamiguitan, jew fil-qosor il-Muntanja Hamiguitan, huwa magħmul minn muntanja li tinsab fil-provinċja tal-Lvant ta' Davao, il-Filippini. Il-muntanja hija għolja 1,620 metru (5,315-il pied). Is-santwarju jħaddan fih waħda mill-iżjed popolazzjonijiet b'diversità ta' organiżmi selvaġġi fil-pajjiż. Fost l-organiżmi selvaġġi li jgħixu fl-inħawi hemm l-ajkli tal-Filippini u diversi speċijiet ta' Nepenthes.[1][2] Uħud minn dawn tal-aħħar, bħan-Nepenthes peltata u n-Nepenthes micramphora, huma endemiċi għall-inħawi. Il-muntanja hija żona forestali protetta ta' madwar 2,000 ettaru. Din l-art imsaġġra hija magħrufa għall-foresta unika ta' siġar nani jew bonsai li għandhom xi mitt sena u li jgħixu f'ħamrija ultramafika, flimkien ma' bosta speċijiet rari, endemiċi u fil-periklu ta' flora u ta' fawna.[3][4]
Is-Santwarju tan-Natura Selvaġġa tal-Katina Muntanjuża ta' Hamiguitan, b'erja ta' 6,834 ettaru (68.34 km2), ġie ddikjarat bħala park nazzjonali u santwarju tan-natura selvaġġa fl-2003.[5] Fl-2014, il-park tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u sar l-ewwel sit f'Mindanao u sitt wieħed fil-Filippini.[6]
Il-Muntanja Hamiguitan tagħmel parti mill-Kuritur tal-Bijodiversità tal-Lvant ta' Mindanao. Il-konservazzjoni tal-katina muntanjuża hija sforz multisettorjali li jsir bl-involviment tal-gvern provinċjali tal-Lvant ta' Davao, tad-Dipartiment tal-Ambjent u r-Riżorsi Naturali, tal-komunitajiet lokali u tal-popli indiġeni.[7][8]
Il-Muntanja Hamiguitan tinsab fil-provinċja tal-Lvant ta' Davao fil-Grigal tal-gżira ta' Mindanao, il-Filippini. Tokkupa ż-żona tal-art fi ħdan il-konfini politiċi ta' Mati, San Isidro u Governor Generoso.[5]
Flora u fawna
[immodifika | immodifika s-sors]
Pjanti
[immodifika | immodifika s-sors]Mill-inventarju tal-ispeċijiet ta' flora fil-muntanja u fl-inħawi tal-madwar ħareġ li l-foresta muntanjuża tagħha fiha l-ikbar rikkezza ta' speċijiet ta' pjanti, b'462 speċi, segwiti mill-foresti dipterokarpi bi 338 speċi, il-foresti bil-muski b'246 speċi u s-sistema agrikola b'246 speċi. Il-muntanja tospita wkoll 45 speċi ta' orkidej, u 23 minnhom huma endemiċi għall-Filippini.[9] Uħud mill-pjanti komuni fil-Muntanja Hamiguitan jinkludu dawn li ġejjin:
- Leptospermum flavescens;
- Wendlandia nervosa;
- Tristaniopsis micrantha;
- Dacrydium elatum;
- Calophyllum blancoi;
- Symplocos polyandra;
- Almaciga (Agathis philippinensis);
- Elaeocarpus verticillatus;
- Patersonia lowii;
- Astronia lagunensis;
- Nepenthes alata (sensu lato);[10]
- Nepenthes hamiguitanensis;[11]
- Nepenthes justinae;[12]
- Nepenthes micramphora;
- Nepenthes peltata;
- Schizaea inopinata;
- Schizaea malaccana;
- Paphiopedilum ciliolare;
- Dipodium paludosum;
- Epigeneium sp.;
- Dendrochilum longilabre;
- Dendrochilum tenellum;
- Dendrochilum sp. (speċi mhux magħrufa);
- Macodes petola;
- Coelogyne chloroptera;
- Bulbophyllum sp.;
- Appendicula sp.;
- Gleichennia hirta;
- Drimys piperita;
- Hydnophyton sp.;
- Dilochia deleoniae;
- Lindsaea hamiguitanensis;
- Ceratostylis latipetala;
- Bulbophyllum colubrimodum.
Annimali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Lista l-Ħamra tal-Unjoni Internazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Natura (IUCN) identifikat mill-inqas 11-il speċi ta' vertebrati fil-periklu. Il-Kunsill għall-Agrikoltura, il-Forestrija u r-Riżorsi Naturali tal-Filippini rrapporta li fil-muntanja jgħixu ħames speċijiet fil-periklu, 27 speċi rari, 44 speċi endemika u 59 speċi importanti ekonomikament. L-ispeċijiet li ġejjin jgħixu fl-inħawi:
- l-ajkla tal-Filippini (Pithecophaga jeffreyi);
- il-pippistrell ġgantesk tal-kappa dehbija (Acerodon jubatus);
- il-farfett il-lejl tal-foresti tal-Filippini (Hipposideros obscurus);
- it-tarsjer tal-Filippini (Tarsius syrichta);
- il-ħanżir selvaġġ tal-Filippini (Sus philippensis);
- iċ-ċerva kannella tal-Filippini (Cervus mariannus);
- il-farfatt il-lejl tal-frott ta' Fischer (Haplonycteris fischeri);
- iż-żibett tal-palm tal-Asja (Paradoxurus hermaphroditus);
- il-ħamiema kannella ta' Tawitawi (Phapitreron cinereiceps);
- il-buċeru tariktiku (Penelopides panini);
- il-kolibrì tal-kappa griża (Aethopyga primigenius);
- il-kokka ġganteska ta' Mindanao (Mimizuku gurneyi);
- il-far ta' Batomys (speċi ta' far safrani-kannella endemiku għall-inħawi).
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2004, is-Santwarju tan-Natura Selvaġġa tal-Katina Muntanjuża ta' Hamiguitan ġie ddikjarat bħala santwarju tan-natura selvaġġa permezz tal-Liġi dwar il-Muntanja Hamiguitan li ġiet ippromulgata mill-President Gloria Macapagal-Arroyo fuq inizjattiva tas-senatriċi Loren Legarda.[13]
F'Ġunju 2014, is-Santwarju tan-Natura Selvaġġa tal-Katina Muntanjuża ta' Hamiguitan ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[6] Qabel din id-data, is-sit kien diġà ġie ddikjarat bħala Park ta' Wirt tal-ASEAN.
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[6]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "The Carnivorous Plant FAQ: Nepenthes". web.archive.org. 2009-01-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2009-01-22. Miġbur 2025-01-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ Amoroso, Victor B.; Aspiras, Reyno A. (2011). "Hamiguitan Range: A Sanctuary for Native Flora". Saudi Journal of Biological Sciences. 18 (1): 7–15. doi:10.1016/j.sjbs.2010.07.003. PMC 3730927. PMID 23961098.
- ^ "Davao Oriental wants Hamiguitan declared as world heritage site - Regions - GMA News Online - Latest Philippine News". web.archive.org. 2011-03-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2011-03-10. Miġbur 2025-01-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "UNESCO World Heritage Centre - Six new sites inscribed on World Heritage List". web.archive.org. 2014-06-25. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-06-25. Miġbur 2025-01-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ a b "REPUBLIC ACT NO. 9303 - AN ACT DECLARING MT. HAMIGUITAN RANGE AND ITS VICINITIES AS PROTECTED AREA UNDER THE CATEGORY OF WILDLIFE SANCTUARY AND ITS PERIPHERAL AREAS AS BUFFER ZONE AND APPROPRIATING FUNDS THEREFOR - Supreme Court E-Library". elibrary.judiciary.gov.ph (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-23.
- ^ a b ċ "Mount Hamiguitan Range Wildlife Sanctuary - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-23.
- ^ Quismundo, Tarra (2013-06-25). "Mt. Hamiguitan being considered as Unesco world heritage site". INQUIRER.net (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-23.
- ^ "Mount Hamiguitan Range Wildlife Sanctuary | World Heritage Outlook". worldheritageoutlook.iucn.org (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-23.
- ^ Acma, Florfe M.; Mendez, Noe P. (2018). "Noteworthy Records of Philippine Endemic Gingers (Zingiberaceae) in the Buffer Zone of Mt. Hamiguitan Range Wildlife Sanctuary, Davao Oriental, Philippines". Environmental and Experimental Biology. 16 (2): 111–115. doi:10.22364/eeb.16.10.
- ^ McPherson, Stewart (2009). Pitcher Plants of the Old World. Vol. 1–2. Poole: Redfern Natural History Productions.
- ^ Gronemeyer, T., A. Wistuba, V. Heinrich, S. McPherson, F. Mey & A. Amoroso 2010. Nepenthes hamiguitanensis (Nepenthaceae), a new pitcher plant species from Mindanao Island, Philippines. In: S.R. McPherson Carnivorous Plants and their Habitats. Redfern Natural History Productions Ltd., Poole. pp. 1296–1305.
- ^ Gronemeyer, Thomas; Suarez, Wally; Nuytemans, Herman; Calaramo, Michael; Wistuba, Andreas; Mey, François; Amoroso, Victor (2016). "Two New Nepenthes Species from the Philippines and an Emended Description of Nepenthes ramos". Plants. 5 (2). 23. doi:10.3390/plants5020023. PMC 4931403. PMID 27164153.
- ^ "Republic Act No. 9303 | Official Gazette of the Republic of the Philippines". web.archive.org. 2017-11-22. Arkivjat mill-oriġinal fl-2017-11-22. Miġbur 2025-01-23.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)