Sammallahdenmäki

Sammallahdenmäki huwa sit tad-dfin ta' Żmien il-Bronż fil-Finlandja qrib Rauma, fir-reġjun ta' Satakunta. Is-sit jinkludi 33 "girna" funebri tal-granit li jmorru lura għal iktar minn 3,000 sena ilu, bejn l-1500 u l-500 Q.K. Sammallahdenmäki huwa wieħed mill-ikbar siti ta' Żmien il-Bronż, kif ukoll fost l-iżjed kompluti u l-iżjed importanti fil-Fenno-Skandinavja, u tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Is-sit tad-dfin jinsab tul fondoq twil f'żona remota qrib it-triq bejn Tampere u Rauma. It-33 "girna" funebri li jiffurmaw is-sit huma rranġati f'raggruppamenti distinti tul il-quċċata tal-fondoq. Kull "girna" nbniet b'ħaġar tal-granit estratt minn wiċċ l-irdum ta' taħt il-fondoq jew miġbur mis-sit stess, kif kien isir normalment fi Żmien il-Bronż. Mit-33 "girna", 28 "girna" jmorru lura għal Żmien il-Bronż Bikri, u l-bqija jmorru lura għal Żmien il-Ħadid Bikri. Fis-sit jeżistu diversi għamliet u daqsijiet differenti ta' dawn il-"giren". Żewġ "giren" mhux tas-soltu huma l-Huilun pitkä raunio ("fdalijiet twal ta' Huilu"), imdawra b'ħajt tal-ġebel antik, u l-Kirkonlaattia ("l-Art tal-Knisja"), li hija "girna" rettangolari mhux tas-soltu ta' 16-il metru bi 19-il metru, f'wiċċ ċatt. Din tal-aħħar hija l-unika "girna" ta' dan it-tip li nstabet fl-Iskandinavja.[2]
Il-"giren" ta' Sammallahdenmäki oriġinarjament inbnew b'veduta xenika tal-kosta u tal-Golf ta' Bothnia (xi ħaġa tipika tat-tumbati funebri ta' Żmien il-Bronż Bikri), iżda maż-żmien, l-art olzat b'mod naturali u l-oċean ma baqax viżibbli. Il-"giren" jaf huma relatati mar-ritwali tal-qima tax-xemx, li hija reliġjon li nfirxet madwar l-Iskandinavja matul Żmien il-Bronż, b'sjieda tal-art li kienet tingħadda minn ġenerazzjoni għall-oħra, u hija assoċjata mal-wasla tal-biedja.
Skoperta u Skavi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-"giren" tal-ġebel issemmew għall-ewwel darba f'katalgu tas-siti tal-qedem fl-1878, flimkien ma' deskrizzjoni vaga ta' xi skavi (l-ebda dettall tagħhom ma għadu jeżisti). Erbgħa mill-giren ġew skavati mill-arkeologu Volter Högman fl-1891, inkluż il-Huilun pitkä raunio u l-Kirkonlaattia. Mit-8 "giren" li ġew skavati b'kollox, 6 "giren" imorru lura għal Żmien il-Bronż u 2 "giren" imorru lura għal Żmien il-Ħadid Bikri.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Is-Sit Funebri ta' Żmien il-Bronż ta' Sammallahdenmäki ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet" u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 3 "Sammallahdenmäki - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-06-23.
- ↑ "Rapport tan-Nominazzjoni - UNESCO" (PDF).