Aqbeż għall-kontentut

Martin de Porres

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn San Martin de Porres)

Martin de Porres (9 ta' Diċembru 1579 – 3 ta' Novembru 1639) kien ajk Dumnikan ibbeatifikat fl-1837, u ddikjarat qaddis fl-1962 minn Papa Ġwanni XXIII, l-ewwel qaddis iswed tal-kontinent Amerikan, fi żmien meta l-Afro-Amerikani bdew jieħdu d-drittijiet ċivili tagħhom. Fost l-oħrajn, huwa l-qaddis patrun ta' persuni ta' razza mħallta u ta' dawk li jfittxu l-armonija bejn il-kulturi. Ħadem ħafna għall-foqra, bena orfanatrofju u sptar tat-tfal.

Twieled fil-kapitali Lima, il-Peru, fis-sena 1579. Missieru, Juan, kien ta' nisel Spanjol aristokratiku u dam 8 snin biex beda jagħrfu bħala ibnu, billi ommu, Anna Velasquez, kienet eks-skjava sewda mill-Panama, ta' nisel Afrikan. Hekk it-tifel kien ta' razza mħallta, imsejjaħ b'mod dispreġġjattiv "mulatto". Fir-Reġistru tal-Magħmudija tal-Knisja ta' San Sebastjan ta' Lima, kellu mniżżel "missier mhux magħruf". Meta missieru nħatar gvernatur tal-Panama huwa ħalla lil bintu, Juana (3 snin iżgħar minn Martin) fil-kura ta' waħda mill-familja tiegħu u lil Martin ħallieh ma' ommu biex tieħu ħsiebu. Huwa trabba fil-faqar u għax kien ta' razza mħallta kien jiġi mgħajjar u mwaqqa' għaċ-ċajt.

Ta' 12-il sena Martin beda jitgħallem ma' barbier-tabib, li mingħandu tgħallem xi ftit mediċina u kura tal-morda, iżda ta' 15-il sena ried jidħol mal-patrijiet Dumnikani li kienu waqqfu l-ewwel kunvent taghhom fil-Perù. Minħabba li kien ta' razza mħallta ħallewh biss ikun membru tat-Terza Ordni. Kien jagħmel xogħol ta' qaddej u kennies. Missieru rvilla imma Martin kien kuntent. Meta kien joħroġ jittallab karità għall-foqra kien jiġbor xi elfejn dollaru f'ġimgħa mingħand is-sinjuri u jqassamhom f'ikel u ħwejjeġ. Meta l-patrijiet rawh tant ħabrieki u enerġiku, fl-1603 aċċettawh bħala fra. Kellu 24 sena.

Huwa kien eżempju ta' ħajja qaddisa tant li ħafna kienu jfittxuh għall-pariri, fosthom l-Viċi-Re tal-Perù u l-Arċisqof ta' Lima. Kien jitlob u jsum ħafna u qatt ma kien jiekol laħam. Kien devot kbir tal-Ewkaristija. Kien ħabib ta' żewġ qaddisin kbar, San Ġwann de Massias u ta' Santa Roża ta' Lima. Kien magħruf għal bosta fenomeni sopranaturali u seħħew ħafna mirakli attribwiti lilu.

Ħidma mal-foqra u l-morda

[immodifika | immodifika s-sors]

Fi żmienu l-kirurġija kienet għadha primittiva u għalhekk beda jikkura l-mard bil-ħxejjex. Kien ifejjaq infezzjonijiet, deni, diżordnijiet intestinali, u saħansitra sprains u ksur fl-għadam. Huwa waqqaf orfanatrofju biex fih jiġbor l-tfal fqar u bla dar ħalli. Fih ġabilhom l-aqwa għalliema u infermiera li sab. Fuq l-għoljiet ta' Lima huwa ħawwel ġonna tal-frott biex bihom jitma' lill-foqra.

Meta f'Lima faqqgħet il-pesta, u waħdu ħa ħsieb u ikkura is-sittin fra tal-ordni.

Sptar tal-annimali

[immodifika | immodifika s-sors]

Kien iħobb ukoll l-annimali u kien jiġbor il-klieb u l-qtates morda jew feruti li jiġġerrew fit-toroq u jikkurahom. Bħal San Franġisk ta' Assisi huwa kien iqishom bħala ħutu. Kien jitrattahom bl-istess ħlewwa kif kien jitratta mal-bnedmin, iħawwad ħxejjex għalihom u joperahom meta jkun meħtieġ. Kien jimxi fit-toroq ta' Lima b'purċissjoni ta' annimali warajh. Kien magħruf għall-ħila li kellu biex jikkomunika mal-annimali. Jingħad li kien jitma' kelb, qattus u ġurdien minn platt wieħed mingħajr ma l-annimali jiġġieldu bejniethom. Sa wasal biex fetaħ sptar għalihom, xi ħaġa straordinarja għal dak iż-żmien.

Kien strumentali biex l-Arċisqof tal-Messiku ifiq u dan xtaq jieħdu miegħu iżda Martin miet b'deni qawwi ġewwa Lima fl-1639, xahar qabel ma kien se jagħlaq sittin sena. Minkejja li kull ma kien sempliċi fra, huwa ingħata funeral kbir b'ħafna dinjitarji politiċi u ekkleżjastiċi.

Huwa ukoll qaddis protettur tal-barbiera u l-parrukkieri, tas-suwed, tal-lukandiera, tal-Peru, tal-Messiku, tal-foqra, tal-edukazzjoni pubblika, tas-saħħa pubblika, tal-iskejjel statali, tal-ġustizzja soċjali u tat-televixin.