Aqbeż għall-kontentut

Santwarju ta' Bom Jesus de Matosinhos

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-faċċata tas-santwarju.

Is-Santwarju ta' Bom Jesus de Matosinhos (bil-Portugiż: Santuário do Bom Jesus de Matosinhos) hija bażilika Kattolika Rumana tas-seklu 18 f'Congonhas, Minas Gerais, il-Brażil. Ġiet iddisinjata bl-istil Barokk minn barra u bi stil Rokokò minn ġewwa b'ispirazzjoni Taljana. Il-bażilika hija magħrufa għat-taraġ grandjuż tagħha fuq barra bl-istatwi tal-profeti tat-Testment il-Qadim. Fuq ġewwa fiha seba' kappelli laterali li jirrappreżentaw is-seba' posti tal-passjoni ta' Kristu; kull waħda fiha skultura polikromatika magħmula mill-artist Aleijadinho (li twieled fl-1730 jew fl-1738 – miet fl-1814) u mill-assistenti tiegħu. Dan jitqiesu bħala kapulavuri ta' forma oriġinali, espressiva u li tmiss il-qlub tal-arti Barokka. Il-bażilika ġiet elenkata bħala struttura storika mill-Istitut Nazzjonali tal-Wirt Storiku u Artistiku fl-1939, u fl-1985 tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1][2][3]

Is-santwarju jinsab fil-quċċata ta' Morro do Maranhão, għolja li tagħmel parti mis-Serra do Ouro Branco. Wieħed jasal għaliha permezz ta' toroq weqfin biċ-ċagħaq taċ-ċentru storiku ta' Congonhas.[3]

Bom Jesus de Matosinhos

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Santwarju ta' Bom Jesus de Matosinhos huwa ddedikat lil Bom Jesus de Matosinhos, invokazzjoni ta' Ġesù relatata ma' skultura polikromatika tal-injam. Din l-iskultura tinsab għall-wiri f'Matosinhos, il-Portugall. In-nies jemmnu li nħolqot minn Nikodemu li kien kien iltaqa' ma' Ġesù matul ħajtu. L-iskultura jingħad li kellha l-bixra eżatta ta' Ġesù u hija l-ewwel xbiha ta' Ġesù li waslet fil-Portugall.[4]

Is-santwarju ġie kkummissjonat minn Feliciano Mendes. Mendes għamel wegħda lil Bom Jesus de Matosinhos wara li rkupra minn marda gravi fl-1757. Meta Mendes miet fl-1765, bdew jiġu offruti servizzi reliġjużi mis-santwarju. L-iskultura tal-Bom Jesus f'Congonhas do Campo titqies bħala vara qawwija tal-interċessjoni. Kien maħsub li t-talb li kien jingħad quddiem l-iskultura kellu ċans tajjeb li jingħata tweġiba, u b'hekk is-santwarju sar sit famuż għall-pellegrinaġġi, fejn in-nies kienu jivvjaġġaw mill-bogħod biex jiġu jistaqsu lil Ġesù għall-għajnuna u għall-assistenza.

Pjanta tas-santwarju.

Il-pjanta tal-knisja ssegwi l-mudell Barokk kolonjali Portugiż, u hija deskritta bħala "l-ikbar kumpless arkitettoniku u artistiku tal-pajjiż u l-iktar wieħed notevoli" minn Maria Elisa Carrazzoni. Is-santwarju għandu pjanta rettangolari, navata unika, kor fuq id-daħla, u presbiterju sseparat minn navata permezz ta' ħnejja monumentali. Il-kurituri madwar il-presbiterju jagħtu għal sagristija fuq in-naħa ta' wara. Il-faċċata hija tipika wkoll tal-perjodu, b'blokka ċentrali għall-korp tal-knisja. Daħla unika hija mżejna b'gwarniċ tal-ġebel imnaqqax. L-istoriku tal-arti Germain Bazin jattribwixxi d-disinn tal-frontispizju elaborat lill-artist Aleijadinho.[5]

Fuq ġewwa s-santwarju huwa mżejjen b'mod rikk bl-istil Rokokò, u jikkonsisti f'tinqix indurat fuq l-artali, statwi u pitturi mas-soqfa u mal-ħitan. L-artali tal-ħnejja tal-presbiterju tlestew bejn l-1765 u l-1769 minn Jerônimo Felix Teixeira. L-aħħar irtokki ngħataw fl-1772 minn Manuel Rodrigues Coelho, u mbagħad ġew indurati u mpittrin minn João Carvalhais (l-artal ta' Sant'Antnin) u minn Bernardo Pires da Silva (l-artal ta' San Francis de Paula). João Antunes de Carvalho lesta l-artal maġġuri bejn l-1769 u l-1775. Francisco Vieira Servas skolpixxa żewġ anġli b'torċa biex iżejnu l-presbiterju fl-1778. L-erba' relikwarji huma frott ix-xogħol ta' Aleijadinho, u tpittru minn Mestre Ataíde. Il-pitturi tas-saqaf tal-presbiterju twettqu bejn l-1773 u l-1774 minn Bernardo Pires da Silva u juru d-dfin ta' Ġesù.

Rekwiżiti ta' protezzjoni u ta' ġestjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Peress li s-santwarju ġie ddeżinjat bħala sit storiku fl-1939, l-Istitut Nazzjonali tal-Wirt Storiku u Artistiku għamel ħiltu biex jiġi protett u kkonservat kemm jista' jkun. L-għan tiegħu hu li jippreserva l-importanza kulturali tas-sit kif ukoll il-valuri attribwiti lis-santwarju.

Kamra tal-Mirakli

[immodifika | immodifika s-sors]

Fid-29 ta' Jannar 1981, il-Kamra tal-Mirakli tqieset bħala sit ta' wirt federali mill-Istitut Nazzjonali tal-Wirt Storiku u Artistiku. F'din il-kamra d-devoti jagħmlu offerti u donazzjonijiet ta' oġġetti biex iroddu ħajr lil Alla ta' xi barka li ngħataw bis-saħħa tal-interċessjoni tal-Bom Jesus.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Santwarju ta' Bom Jesus de Matosinhos ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]

  1. 1 2 3 "Santwarju ta' Bom Jesus de Matosinhos - UNESCO".
  2. "Sanctuary of Bom Jesus do Congonhas: Baroque Art Marvel | LAC Geo". lacgeo.com. Miġbur 2025-08-17.
  3. 1 2 Figueiredo, Andre. "HPIP". hpip.org (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-17.
  4. "Khan Academy". www.khanacademy.org (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-17.
  5. Maria Elisa Carrazzoni (1987), Guia dos bens tombados Brasil (bil-Portugiż) (2nd ed.), Expressão e Cultura, pp. 197-198.