Aqbeż għall-kontentut

Santiniketan

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Shantiniketan Griha.

Santiniketan (IPA: [ʃantiniketɔn]; spelluta wkoll bħala Shantiniketan) huwa kwartier jew viċinat tar-raħal ta' Bolpur fis-suddiviżjoni ta' Bolpur tad-distrett ta' Birbhum fil-Punent tal-Bengal, l-Indja, bejn wieħed u ieħor 152 kilometru fit-Tramuntana ta' Kolkata. Ġie stabbilit minn Maharshi Devendranath Tagore, u iktar 'il quddiem tkabbar minn ibnu, Rabindranath Tagore, li sarraf il-viżjoni tiegħu f'dak li issa huwa raħal universitarju bil-ħolqien ta' Visva-Bharati. Huwa wkoll raħal twelid ir-rebbieħ Indjan tal-Premju Nobel Amartya Sen, li kien student tal-istess skola.

Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO mill-Kumitat tal-Wirt Dinji fl-2023.[1]

Upasana Griha, is-sala tat-talb tal-ħġieġ li bena Devendranath.

Fl-1863, Debendranath Tagore kera b'mod permanenti 20 akru (81,000 m2) ta' art, b'żewġ siġriet tat-tip chhatim (Alstonia scholaris), bi ħlas annwali ta' Rs. 5, mingħand Bhuban Mohan Sinha, it-talukdar f'Raipur, Birbhum. Huwa bena dar għall-mistednin hemmhekk u semmiha Santiniketan (li litteralment tfisser "dar tal-paċi"). Gradwalment, iż-żona kollha saret magħrufa bħala Santiniketan.

Binoy Ghosh isostni li Bolpur kien post żgħir f'nofs is-seklu 19. Kiber permezz tat-tkabbir ta' Santiniketan. Parti mdaqqsa ta' Bolpur kienet parti miż-zamindari tal-familja Sinha ta' Raipur. Bhuban Mohan Sinha kien żviluppa villaġġ żgħir fl-inħawi ta' Bolpur u semmieh Bhubandanga. Dak iż-żmien dan kien jinsab faċċata ta' Santiniketan. Bhubandanga kien jospita grupp ta' ħallelin magħrufa, li ma kinux jaħsbuha darbtejn biex joqtlu lin-nies. Għaldaqstant, dan wassal għal sitwazzjoni ta' kunflitt u ta' konfrontazzjoni, iżda l-kap tal-grupp, fl-aħħar mill-aħħar ċeda lil Debendranath, u l-grupp beda jgħinu jiżviluppa l-inħawi. Kien hemm siġra tat-tip chhatim u Debendranath kien joqgħod taħtha biex jimmedita. Ispirat mill-Crystal Palace li nbena oriġinarjament f'Hyde Park, Londra, biex jospita l-Wirja l-Kbira tal-1851, u li iktar 'il quddiem ġie rilokat, Debendranath bena sala tat-talb Brahmo ta' 60 pied bi 30 pied. Fuq il-bejt tal-binja kien hemm il-madum u l-art kienet tal-irħam abjad, iżda l-bqija tal-istruttura kienet tal-ħġieġ. Mill-bidu nett, il-binja kienet attrazzjoni kbira għan-nies tal-madwar u lil hinn.

Rabindranath Tagore żar Santiniketan għall-ewwel darba fis-27 ta' Jannar 1878 meta kellu 17-il sena. Fl-1888, Debendranath iddedika l-proprjetà kollha għall-istabbiliment ta' Brahmavidyalaya permezz ta' att fiduċjarju. Fl-1901, Rabindranath beda Brahmacharyaashrama u saret magħrufa bħala Patha Bhavana mill-1925. Fl-1913, Rabindranath Tagore rebaħ il-Premju Nobel għal-Letteratura. Il-binja kienet il-mimmi ta' għajnejn il-familja Tagore, li kienet il-familja ewlenija li kkontribwiet għall-arrikkiment tal-ħajja u tas-soċjetà fil-Bengal f'bosta oqsma ta' attività matul perjodu twil ta' żmien. L-ambjent f'Jorasanko Thakur Bari, wieħed mill-bażijiet tal-familja Tagore f'Kolkata, kien mgħoni bil-letteratura, bil-mużika, bil-pitturi u bit-teatru. Fl-1921 Rabindranath Tagore stabbilixxa l-Visva Bharati, li ġiet iddikjarata bħala università ċentrali u istituzzjoni ta' importanza nazzjonali fl-1951.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Santiniketan ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]

Rabindranath Tagore flimkien ma' Mahatma Gandhi u Kasturba Gandhi f'Santiniketan fl-1940.

Santiniketan jinsab fil-koordinati 23.68°N 87.68°E f'elevazzjoni medja ta' 56 metru (187 pied).

Maż-żewġ naħat ta' Santiniketan hemm ix-xmajjar Ajay u Kopai. Santiniketan fl-imgħoddi kellu kopertura forestali estensiva, iżda minħabba l-erożjoni sostanzjali tal-ħamrija xi żoni ġew qishom xagħri, permezz tal-fenomenu magħruf lokalment bħala khoai. Madankollu, bis-saħħa tal-isforzi konsistenti mill-botaniċi, f'partijiet mir-raħal hemm pjanti u siġar mill-Indja kollha. Għalkemm l-ambjent kumplessiv tal-inħawi tal-madwar inbidel maż-żmien, il-qalba ta' Santiniketan baqgħet qrib in-natura.

Fiċ-ċensiment tal-2011, Santiniketan ma ġiex identifikat bħala post separat. Fil-mappa tal-blokka CD ta' Bolpur-Sriniketan fil-paġna 718 tal-Manwal taċ-Ċensiment tad-Distrett ta' Birbhum (il-Parti A), iż-żona okkupata minn Santiniketan tintwera bħala parti miż-żona muniċipali ta' Bolpur u Sriniketan jintwera bħala parti minn Surul, raħal fi ħdan iċ-ċensiment.

Postijiet notevoli

[immodifika | immodifika s-sors]
Affresk ta' Nandalal Bose.

Skont ir-Rapport dwar l-Iżvilupp Uman għal Birbhum fl-2009, Santiniketan kien jattira 1.2 miljun turist kull sena.

Rabindra Bhavana, stabbilit fl-1942, eżatt wara l-mewt tal-poeta, huwa l-punt ċentrali ta' Visva Bharati. Jinkludi mużew, arkivji, librerija u unitajiet oħra. Jospita l-biċċa l-kbira tal-manuskritti, tal-korrispondenza, tal-pitturi u tat-tpinġijiet ta' Rabindranath, 40,000 volum ta' kotba u 12,000 volum ta' ġurnali mitbugħa, ritratti u bosta oġġetti assoċjati mal-ħajja tal-poeta. Ġeneralment huwa wieħed mill-ewwel punti ta' interess għal kull min iżur Santiniketan. Ġie stabbilit minn iben il-poeta, Rathindranath Tagore, bħala mużew ta' mafkar u ċentru tar-riċerka għall-istudji ta' Tagore.

Il-Kumpless ta' Uttarayana, li jinsab fin-naħa tat-Tramuntana tar-raħal biswit Rabindra Bhavana, jinkludi kollezzjoni ta' ħamest idjar li nbnew minn Rabindranath – Udayan, Shyamali, Konark, Udichi u Punascha. Il-ġonna fil-Kumpless ta' Uttarayana ġew ippjanati u stabbiliti minn Rathindranath. Shyamali u Konark huma djar tat-tajn. Shyamali kienet esperiment. Il-perspettiva viżwali kienet ibbażata fuq l-istil ta' Borobudur. Il-ħajt ta' barra kollu kien imżejjen b'xogħol mill-isbaħ bir-riljievi tal-istudenti ta' Kala Bhavana taħt il-gwida ta' Nandalal Bose. Is-Santals fuq kull naħa tal-bieb prinċipali u fil-Lvant saru minn Ramkinkar Baij. Mahatma Gandhi u Kasturba Gandhi qagħdu fid-dar bħala mistednin. Udayan hija l-iżjed dar imponenti fil-Kumpless ta' Uttarayana. Kienet maħsuba għall-mistednin importanti li jżuru Santiniketan. Kull kamra f'Udayan tinsab fuq sular differenti u b'hekk din id-dar għandha ċertu individwalità. Fl-2013, Visva Bharati fetaħ il-mużew ta' Guha Ghar, fil-Kumpless ta' Uttarayana, f'ġieħ il-memorja ta' Rathindranath Tagore.

Jawaharlal Nehru flimkien ma' Rabindranath Tagore fl-1940.

Il-Kumpless ta' Ashram huwa l-eqdem post f'Santiniketan, fejn Debendranath bena s-Santiniketan Griha kif ukoll is-sala tat-talb bil-ħġieġ ikkulurit mill-isbaħ, fit-tieni nofs tas-seklu 19. Patha Bhavana nbniet wara li Rabindranath beda jirresjedi f'Santiniketan. Fiha affreski mill-isbaħ ta' Nandalal Bose. Natun Bari nbniet fl-1902 għal skopijiet residenzjali. Kalo Bari hija struttura unika tat-tajn u tal-qatran tal-faħam b'tiżjin elaborat. Hemm bosta djar oħra wkoll: Dehali, Santoshalaya, Singha Sadan, Dwijaviram, Dinantika, Taladwaj, Chaitya, Ghantatala, Panthasala, Ratan Kuthi, Malancha u oħrajn – kollha kemm huma bi ġrajja interessanti li tagħmilha rilevanti storikament.

Visva Bharati ġiet stabbilita bħala ċentru għall-kultura bl-objettiv li jiġu esplorati l-arti, il-lingwa, l-umanitajiet, il-mużika, eċċ. Ġew stabbiliti wkoll istituzzjonijiet speċjalizzati f'oqsma differenti: Cheena Bhavana, Hindi Bhavana, Kala Bhavana, Sangit Bhavana, Bhasa Bhavana, Nippon Bhavana, Bangladesh Bhavana u oħrajn. Bosta minn dawn l-istituzzjonijiet b'diversi strutturi ġew imżejna minn artisti rinomati.

Il-pajsaġġ ta' Santiniketan huwa miżgħud bl-iskulturi ta' Ramkinkar Baij (1906–1980), figuri kbar ta' Santals li fil-verità kienu parti mill-pajsaġġ. Familja ta' Santals, flimkien ma' kelb, grupp ta' ħaddiema għaddejjin jaħdmu skont l-andament tax-xogħol tal-fabbrika, bil-ħwejjeġ tagħhom itiru fl-arja, magna tad-dris, kollha tul it-triq prinċipali. Meta Ramkinkar ħoloq lil Sujata, figura tawwalija ta' wieħed mid-dixxipli tal-Buddha, huwa qiegħda ftit 'il bogħod mill-Buddha bilqiegħda. Nandalal żera' nebbitiet tal-ewkaliptu fl-inħawi, u kien jaf li xi darba dawn is-siġar twal kienu se joħolqu ambjent perfett għas-Sujata ta' Ramkinkar. Nandalal Bose ħoloq ambjent fejn l-arti setgħet tkun parti mill-ħajja u t-tfal ta' Santiniketan kibru billi assorbew dawn il-monumenti sbieħ bl-istess mod kif jieħdu l-ossiġenu mill-arja.[1]

Il-familja Tagore f'Santiniketan

[immodifika | immodifika s-sors]

Dan huwa l-post tagħna, il-mimmi ta' għajnejna,

Santiniketan.

Fid-dellijiet tas-siġar tiegħu niltaqgħu

fil-libertà tas-sema miftuħa tiegħu.

Il-ħolm tagħna jitbennen f'dirgħajh.

Wiċċu joħloq tassew stagħġib u mħabba kull

meta wieħed iħares lejh,

għaliex huwa l-post tagħna, il-mimmi ta' għajnejna.

—  Rabindranath Tagore[2]

Santiniketan ġie stabbilit u żviluppat mill-membri tal-familja Tagore. Ġie stabbilit minn Debendranath Tagore. Rabindranath Tagore kiteb bosta mill-klassiċi letterarji tiegħu f'Santiniketan. Ibnu, Rathindranath Tagore kien wieħed mill-ewwel ħames studenti fil-Brahmacharya asrama f'Santiniketan. Wara l-mewt ta' missieru fl-1941, Rathindranath ħa f'idejh ir-responsabbiltajiet kollha ta' Santiniketan. Meta Visva Bharati sar università ċentrali fl-1951, Rathindranath inħatar bħala l-ewwel Viċi Kanċillier tagħha.

Pratima Devi, il-mara ta' Rathindranath, kellha rabtiet attivi ma' Visva Bharati minn età żgħira ħafna. Hija għexet f'Santinketan sa mewtha fl-1969.

Mira Devi, l-iżgħar fost l-ulied ta' Rabindranath, wara ż-żwieġ fallut tagħha, għexet f'Malancha li nbniet għaliha fil-Kumpless ta' Ashrama fl-1926. Hija mietet f'Santiniketan fl-1969. Krishna Kripalani, ir-raġel ta' Nandita (Buri), bint Mira Devi, kien jgħallem f'Santiniketan għal kważi 15-il sena, mill-1933. Il-bijografija ta' Tagore, magħmula minn Krishna Kripalani, kienet waħda mill-aqwa li qatt inkitbu.

Dwijendranath Tagore, l-ikbar fost l-aħwa ta' Rabindranath, qatta' l-aħħar għoxrin sena ta' ħajtu f'Santiniketan. Huwa għex f'Dwaijaviram fil-Kumpless ta' Ashrama.

Dinendranath Tagore, in-neputi ta' Dwijendranath, kien il-prinċipal ta' Sangit Bhavana fl-ewwel snin. Dinantika, li nbniet fl-1939, ospitat iċ-Cha chakra, fejn il-membri tal-persunal ta' Visva Bharati kienu jiltaqgħu għal kikkra te, għal-laqgħat u għar-rilassament.

Indira Devi Chaudhurani, bint Satyendranath Tagore, bdiet tgħix f'Santiniketan fl-1941 u ħadet ħsieb Sangit Bhavana. Hija kienet l-Aġent Viċi Kanċillier għal perjodu qasir.

Supriyo Tagore, il-proneputi ta' Satyendranath, kien student ta' Patha Bhavana u tal-Università ta' Visva Bharati qabel ma siefer barra l-pajjiż biex ilesti l-edukazzjoni tiegħu. Huwa rtira wara li kien l-iżjed prinċipal ta' Patha Bhavana li dam f'dik il-kariga. Issa jieħu ħsieb Sisu Tirtha, istituzzjoni għall-iltiema l-iktar mit-tribali żvantaġġati ekonomikament, qrib Santiniketan. Ibnu, Sudripta, b'esperjenza wiesgħa fil-qasam tal-edukazzjoni, involva ruħu wkoll fl-istabbiliment ta' skola f'Ruppur, qrib Santiniketan, li tħaddan l-ideat ta' Rabindranath.

Il-klima ta' Santiniketan hija moderatament sħuna, bit-temperaturi tas-sajf li jlaħħqu madwar (massimu ta') 35-42 °C u tax-xitwa li jlaħħqu (minimu ta') 10-15 °C. Is-sajf jinħass għal tliet xhur, Marzu, April u Mejju. Diċembru, Jannar u Frar huma x-xhur tax-xitwa. F'Ġunju, f'Lulju, f'Awwissu u f'Settembru jkun hemm ħafna xita tal-monsuni (l-istaġun tax-xita). Santiniketan esperjenzat l-ogħla temperatura ta' 47.0 °C fl-10 ta' Ġunju 1966. L-iżjed temperatura baxxa li qatt ġiet irreġistrata hija ta' 4.9 °C fid-9 ta' Jannar 2013. It-temperatura annwali medja tkun ta' 26.2 °C. Kull sena tinżel madwar 1,480 millimetru ta' xita, b'total ta' 76 jum bix-xita. L-inħawi huma kklassifikati bħala Aw (klima ta' savanna tropikali) skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen.

L-istazzjon ferrovjarju ta' Bolpur Santiniketan huwa kkollegat sew mal-istazzjon ferrovjarju ta' Sealdah, mal-istazzjon ferrovjarju ta' Howrah, mal-istazzjon ferrovjarju ta' Kolkata, mar-raħal ta' Malda, ma' New Jalpaiguri, eċċ. tal-istazzjon ferrovjarju tal-Punent tal-Bengal u ta' Guwahati ta' Assam.

Hemm servizz dirett tal-karozza tal-linja AC Volvo ta' WBTC minn Kolkata għal Bolpur Santiniketan (Kolkata-Bolpur-Suri u Suri-Bolpur-Kolkata).

Minn Kolkata huma disponibbli wkoll karozzi tal-linja u karozzi privati (servizz tat-taksi ta' Ola Cabs u Uber minn Kolkata), il-waqfa tal-karozza tal-linja fiċ-ċentru tal-belt ta' Durgapur, Katwa, Berhampore u f'qasir żmien mill-istazzjon ferrovjarju ta' Santragachi f'Howrah.

Visva Bharati

[immodifika | immodifika s-sors]

Santiniketan huwa raħal universitarju b'diversi faċilitajiet edukattivi varjati. Fil-livell ta' skola hemm Patha Bhavana u Siksha Satra. Apparti minn għadd ta' korsijiet fl-umanitajiet, fix-xjenza u fl-edukazzjoni, Visva-Bharati toffri firxa ta' korsijiet tal-mużika, taż-żfin u tal-arti u tenfasizza l-korsijiet tal-lingwa. Sangit Bhavana toffri korsijiet f'Rabindra Sangit, taħriġ vokali klassiku Hindustani, taħriġ tas-sitar, tal-esraj, tat-tabla u tal-pakhawaj, żfin Kathakali u żfin Manipuri. Kala Bhavana toffri korsijiet fil-pittura, fl-affreski, fl-iskultura, fl-arti grafika, fid-disinn (tessuti/ċeramika) u fl-istorja tal-arti. L-università toffri korsijiet speċjalizzati ta' 4 snin fl-istudju tal-Persjan, tat-Tibetan, taċ-Ċiniż u tal-Ġappuniż. Bhasa Bhavana toffri korsijiet tal-ewwel lawrja u ta' wara l-ewwel lawrja fl-istudju tal-Għarbi u l-Persjan, tal-Bengali, taċ-Ċiniż, tal-Hindi, tal-Indo-Tibetan, tal-Ġappuniż, tal-Odija, tas-Santali u tas-Sanskritu. Vidya Bhavana toffri korsijiet ta' sena fl-istudju tal-Għarbi, tal-Bengali, taċ-Ċiniż, tal-Franċiż, tal-Ġermaniż, tal-Hindi, tat-Taljan, tal-Ġappuniż, tal-Marathi, tal-Odija, tal-Pali, tal-Persjan, tar-Russu, tas-Sanskritu, tas-Santali, tat-Tamil, tat-Tibetan u tal-Urdu. Toffri wkoll korsijiet ta' sentejn fl-istudju tal-Għarbi, tal-Assamiż, tal-Bengali, taċ-Ċiniż, tal-Franċiż, tal-Ġermaniż, tal-Hindi, tat-Taljan, tal-Ġappuniż, tal-Marathi, tal-Odija, tal-Pali, tal-Persjan, tar-Russu, tas-Sanskritu, tas-Santali, tat-Tamil, tat-Tibetan u tal-Urdu. Hemm korsijiet li jwasslu għal ċertifikat fl-artiġjanat tal-ġlud, fil-legatura tal-kotba u fl-imballaġġ bl-idejn, fix-xogħol tal-batik u fil-produzzjoni tal-karta bl-idejn. F'Santiniketan jiġu offruti korsijiet fil-qasam tal-agrikoltura u l-iżvilupp rurali. F'dan il-paragrafu tingħata ġabra fil-qosor tal-korsijiet offruti.

Ir-raħal huwa magħruf għall-wirt letterarju u artistiku tiegħu, b'figuri notevoli bħal Rabindranath Tagore u Nandalal Bose. Barra minn hekk, Visva Bharati sservi wkoll bħala ċ-ċentru kulturali ta' Santiniketan.

Fid-distrett ta' Birbhum, il-fieri (mela bil-Bengali) huma mifruxa mad-distrett kollu u huma maħsuba bħala estensjoni tal-kunċett ta' swieq; post mhux biss għall-kummerċ u għan-negozju iżda wkoll post fejn in-nies jiltaqgħu u arena għall-iskambju kulturali. L-ikbar fiera u l-iżjed waħda notevoli hija l-Poush Mela li ssir f'Santiniketan għal tlett ijiem mis-7 ta' Poush. Devendranath Tagore flimkien ma' għoxrin segwaċi aċċettaw il-kredu ta' Brahmo minn Ram Chandra Vidyabagish fil-21 ta' Diċembru 1843 (is-7 ta' Poush 1250 skont il-kalendarju tal-Bengal). Dan kien il-bażi tal-Poush Utsav (il-Festival ta' Poush) f'Santiniketan.

Festivals f'Santiniketan

[immodifika | immodifika s-sors]

F'Santiniketan, il-bidliet staġonali jġibu magħhom ilwien u sbuħiji differenti b'diversi festivals. L-enfasi tal-organizzazzjoni ta' dawn il-festivals hija fuq il-forom u r-ritwali tradizzjonali Indjani. Bosta festivals ivarjaw minn Basanta Utsav u Barsha Mangal għal Maghotsav u Rabindra Jayanti. Holi, il-festival tal-ilwien, jiġi ċċelebrat bi stil uniku f'Santiniketan – jissejjaħ Basanta Utsav u jilqa' l-wasla tar-rebbiegħa. Il-programm jibda minn filgħodu bil-kant u ż-żfin bil-mużika ta' Tagore mill-istudenti u jintemm bit-tfigħ tat-trab ikkulurit (imsejjaħ abir) u l-espressjoni tax-xewqat festivi. Wara l-programm tal-Visva Bharati formali, ikun hemm programmi oħra. Barsha Mangal tiġi ċċelebrata bi programmi kulturali f'Lulju–Awwissu. Ananda Bazar hija fiera tal-artiġjanat magħmul mill-istudenti, li ssir fil-jum ta' Mahalaya. Qabel it-tluq għall-vaganzi ta' puja, l-istudenti jiċċelebraw Sharad Utsav. Nandan Mela timmarka l-anniversarju tat-twelid ta' Nandalal Bose (fl-1 u t-2 ta' Diċembru) u hija attrazzjoni speċjali għal dawk li jħobbu l-arti. Briksharopan u Halkarshan jagħmlu enfasi fuq il-qrubija tal-bniedem man-natura u jsiru fit-22-23 ta' Shraavana (Awwissu). Maghotsab, fejn jiġi ċċelebrat l-istabbiliment tal-Brahmo Samaj, issir fil-11 ta' Magh (lejn l-aħħar ta' Jannar). Diversi anniversarji u programmi kulturali jiġu organizzati matul is-sena. Il-25 ta' Baisakh (is-7 u t-8 ta' Mejju) huwa l-jum tat-twelid ta' Rabindranath Tagore iżda l-anniversarju tat-twelid tiegħu jiġi ċċelebrat flimkien mas-Sena l-Ġdida tal-Bengal (nofs April 'il quddiem).

Sinha Sadan.

Oriġinarjament Santiniketan kien parti miż-zamindari anċestrali tal-familja Sinha ta' Raipur, Birbhum. Satyendra Prasanna Sinha, l-Ewwel Baruni tal-familja Sinha, ta donazzjoni għall-kostruzzjoni ta' Sinha Sadan b'torri tal-arloġġ u qanpiena. Kien f'din il-binja li l-Università ta' Oxford tat id-dottorat onorarju lill-poeta Rabindranath Tagore.

Santwarju tal-Organiżmi Selvaġġi ta' Ballabhpur

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Santwarju tal-Organiżmi Selvaġġi ta' Ballabhpur jinsab 3 kilometri 'l bogħod minn Santiniketan u huwa park popolari għaċ-ċriev. Ġie stabbilit fl-1977 u kien żona khoai li ġiet affettwata mill-erożjoni tal-ħamrija. Issa s-santwarju huwa żona kbira bis-siġar u bil-boskijiet fejn jgħixu merħliet ta' ċriev u huwa wkoll santwarju naturali għall-għasafar.

Amar Kutir (li litteralment tfisser "l-għorfa tiegħi"), li fl-imgħoddi kien refuġju għall-attivisti tal-moviment għall-indipendenza ġie kkonvertit f'soċjetà kooperattiva għall-promozzjoni tal-arti u tal-artiġjanat. Jinsab max-xtut tax-xmara Kopai, madwar 15-il kilometru (9.3 mili) miż-żoni ċentrali ta' Santiniketan.

Sonajhuri haat

[immodifika | immodifika s-sors]

Kull nhar ta' Sibt u Ħadd, wieħed jista' jżur l-haat (jew is-suq) f'Sonajhuri, qrib Santiniketan. Dan huwa suq tal-villaġġ u wieħed ikun jista' jixtri artiġjanat lokali u jisma' l-mużika folkloristika kantata minn gruppi tribali. Sonajhuri haat huwa post mill-aqwa biex wieħed jara u jikkollezzjona l-oġġetti artiġjanali tal-injam, tat-terrakotta, ornamenti tal-metall mhux maħdum, l-arti dhokra u ħwejjeġ magħmula lokalment. Huwa post eċċellenti biex wieħed jesperjenza l-kultura lokali ta' Santiniketan.

  1. 1 2 3 4 Centre, UNESCO World Heritage. "Santiniketan". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-10-23.
  2. Pal, Sanchari. "Exploring Tagore's Santiniketan, a Unique Abode of Learning". thebetterindia.com (bl-Ingliż). Miġbur 2025-10-24.