Aqbeż għall-kontentut

Alfonsu Marija de Liguori

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
(Rindirizzat minn San Alfonsu)
Alfonsu Marija de Liguori

San Alfonsu Marija de Liguori
Twelid 27 ta' Settembru 1696
Marianella, Renju ta' Napli
Mewt 1 ta' Awwissu 1787
Pagani, Renju ta' Napli
Beatifikazzjoni 15 ta’ Settembru 1816, Ruma minn Papa Piju VII
Kanonizzazzjoni 26 ta' Mejju 1839, Ruma minn Papa Gregorju XVI
Festa 1 ta' Awwissu
Attributi Fundatur tal-Kongregazzjoni tar-Redentoristi, Duttur tal-Knisja (Doctor Zelantissimus)

Alfonsu Marija de Liguori (Marianella, 27 ta' Settembru 1696 – Pagani, 1 ta' Awwissu 1787)[1] kien isqof Kattoliku u kompożitur Taljan, fundatur tal-Kongregazzjoni tar-Redentoristi, u awtur ta' diversi kitbiet teoloġiċi u ta' melodiji popolari tal-Milied, fosthom Tu scendi dalle stelle. Ġie pproklamat qaddis mill-Papa Gregorju XVI fl-1839 u Duttur tal-Knisja (Doctor Zelantissimus) fl-1871 mill-Papa Piju IX.

Bin Don Giuseppe, Uffiċjal tal-Marina Naplitana u kaptan tal-galeri rjali u Anna Maria Caterina Cavalieri, ta' nisel Spanjol, Alfonsu kien il-kbir fost tmien aħwa.

Kien student intelliġenti ħafna, tant li fl-1713, fl-eta' ta' 16-il sena kien ġa kiseb id-dottorat fil-liġi ċivili u fil-liġi kanonika, b'dispensa ta' erba' snin qabel iż-żmien, mill-Universita' ta' Napli.[2]

Sentejn wara beda jipprattika ta' avukat, iżda wara tmien snin meta kien ġa akkwista fama kbira, u kellu quddiemu futur brillanti, tilef kawża importanti ħafna. Din kienet daqqa ta' ħarta kbira għalih, u għallmitu x'kienet taf tagħti d-dinja. Hu stess qal: 'Ja dinja, issa għaraftek. U intom ja qrati, qatt mhu ser tarawni aktar hawn ġew'.[3][4]

Ħajja reliġjuża

[immodifika | immodifika s-sors]

Wara xi xahar iddeċieda li jħalli l-professjoni tiegħu u jidħol patri. Fil-fatt ma damx ma beda jistudja t-teoloġija mal-patrijiet Lazzaristi. Dan ġara fl-1723. Fl-1726 ġie ordna saċerdot, u ntefa' b'ruħu u b'ġismu jipprietka u jqarar.

Fl-1731, hu mar Scala, u bl-għajnuna tal-isqof tal-post u ta' saċerdot ieħor waqqaf l-Ordni tas-Sorijiet Redentoristi. Sena wara, fi Scala wkoll, waqqaf il-Patrijiet Redentoristi, bil-għan prinċipali li jiddedikaw ruħhom għall-prietki, jagħtu l-irtiri, kif ukoll jagħmlu l-missjonijiet u attivitajiet spiritwali oħra.[5]

Fl-1743, San Alfons kien elett Superjur Ġenerali, u fl-1749 il-Papa Benedittu XIV għaraf uffiċjalment l-Ordni.

Fl-1762, meta Alfonsu kellu 65 sena, il-Papa Klement XIII ħatru isqof ta' Santa Agata dei Goti. Tlettax-il sena wara rriżenja minħabba saħħtu (kien ibati ħafna bl-artrite rewmatika), ħalla d-djoċesi u mar jgħix f'Noċera f'wieħed mill-kunventi tal-Ordni tiegħu.

Inkwiet intern fl-Ordni tar-Redentoristi

[immodifika | immodifika s-sors]

Sfortunatament, ir-Redentoristi kellhom ħafna inkwiet intern. Fl-1780, qarrqu bih (kien kważi għama u kien ittarrax), u ffirma dokument li qasam l-Ordni tiegħu f'żewġ gruppi. Meta sama' x'kien għamel iddispjaċih ħafna. Iżda erba' snin biss wara mewtu, iż-żewġ gruppi reġgħu ngħaqdu.

San Alfonsu Marija de Liguori, midfun fil-Bażilika ta' Pagani, fl-Italja

Alfonsu miet f'Noċera, fl-1 ta' Awwissu 1787, ta' 91 sena.

Fl-1839 il-Papa Gregorju XVI kkanonizzah, u l-Papa Piju IX iddikjarah Duttur tal-Knisja, Doctor Zelantissimus, fl-1871. Fl-1950 Papa Piju XII iddikjarah Patrun tal-Konfessuri u tal-Moralisti.[6]

Huwa ukoll patrun ta' Napli, ta' dawk li jbatu bl-artrite, u ta' dawk li jbatu bl-iskrupli.[7][8]

L-iktar kotba magħrufin tiegħu huma 'It-Teoloġija Morali' - Theologia moralis, 1748, 'Il-Glorji ta' Marija' - Glorie di Maria, 1750, u 'Il-Visti lil Ġesù Sagramentat' - Visite al Ss. Sacramento, 1745. Kotba oħra tiegħu huma:

  • Massime eterne, 1728
  • Pratica di amar Gesù Cristo, 1768
  • Storia delle Eresie, 1768
  • Canzoncine spirituali, 1732
  • Tħejjija għall-Mewt - Apparecchio alla morte, 1758
  • Del Gran mezzo della preghiera, 1759
  • Vera sposa di Gesù Cristo, 1760
  • Considerazioni sopra la passione di Gesù Cristo, 1760
  • Dell'uso moderato della opinione probabile, 1765

Huwa maħsub li l-kotba ta' San Alfons inqalbu f'iktar minn 70 lingwa, u kellhom iktar minn 21,000 edizzjoni.

Fost ix-xogħlijiet mużikali tiegħu nsibu:

  • Tu Scendi Dalle Stelle
  • Protesta della buona morte
  1. ^ "CATHOLIC ENCYCLOPEDIA: St. Alphonsus Liguori". web.archive.org. 2007-07-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2007-07-05. Miġbur 2021-08-03.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ Fr. Paolo O. Pirlo, SHMI (1997). "St. Alphonsus Liguori". My First Book of Saints. Sons of Holy Mary Immaculate – Quality Catholic Publications. pp. 166–167. ISBN 971-91595-4-5.
  3. ^ "St. Alphonsus Liguori, Our Founder | Who We Are | Redemptorists". web.archive.org. 2016-10-12. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2016-10-12. Miġbur 2021-08-03.
  4. ^ Tannoja, Antonio (1855). The life of St. Alphonsus Maria de Liguori, Bishop of St. Agatha of the Goths and founder of the Congregation of the Holy Redeemer. Baltimore, Md. : J. Murray ; London : C.Dolman.
  5. ^ Selected writings by Saint Alfonso Maria de' Liguori, 1999, ISBN 0-8091-3771-2, p. 209.
  6. ^ Tannoja, Antonio (1855). The life of St. Alphonsus Maria de Liguori, Bishop of St. Agatha of the Goths and founder of the Congregation of the Holy Redeemer. Baltimore, Md. : J. Murray ; London : C.Dolman.
  7. ^ Miller, D.F. and Aubin, L.X., St. Alphonsus Liguori, Tan Books, 2009, ISBN 9780895553294.
  8. ^ Lives of St. Alphonsus Liguori (from "Vita di S. A. M. de Liguori"), St. Francis de Girolamo (from "Vita del B. Francisco di Girolamo dal Padre L. degli Oddi"), St. John Joseph of the Cross (from "Compendio della vita di Giangiuseppe, data in luce dal Postulatore della causa"), St. Pacificus of San Severino (from "Compendio della vita del B. Pacifico"), and St. Veronica Giuliani (from "Vita della B. Veronica Giuliani, da F. M. Salvatori"); whose canonization took place on Trinity Sunday, May 26th, 1839. C. Dolman. 1839.