Santwarju ta' Mỹ Sơn

Is-Santwarju ta' Mỹ Sơn (spellut ukoll My Son; pronunzja bil-Vjetnamiż: [mǐˀ səːn]) huwa raggruppament ta' fdalijiet ta' tempji Induisti abbandunati ddedikati lil Xiva fil-Vjetnam ċentrali, li nbnew bejn is-seklu 4 u s-seklu 13 mir-Rejiet ta' Champa, renju Indjanizzat tal-poplu Cham. It-tempji ġew iddedikati lill-qima ta' Xivu f'konformità mat-twemmin tax-Xivaiżmu. F'dan il-kumpless partikolari, Xiva jiġi meqjum b'diversi ismijiet lokali, u l-iktar isem importanti hu dak ta' Bhadreshvara.
Is-Santwarju ta' Mỹ Sơn jinsab qrib il-komun ta' Duy Phú, tad-distrett amministrattiv ta' Duy Xuyên fil-Provinċja ta' Quảng Nam fil-Vjetnam ċentrali, 69 kilometru fil-Lbiċ ta' Da Nang, 36 kilometru fin-Nofsinhar ta' Hội An u madwar 10 kilometri mill-belt kapitali ta' Champa, Trà Kiệu. It-tempji jinsabu f'wied wiesa' bejn wieħed u ieħor 2 kilometri u li hu mdawwar b'żewġ ktajjen muntanjużi.
Mis-seklu 4 sas-seklu 13 W.K., il-wied ta' Mỹ Sơn kien sit ta' ċerimonji reliġjużi għar-rejiet tad-dinastiji mexxejja ta' Champa, kif ukoll post tad-dfin tal-membri rjali u tal-eroj nazzjonali tal-poplu Cham. Kien assoċjat mill-qrib mal-bliet fil-qrib tal-poplu Cham ta' Indrapura (Đồng Dương) u ta' Simhapura (Trà Kiệu). Fl-imgħoddi, kien hemm żmien meta s-sit kien jinkludi iktar minn 70 tempju kif ukoll bosta steli b'kitbiet imnaqqxin bis-Sanskritu u biċ-Cham li kienu storikament importanti.

Is-Santwarju ta' Mỹ Sơn huwa x'aktarx l-iżjed sit arkeoloġiku li dam abitat fl-art kontinentali tax-Xlokk tal-Asja, iżda l-maġġoranza l-kbira tal-arkitettura tiegħu nqerdet mill-bumbardamenti tal-Istati Uniti matul ġimgħa waħda waqt il-Gwerra tal-Vjetnam.
Il-kumpless tat-tempji tas-Santwarju ta' Mỹ Sơn jitqies bħala wieħed mill-iktar kumplessi ta' tempji Induisti ewlenin tax-Xivaiżmu fix-Xlokk tal-Asja u huwa l-ewwel sit ta' wirt storiku ta' dan it-tip fil-Vjetnam. Spiss jiġi mqabbel ma' kumplessi ta' tempji storiċi oħra fix-Xlokk tal-Asja, bħal Borobudur f'Ġava, l-Indoneżja, Angkor Wat fil-Kambodja, Vat Phou fil-Laos, Bagan fil-Myanmar/Burma u Prasat Hin Phimai tat-Tajlandja. Mill-1999, is-Santwarju ta' Mỹ Sơn tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]
L-iktar minn 70 tempji u qabar preżenti fis-Santwarju ta' Mỹ Sơn ġew datati li jmorru lura għall-perjodu bejn is-seklu 4 u s-seklu 13 W.K. Madankollu, il-kitbiet imnaqqxin u evidenza oħra jindikaw li mis-seklu 4 kien hemm preżenza ta' xi kostruzzjonijiet iktar bikrin li issa nqerdu għalkollox. Il-kumpless jaf kien iċ-ċentru reliġjuż u kulturali ta' Champa fil-qedem, filwaqt li l-gvern kien ibbażat fil-qrib f'Simhapura jew f'Đồng Dương.
Bhadravarman u Bhadreśvara
[immodifika | immodifika s-sors]L-iżjed avvenimenti storiċi bikrin iddokumentati permezz tal-evidenza li nkisbet f'Mỹ Sơn huma marbuta mal-era tar-Re Bhadravarman I (litteralment "Armatura mqaddsa" iżda tfisser ukoll il-fjura tal-ispeċi Jasminum sambac; bil-Vjetnamiż: Phạm Hồ Đạt), li rrenja mit-380 sal-413, u li qatta' l-aħħar parti tar-renju tiegħu fi gwerra kontra l-popolazzjoni tat-Tramuntana tal-Vjetnam okkupata miċ-Ċiniżi. F'Mỹ Sơn, Bhadravarman bena sala b'lingam bħala qima għal Xiva bl-isem bis-Sanskritu Bhadreśvara jew "Sinjur Imqaddes", isem kompożitu maħluq minn isem ir-re stess u l-kelma īśvara jew "sinjur" li spiss tintuża għal Xiva.

Ir-Re Bhadravarman ordna li tittella' stele f'Mỹ Sơn bid-data tal-istabbiliment imnaqqxa fuqha. L-istele tindika li r-re ddedika l-wied kollu ta' Mỹ Sơn lil Bhadreśvara. Il-kitba mnaqqxa tintemm b'appell ta' Bhadravarman lis-suċċessuri tiegħu: "Jekk tridu tagħtuni ġieħ, teqirdux dak li tajtkom". Huwa sejjes il-ħsieb tiegħu fuq id-duttrini ta' saṃsāra u karma, u żied jgħid, "Jekk teqirdu [l-istabbiliment tiegħi], l-għemejjel tajbin kollha tagħkom fil-ħajjiet differenti tagħkom ikunu tiegħi, u l-għemejjel ħżiena kollha tiegħi jkunu tagħkom. Jekk, min-naħa l-oħra, tieħdu ħsieb dak li ħallejtilkom, il-merti jkunu tagħkom biss". Is-suċċessuri ta' Bhadravarman milli jidher semgħu mill-appell tiegħu, għax Mỹ Sơn sar iċ-ċentru reliġjuż ta' Champa għal bosta ġenerazzjonijiet.
Sambhuvarman
[immodifika | immodifika s-sors]
It-tempji oriġinali ta' Bhadravarman kienu magħmulin b'mod prinċipali minn materjali tal-injam bħal zkuk tal-injam. B'xorti ħażina, il-kumpless tat-tempju nqered min-nar kbir fil-535 jew fil-536 W.K., matul ir-renju ta' Rudravarman I (li rrenja fil-527–572). Fis-seklu 7, ir-Re Sambhuvarman (Phạm Phạn Chi bil-Vjetnamiż, Fan Che kif traskritt miċ-Ċiniż), li rrenja mill-572 sas-629 u iben Rudravarman, reġa' bena t-tempju, iddedikah lill-istess divinità bl-isem ta' Sambhu-Bhadresvara, u tella' stele biex tiddokumenta l-avveniment. L-istele affermat li Sambhu-Bhadresvara kien il-ħallieq tad-dinja u l-qerried tad-dnub, u esprimiet ix-xewqa li r-re" joħloq l-hena fir-renju ta' Champa". L-istele faħħret ukoll lir-re nnifsu, u sostniet li huwa kien "bħal xemx terrestri li ddawwal il-lejl" u li l-glorja tiegħu kbiret "bħalma l-qamar jitla' f'lejla tal-ħarifa".

X'aktarx ironikament, ir-renju ta' Sambhuvarman ġie mtebba' minn waħda mill-iżjed invażjonijiet devastanti li qatt ġarrab il-pajjiż ta' Champa. Fis-605 W.K., il-ġeneral Ċiniż Liu Fang mexxa armata lejn in-Nofsinhar miż-żona li issa hija t-Tramuntana tal-Vjetnam, għeleb ir-rikkieba tal-iljunfanti ta' Sambhuvarman, u seraq ir-rikkezzi tal-belt kapital tal-poplu Cham, filwaqt li rnexxielu jaħrab b'serqa enormi li kienet tinkludi iktar minn elf ktieb Buddist kif ukoll tavli tad-deheb li kienu jikkommemoraw ir-renji tat-tmintax-il re ta' qabel. Huma u sejrin lura lejn it-Tramuntana bis-serqa tagħhom, l-invażuri Ċiniżi laqqtu epidemija li qatlet lil bosta minnhom, inkluż lil Liu Fang. Sambhuvarman, min-naħa tiegħu, reġa' lura lejn ir-renju tiegħu, beda l-proċess ta' rikostruzzjoni, u żgura li jibgħat vjeġġi regolari ta' oġġett bħala ħajr lill-qorti Ċiniża, sabiex jibqgħu kuntenti u ma jerġax iseħħ id-diżastru li kien seħħ.
L-istudjużi Franċiżi li investigaw Mỹ Sơn fil-bidu tas-seklu 20 identifikaw binja li dak iż-żmien kienet għadha teżisti u li kienet distinta għall-"kobor maestuż tagħha, l-istil tal-qedem tagħha, u r-rikkezza tat-tiżjin tagħha"; din kienet it-tempju ta' Sambhu-Bhadresvara li nbena mir-Re Sambhuvarman. Il-binja, li fost l-istudjużi hija magħrufa bħala "A1", prattikament inqerdet mill-bumbardamenti mill-ajru tal-Istati Uniti fil-Gwerra tal-Vjetnam u issa kulma fadal minnha huwa munzell brikks.
Prakasadharma
[immodifika | immodifika s-sors]

Ir-Re Prakasadharma (Po Kia Pho Pa Mo, kif traskritt miċ-Ċiniż) mexxa f'Champa mis-653 W.K. sa madwar is-687 W.K. Malli tela' fuq it-tron, huwa beda juża l-isem ta' Vikrantavarman. Matul ir-renju tiegħu, huwa wessa' l-fruntieri ta' Champa lejn in-Nofsinhar u bagħat ambaxxaturi u donazzjonijiet bħala ħajr (inkluż iljunfanti mansi) liċ-Ċina. Il-kitbiet imnaqqxa jorbtuh mhux biss ma' Mỹ Sơn, iżda anke mal-insedjamenti urbani fil-qrib ta' Trà Kiệu u ta' Đồng Dương. Huwa beda l-prattika reliġjuża tad-donazzjoni tal-"kosas" jew kmiem metalliċi mżejnin li kienu jitpoġġew fuq lingam. Huwa kien devot mhux biss ta' Xiva iżda anke ta' Vixnu, xi ħaġa li ma kinitx tas-soltu għal re ta' Champa.
Waħda mill-iktar steli importanti li nstabu f'Mỹ Sơn hija dik li ttellgħet minn Prakasadharma fis-657 W.K. L-iskop tal-istele kien li tfakkar l-istabbiliment min-naħa tar-re ta' divinità identifikata bħala l-mexxej tad-dinja, jiġifieri Xiva, bil-ħsieb li jingħelbu ż-żrieragħ tal-karma li jwasslu għat-twelid mill-ġdid. L-istele hija importanti għax issemmi l-antenati tar-re u b'hekk hija ta' għajnuna kbira għar-rikostruzzjoni tas-sekwenza ta' mexxejja ta' Champa. Fost l-antenati tiegħu, b'mod partikolari, ir-re semma re Kambodjan imsejjaħ Isanavarman I. U bħar-rejiet Kambodjani, l-antenati tiegħu kienu jmorru lura għar-re leġġendarju Kamma Kshtriya mir-renju Kakatiya u l-prinċipessa nāga Soma.
Żviluppi ulterjuri
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-rejiet sussegwenti rrinnovaw it-tempji tal-qedem u bnew tempji oħra. Għal bosta sekli, il-kostruzzjoni tat-tempji u tas-santwarji ta' daqsijiet differenti baqgħet għaddejja, u Mỹ Sơn serva bħal ċentru reliġjuż u kulturali taċ-ċivilizzazzjoni Cham fil-Vjetnam ċentrali, kif ukoll bħala l-post tad-dfin tar-rejiet u tal-mexxejja reliġjużi.

Il-biċċa l-kbira tat-tempji eżistenti f'Mỹ Sơn, bħal Isanabhadresvara, inbnew fl-aħħar tas-seklu 10 u fis-seklu 11 W.K. mir-re Harivarman II (li rrenja fid-989–997) u iktar 'il quddiem mir-re Harivarman IV (li rrenja fl-1074–1080). Il-kitbiet imnaqqxa minn dan il-perjodu ma waslux sa żminijietna, għajr xi frammenti biss. Fil-bidu tas-seklu 10, iċ-ċentru tal-poter Cham kien f'Đồng Dương, mhux wisq 'il bogħod minn Mỹ Sơn. Sa tmiem is-seklu, iċ-ċentru tal-poter mexa iktar lejn in-Nofsinhar lejn il-Provinċja ta' Bình Định minħabba diversi disfatti militari fil-gwerer mal-Viet. Madankollu, ir-rejiet Cham baqgħu perjodikament jirrinnovaw it-tempji f'Mỹ Sơn u saħansitra jibnu pedamenti ġodda. L-aħħar rekord Cham sinifikanti f'Mỹ Sơn huwa kitba mnaqqxa fuq pilastru tar-Re Jaya Indravarman V li tmur lura għall-1243 W.K. Sal-bidu tas-seklu 15, il-poplu Cham kien tilef l-artijiet l-iktar fit-Tramuntana tagħhom, inkluż l-inħawi ta' Mỹ Sơn, kontra l-Viet.
Studji moderni
[immodifika | immodifika s-sors]Wara l-ħakma tal-Vjetnam ċentrali mill-imperatur Vjetnamiż Le Thanh Tong li ċekknet l-istatus tar-renji Champa għal reġjuni subordinati awtonomi u d-deklin u l-waqgħa eventwali ta' Champa, il-kumpless ta' Mỹ Sơn ma baqax jintuża u fil-biċċa l-kbira ntesa'. Il-poplu Vjetnamiż insedja u bena villaġġi, irħula u bliet ġodda fuq l-artijiet maħkuma tal-poplu Cham. Is-santwarju ġie skopert mill-ġdid fl-1898 mill-Franċiż Camille Michel Paris. Sena wara, membri tas-soċjetà ta' studjużi msejħa École française d'Extrême-Orient (EFEO) bdiet tistudja l-kitbiet imnaqqxin, l-arkitettura u l-arti ta' Mỹ Sơn. Fl-1904 ippubblikaw is-sejbiet inizjali tagħhom fil-ġurnal tas-soċjetà msejjaħ Bulletin de l'École française d'Extrême Orient (BEFEO). Henri Parmentier ta deskrizzjoni tal-fdalijiet ta' Mỹ Sơn, u M. L. Finot ippubblika l-kitbiet imnaqqxa li nstabu hemmhekk.
Restawr
[immodifika | immodifika s-sors]
Fl-1937, studjużi Franċiżi bdew jirrestawraw it-tempji f'Mỹ Sơn. Fl-1937 u fl-1938, it-tempju prinċipali magħruf bħala "A1" u t-tempji iżgħar ta' madwaru ġew irrestawrati. Tempji ewlenin oħra ġew irrestawrati bejn l-1939 u l-1943. Madankollu, bosta binjiet storiċi nqerdu matul il-Gwerra tal-Vjetnam. It-tempji kienu parti minn bażi tal-Armata tal-Poplu tal-Vjetnam u ta' Viet Cong meta l-inġenji tal-ajru tal-Istati Uniti bbumbardjaw ir-reġjun f'Awwissu 1969. L-inħawi tal-madwar għadhom sa issa meqjusa bħala perikolużi minħabba l-preżenza ta' mini tal-art li ma ħadux.
Uħud mit-tempji fiċ-ċentru tal-kumpless għadhom jeżistu sa llum. Madankollu, għad hemm tħassib rigward il-qagħda strutturali tal-kumplament tat-tempji, peress li wħud minnhom huma vulnerabbli u jistgħu jċedu. Għalkemm bosta statwi ġew ittrasferiti lejn Franza jew lejn mużewijiet storiċi fil-Vjetnam, bħall-Mużew tal-Iskultura Cham f'Da Nang, oħrajn jinsabu għall-wiri f'mużew fil-post li ġie stabbilit bis-saħħa tal-finanzjament ta' benefatturi mill-Ġermanja u mill-Polonja. Fl-1981, ix-xogħlijiet tar-restawr twettqu minn tim ta' konservaturi Pollakki minn Lublin, immexxi minn Kazimierz Kwiatkowski Kazik.

Mill-2002 sal-2004, il-Ministeru għall-Kultura tal-Vjetnam alloka madwar US$440,000 għaż-żamma tas-sit. Abbozz ta' pjan tal-UNESCO ġie ffinanzjat mill-gvern tal-Italja u minn sponsors mill-Ġappun biex tiġi evitata iktar ħsara. Dawn l-isforzi ġew iffinanzjati wkoll mill-Fond Dinji għall-Monumenti.
L-Indja appoġġat il-konservazzjoni u r-restawr tas-Santwarju ta' Mỹ Sơn fil-Provinċja ta' Quang Nam tal-Vjetnam ċentrali, li jirrappreżenta r-rabtiet storiċi bejn iż-żewġ pajjiżi. Fir-rigward tal-konservazzjoni tal-monumenti Cham f'Mỹ Sơn, waslet talba għand il-Vjetnam u bħala segwitu t-Tim Tekniku tal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja ħejja Rapport Preliminari ta' Osservazzjoni fuq talba tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin. Sussegwentement ġie ffirmat Memorandum ta' Qbil bejn il-gvern tal-Indja u l-Gvern tal-Vjetnam fit-28 ta' Ottubru 2014. Minn hemm 'il quddiem, Tim Tekniku tal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja wettaq stħarriġ u ħejja stimi dettaljati u xogħol ta' dokumentazzjoni.
L-Indja estendiet l-assistenza permezz tal-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja għall-konservazzjoni ta' tliet gruppi ta' tempji Cham fil-Vjetnam ċentrali, li ġew irrestawrati bejn l-2017 u l-2022 b'finanzjament kumplessiv ta' US$ 2.25 miljun. It-tlestija tal-konservazzjoni u tar-restawr tal-gruppi ta' tempji A, H u K mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja seħħet fl-20 ta' Diċembru 2022.
Arkeoloġija u arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]
Tipi ta' binjiet
[immodifika | immodifika s-sors]Huwa maħsub li l-fdalijiet tal-binjiet kollha f'Mỹ Sơn huma binjiet reliġjużi u jistgħu jinqasmu fit-tipi li ġejjin:
- Kalan, li huwa santwarju tal-brikks, tipikament b'għamla ta' torri, li kien jintuża biex jospita divinità;
- Mandapa, li hija daħla biswit santwarju;
- Kosagrha jew "dar tan-nar", li hija binja tipikament b'bejt b'għamla ta' sarġ, li kienet tintuża biex tospita l-oġġetti ta' valur ta' xi divinità jew għas-sajran għad-divinità;
- Gopura, li hija torri-daħla, u tagħti għal kumpless ta' tempji mdawwar bil-ħitan.
Sistema għall-identifikazzjoni tal-binjiet
[immodifika | immodifika s-sors]Meta beda l-istudji tiegħu ta' Mỹ Sơn fl-1899, Henri Parmentier sab il-fdalijiet ta' 71 tempju. Huwa kklassifikahom f'14-il grupp, inkluż 10 gruppi prinċipali, kull wieħed magħmul minn diversi tempji. Għall-finijiet ta' identifikazzjoni, huwa assenja ittra għal kull grupp prinċipali: A, A', B, C, D, E, F, G, H, K. F'kull grupp, huwa assenja numri għall-binjiet ta' kull grupp. Għalhekk, "My Son E1" jirreferi għall-binja f'My Son li tagħmel parti mill-Grupp "E" li ġiet assenjata n-numru "1".
Stili arkitettoniċi
[immodifika | immodifika s-sors]
L-istoriċi tal-arti kklassifikaw il-legat arkitettoniku u artistiku ta' Champa f'seba' stili jew fażijiet artistiċi ta' żvilupp. Sitta minn dawn l-istili huma rrappreżentati f'Mỹ Sơn, u huwa maħsub li tnejn minnhom oriġinaw hawnhekk. Dawn huma magħrufa bħala l-Istil E1 ta' Mỹ Sơn u l-Istil A1 ta' Mỹ Sơn. B'mod partikolari, it-tempju magħruf bħala "A1" spiss jitqies bħala l-kapulavur arkitettoniku tal-poplu Cham. Is-sitt stili tal-arkitettura Cham irrappreżentati f'Mỹ Sơn huma dawn li ġejjin:
- l-istili E1 u F1 ta' Mỹ Sơn imorru lura għas-seklu 8 W.K. It-tempju magħruf bħala "E1" issa jinsab fi stat ta' fdalijiet. L-istil li stabbilixxa llum huwa rrappreżentat minn żewġ opri tal-arti li qabel kienu jagħmlu parti mit-tempju iżda llum huma ospitati fil-Mużew tal-Iskultura Cham f'Da Nang: pedestall u timpanu;
- l-istili A2, C7 u F3 ta' Mỹ Sơn huma simili għall-istil ta' Hòa Lai mis-seklu 9;
- l-istil ta' Đồng Dương tal-aħħar tas-seklu 9 huwa rifless fl-istili A10, A11-13, B4 u B12 Mỹ Sơn. Dawn l-istili ngħataw isem ir-raħal Vjetnamiż li jokkupa s-sit tal-belt u tal-monasteru Buddist tas-seklu 9 ta' Indrapura. Is-sit arkeoloġiku tal-monasteru fil-biċċa l-kbira nqered; studjużi Franċiżi tal-bidu tas-seklu 20 irnexxielhom joħolqu dijagrammi tal-konfigurazzjoni u tal-orjentazzjoni tal-binjiet. Għad fadal bosta skulturi li jispikkaw li jagħmlu parti minn dan l-istil u jinsabu għall-wiri fil-mużewijiet tal-Vjetnam;
- l-istil A1 ta' Mỹ Sơn tas-seklu 10 joħroġ fid-dieher fil-binjiet B5, B6, B7, B9, C1, C2, C5, D1, D2 u D4 ta' Mỹ Sơn. Huwa l-iżjed stil rappreżentat f'My Son, u huwa magħruf għall-eleganza u għall-grazzja tiegħu. L-iżjed eżemplar arkitettoniku importanti bl-istess isem, torri maestuż tal-imgħoddi magħruf bħala "A1", jinsab fi stat ta' fdalijiet. Attwalment huwa tumbata tal-ħamrija, imdawra bir-radam u l-kontorn ta' ħajt, u fiċ-ċentru tiegħu hemm pedestall bajdani. Mudell fuq skala tal-eks tempju, li nħoloq minn riċerkaturi Ġappuniżi, kif ukoll ħarsa skematika frontali, jinsabu għall-wiri fil-Mużew tal-Iskultura Cham. L-iżjed li jispikka fost il-binjiet li għad fadal ta' dan l-istil x'aktarx li huwa l-maħżen B5, li għandu l-bejt b'għamla ta' sarġ, tant partikolari għall-arkitettura Cham. L-istil A1 ta' My Son xi kultant huwa magħruf ukoll bħala l-istil ta' Tra Kieu, f'ġieħ ir-raħal ta' Trà Kiệu fil-qrib, li jaf huwa s-sit tal-belt storika Cham ta' Simhapura. Bosta tiżjin arkitettoniku ta' dan l-istil għadu preżenti u issa jinsab għall-wiri fil-Mużew tal-Iskultura Cham;
- stil tranżizzjonali tal-bidu tas-seklu 11 sa nofs is-seklu 12 joħroġ fid-dieher fil-binjiet E4, F2 u K ta' Mỹ Sơn;
- l-istil ta' Bình Định, li kien prevalenti fl-arkitettura Cham minn tmiem is-seklu 11, meta ċ-ċentru tal-poter Cham ġie spostat lejn in-Nofsinhar mill-inħawi ta' madwar My Son lejn Vijaya fil-Provinċja ta' Bình Định, sal-bidu tas-seklu 13, huwa rrappreżentat mill-binjiet B1, G u H ta' Mỹ Sơn.
Tekniki tal-kostruzzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-biċċa l-kbira tat-tempji f'Mỹ Sơn kienu magħmula mill-brikks ħomor, u wieħed biss (it-tempju magħrufa bħala "B1") kien magħmul mill-ġebel. Saħansitra t-tinqix dekorattiv tat-tempji Cham saru fuq il-brikks stess, minflok fuq ċangaturi tal-ġebel ramli li mbagħad iddaħħlu fil-ħitan tal-brikks kif wieħed jista' josserva pereżempju fit-tempju Kambodjan tas-seklu 9 ta' Bakong.
Sal-lum, it-tekniki tal-kostruzzjoni użati mill-bennejja Cham mhumiex mifhuma għalkollox. Xi kwistjonijiet li għadhom ma ġewx solvuti għalkollox jinkludu l-ħami tal-brikks, it-tkaħħil ta' bejn il-brikks u t-tinqix dekorattiv ta' fuq il-brikks.
- Il-brikks, f'liema punt fil-proċess tal-kostruzzjoni kienu jiġu mwebbsa bin-nar? Kienu jitwebbsu l-ewwel ħaġa, u mbagħad irranġati sew biex jinbnew l-istrutturi, jew l-istrutturi nbnew minn brikks parzjalment imwebbsa, u mbagħad l-istrutturi kollha kienu jiġu sottoposti għan-nar biex jitlesta t-twebbis tal-brikks? L-ipoteżi hi li l-istrutturi kollha kienu jiġu msaħħnin mill-ġdid wara li jinbnew u dan huwa appoġġat minn evidenza li t-tkaħħil bejn il-brikks f'xi punt kien ġie soġġett għal temperaturi għoljin. L-ipoteżi l-oħra hija appoġġata mill-osservazzjoni li l-istrutturi ma għandhomx sinjali partikolari ta' nirien intensivi kbar li kieku kienu jkunu preżenti kieku ġew imsaħħna kollha kemm huma.
- Il-brikks, kif kienu jitwaħħlu ma' xulxin? Ipoteżi waħda hi li l-bennejja f'Mỹ Sơn żviluppaw mod kif iwaħħlu l-brikks flimkien bl-użu ta' reżina tas-siġar li hija nattiva għall-Vjetnam ċentrali. Ipoteżi oħra hi li l-bennejja użaw tkaħħil iwaħħal magħmul minn l-istess tafal bħall-brikks stess. Din l-ipoteżi tal-aħħar hija appoġġata minn testijiet kimiċi li ma sabu l-ebda traċċa ta' xi sustanza organika bejn il-brikks, iżda minflok sabu sustanzi minerali simili għal dawk preżenti fil-qalba tal-brikks. Illum il-ġurnata t-tkaħħil li fl-imgħoddi żamma l-brikks ma' xulxin fil-biċċa l-kbira tmermer, u anke riħ qawwi jista' jwaqqa' l-brikks mill-istrutturi.
- It-tinqix dekorattiv, f'liema punt fil-proċess sar? Il-ħitan l-ewwel inbnew u mbagħad ġew imnaqqxin, jew il-brikks ġew imnaqqxin l-ewwel, u mbagħad intużaw biex jinħolqu l-ħitan? Eżaminazzjoni tat-tinqix turi li ma hemm l-ebda linja miksura kif kieku jkun mistenni li jkun hemm li kieku l-brikks l-ewwel tnaqqxu, u mbagħad intużaw għall-ħolqien tal-ħitan; b'hekk, l-istudjużi kkonkludew li l-artiġjani Cham għamlu t-tinqix tagħhom direttament fuq il-ħitan tal-brikks kompluti.
Kitbiet imnaqqxin
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-poplu ta' Champa żamm rekords bil-miktub kemm bis-Sanskritu kif ukoll biċ-Cham tal-qedem. Huwa kiteb fuq materjali konsumabbli, bħal weraq kbir, u ħoloq kitbiet imnaqqxin fil-ġebel ukoll. Uża kitbiet mislufa mill-Indja. Madankollu, l-ebda kitba fuq materjali konsumabbli ma għadha teżisti. Minhejja dan, bosta kitbiet imnaqqxa fuq il-ġebel ġew ippreservati, traskritti u tradotti b'lingwi moderni.
Ħafna mill-iżjed kitbiet imnaqqxa importanti ta' Champa jinsabu fuq steli, jiġifieri ċangaturi jew pilastri tal-ġebel li ttellgħu apposta bl-iskop li jospitaw xi kitbiet imnaqqxa. L-istudjużi sabu madwar 32 stele f'Mỹ Sơn, li jmorru lura għal bejn is-seklu 5 u s-seklu 12 W.K.
Is-suġġett tal-kitbiet imnaqqxa tal-poplu Cham huwa fil-biċċa l-kbira politiku u reliġjuż. Dawn inkitbu mill-perspettiva tar-rejiet jew ta' persuni mlaħħqin sew li riedu jaffermaw il-leġittimità tagħhom u r-relazzjoni tagħhom mal-qasam divin. Ħafna mill-kitbiet imnaqqxin jiddokumentaw don lil alla, bħad-donazzjoni ta' biċċa art, ta' nies jew ta' teżor, jew stabbiliment iddedikat lil xi alla, bħall-istabbiliment ta' tempju, ta' artal jew ta' pedestall. Il-kitbiet imnaqqxa jipprovdulna wkoll informazzjoni importanti bħall-isem tal-pajjiż (tipikament Campadesa bil-kitbiet imnaqqxa bis-Sanskritu, nagara Campa bil-kitbiet imnaqqxa biċ-Cham), u l-isem ta' wħud mill-iżjed bliet importanti: Simhapura ("Belt tal-Iljun"), Virapura ("Belt tal-Kavallieri"), Rajapura ("Belt tar-Re"), Vijaya ("Vitorja"). Finalment, għadd ta' kitbiet imnaqqxa jiddeskrivu avvenimenti storiċi interessanti, bħall-gwerer kontinwi bejn Champa u l-Kambodja fis-seklu 12 jew jalludu għalihom.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Santwarju ta' Mỹ Sơn ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "My Son Sanctuary". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-12-16.