Aqbeż għall-kontentut

São Luís

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
São Luís
 Brażil
Amministrazzjoni
Stat sovranBrażil
Unità federali tal-BrażilMaranhão
Kap tal-Gvern Edivaldo Holanda Júnior (en) Translate
Kodiċi postali 65000-000
Ġeografija
Koordinati 2°31′48″S 44°18′10″W / 2.53°S 44.3028°W / -2.53; -44.3028Koordinati: 2°31′48″S 44°18′10″W / 2.53°S 44.3028°W / -2.53; -44.3028
São Luís is located in Brazil
São Luís
São Luís
São Luís (Brazil)
Superfiċjenti 827.141 kilometru kwadru
Għoli 4 m
Fruntieri ma' Paço do Lumiar (en) Translate, Bacurituba (en) Translate, São José de Ribamar (en) Translate, Alcântara (en) Translate, Axixá (en) Translate, Bacabeira (en) Translate, Cajapió (en) Translateu Rosário (en) Translate
Demografija
Popolazzjoni 1,037,775 abitanti (2022)
Informazzjoni oħra
Fondazzjoni Is-SibtambUTCIs-Sibt
Kodiċi tat-telefon 98
bliet ġemellati St. Louis
saoluis.ma.gov.br

São Luís (pronunzja bil-Portugiż Brażiljan: [ˌsɐ̃w luˈis]; li litteralment tfisser "San Alwiġi") hija l-belt kapitali u l-ikbar belt tal-istat Brażiljan ta' Maranhão. Il-belt tinsab fil-gżira ta' Upaon-açu jew Ilha de São Luís, fil-Baía de São Marcos (Bajja ta' San Mark), estensjoni tal-Oċean Atlantiku li tifforma l-estwarju ta' Pindaré, Mearim, Itapecuru u xmajjar oħra. Il-koordinati tagħha huma 2.53° Nofsinhar, 44.30° Punent. São Luís għandha t-tieni l-ikbar estensjoni marittima fi ħdan l-istati Brażiljani. L-estensjoni marittima tagħha hi ta' 640 kilometru (397 mil). Il-belt waħedha għandha popolazzjoni ta' xi 1,088,057 ruħ (skont iċ-ċensiment tal-2024). Iż-żona metropolitana għandha popolazzjoni li tlaħħaq il-1,536,017 ruħ, u hija kklassifikata bħala l-15-il ikbar belt fil-Brażil.

São Luís, li oriġinarjament inħolqot bħala Saint-Louis-de-Maragnan, hija l-unika belt kapitali statali fil-Brażil li ġiet stabbilita minn Franza u hija waħda mit-tliet bliet kapitali statali Brażiljani li jinsabu fuq gżejjer (l-oħrajn huma Vitória u Florianópolis). Iċ-ċentru storiku tal-belt (li jmur lura għas-seklu 17) għandu l-pjanta tat-toroq oriġinali li għadha ppreservata u tniżżl fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[1]

Il-belt għandha żewġ portijiet marittimi ewlenin: il-Port ta' Madeira u l-Port ta' Itaqui, u minnhom tiġi esportata parti sostanzjali mill-minerali tal-ħadid tal-Brażil, li joriġinaw mir-reġjun pre-Amażoniku. L-industriji prinċipali tal-belt huma metallurġiċi b'Alumar u Vale. São Luís tospita l-Università Federali ta' Maranhão u l-Università Statali ta' Maranhão.

São Luís kienet il-belt fejn twieldu l-kantanta Brażiljana famuża tas-samba Alcione, il-kittieba Brażiljani Aluísio Azevedo, Ferreira Gullar u Josué Montello, il-plejer tal-futbol naturalizzat Belġjan Luís Oliveira, u l-mużiċist João do Vale, li kien kantant tal-mużika popolari Brażiljana.

Oriġinarjament, il-belt kienet villaġġ kbir tat-tribù Tupinambá. L-ewwel Ewropej li insedjaw l-inħawi kienu l-Franċiżi, fl-1612, li kellhom f'moħħhom li jistabbilixxu ċ-ċentru ta' kolonja hemmhekk imsejħa Franza Ekwinozjali, taħt il-kmand ta' Daniel de la Touche, Seigneur de la Ravardière, u l-Ammirall François de Razilly. Huma bnew forti msejjaħ Saint-Louis de Maragnan f'ġieħ ir-Re Lwiġi XIII u l-antenat qaddis tiegħu Lwiġi IX, u l-kostruzzjoni tiegħu mmarka d-data tal-istabbiliment tal-belt, jiġifieri t-8 ta' Settembru. Il-Portugall ħakem l-insedjament fl-1615 fil-battalja ta' Guaxenduba u biddel isem il-belt għal São Luís.

Peress li ma tantx kien hemm wisq żmien biex il-Franċiżi jibnu belt, kien hemm kemxejn ta' kontroversja dwar id-data reali tal-istabbiliment tal-belt, u jekk ġietx stabbilita mill-Franċiżi jew mill-Portugiżi.

São Luís ġiet invaduta u okkupata mill-Olandiżi f'Novembru 1641 bħala parti minn invażjoni Olandiża usa' tal-Brażil. Qawwa ta' 1,000 suldat taħt Jan Cornelisz Lichthart (li miet fl-1646), l-ammirall tal-Kumpanija Olandiża tal-Punent tal-Indja, waslet fil-belt. L-Olandiżi serqu r-rikkezzi tal-belt, b'mod partikolari x-xbihat u l-istrutturi Kattoliċi. Il-ġlied fil-bliet baqa' għaddej għal 27 xahar. L-Olandiżi arrendew kontra José Constantino Gomes de Castro u abbandunaw Maranhão fit-28 ta' Frar 1644.

Fl-1677, il-belt saret is-sede tad-Djoċesi Kattolika Rumana l-ġdida ta' São Luís do Maranhão.

Kien biss meta dawk l-invażjonijiet waqfu għalkollox li l-gvern kolonjali ddeċieda li joħloq l-istat ta' Grão-Pará e Maranhão, independenti mill-bqija tal-pajjiż. Sa dak iż-żmien, l-ekonomija kienet ibbażata fuq l-agrikoltura, b'mod partikolari l-esportazzjoni tal-kannamiela, tal-kawkaw u tat-tabakk. Il-kunflitti fost l-elit lokali wasslu għar-Rewwixta ta' Beckman. Din faqqgħet minħabba t-taqbida bejn il-Ġiżwiti u s-sidien tal-art. Il-Ġiżwiti kienu kontra l-iskjavitù tal-Indjani u s-sidien tal-art kienu kontra t-trattament inġust min-naħa tal-awtoritajiet Portugiżi; is-sitwazzjoni wasslet għal rewwixta kontra l-Portugiżi, immexxija mill-aħwa Manoel u Tomás Beckman u damet sal-intervent tat-truppi Portugużi taħt il-kmand tal-Ġeneral Gomes Freire de Andrade. Wara ftit ġlied, ir-ribelli ġew megħluba u l-aħwa Beckman ġew arrestati. Wara proċediment qasir ġew mgħallqa. L-aħħar kliem ta' Manoel Beckman fil-forka kienu "Pelo Povo do Maranhão morro contente" ("Biswit il-poplu ta' Maranhão se mmur hieni"). Din il-frażi żżejjen is-sala prinċipali tal-binja tal-Kunsill Statali.

Veduta ta' São Luís għall-ħabta tal-1665.

Ftit wara li faqqgħet il-Gwerra Ċivili Amerikana, ir-reġjun beda jipprovdi l-qoton lill-Gran Brittanja. Il-ġid iġġenerat minn din l-attività ntuża biex tiġi mmodernizzata l-belt; biex l-irġiel reliġjużi jmorru jgħallmu fl-iskejjel tagħha; u biex tiġi ssupplimentata l-provvista tal-ilma. Il-belt saret it-tielet l-iżjed belt popolata fil-pajjiż. Sa tmiem is-seklu 19, l-agrikoltura bdiet tmur lura u minn hemm 'il quddiem il-popolazzjoni tal-belt ippruvat tfittex modi oħra biex taqla' l-għajxien tagħha.

Illum il-ġurnata, São Luís għandha l-ikbar wirt ta' arkitettura Portugiża kolonjali u l-iżjed waħda ppreservata fl-Amerka Latina kollha. Il-gżira hija magħrufa bħala l-"Gżira tal-Imħabba" u bħala l-"Ateni Brażiljana", minħabba l-bosta poeti u kittieba tagħha, fosthom Sotero dos Reis, Aluísio Azevedo, Graça Aranha, Gonçalves Dias (l-iżjed famuż), Josué Montello, Ferreira Gullar u oħrajn. Il-belt hija magħrufa wkoll bħala l-"Ġamajka Brażiljana" minħabba l-popolarità tal-mużika reggae.

Il-kompożizzjoni anċestrali ta' São Luís, skont studju tad-DNA, hi kif ġej: 42 % Ewropea, 39 % Amerikana Nattiva u 19 % Afrikana.

Veduta panoramika ta' São Luís fl-1931.

Sa nofs is-seklu 19, l-ekonomija ta' Maranhão kienet waħda mill-iktar għanja fil-pajjiż. Madankollu, wara l-Gwerra Ċivili fl-Istati Uniti, meta tilef l-ispazju tiegħu fl-esportazzjoni tal-qoton, l-istat qabad it-triq tan-niżla. Kien biss wara l-aħħar tas-snin 60 tas-seklu 20 li l-istat beda jingħata inċentivi u joħroġ mis-seklużjoni, permezz ta' kollegamenti bit-toroq u ferrovjarji ma' reġjuni oħra.

Fl-aħħar tas-seklu 18, iż-żieda fid-domanda internazzjonali għall-qoton biex tiġi ssodisfata l-industrija tat-tessuti tal-Ingilterra flimkien ma' tnaqqis fil-produzzjoni minħabba l-Gwerra Rivoluzzjonarja fl-Istati Uniti pprovdew l-ambjent perfett biex tiġi stimolata l-produzzjoni tal-qoton f'Maranhão. Il-kumpaniji tat-trasport marittimu bl-istim bħal Southampton & Company Maranha u Maranha Shipping Company, li wettqu t-trasport tal-qoton mill-istati ta' Georgia u Alabama, bdew joperaw bejn São Luís u Londra, u dan wassal għall-produzzjoni ta' Caxias u Baixada Maranhão. Sal-bidu tas-seklu 20, São Luís kienet għadha tesporta l-qoton lejn l-Ingilterra bil-baħar permezz tar-rotta estiża lejn Iquitos u l-kumpanija Maranha Liverpool Shipping Company.

Veduta mill-ajru tad-Distrett Ċentrali ta' São Luís.

Matul dan il-perjodu tad-deheb tal-ekonomija ta' Maranhão, São Luís kellha effervexxenza kulturali sew. Il-belt kienet iktar qisha l-bliet kapitali Ewropej minn bliet Brażiljani oħra. Kienet l-ewwel waħda li laqgħet opra Taljana u kull ġimgħa kienet tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-letteratura Franċiża. Il-produtturi għonja tal-qoton u n-negozjanti lokalio bagħtu lil uliedhom jistudjaw Recife, Salvador, Rio de Janeiro u saħansitra fl-Ewropa.

Infetħu l-Port ta' Alumar, il-Port ta' Itaqui u l-Port ta' Ponta da Madeira, attwalment it-tieni l-iżjed fond fid-dinja, it-tieni biss wara dak ta' Rotterdam, u huma fost l-iżjed traffikużi fil-pajjiż. Dan tal-aħħar iservi bħala ċentru għall-produzzjoni industrijali u għall-wasla tal-minerali tal-ħadid mil-Linja Ferrovjarja ta' Carajás, imħaddma minn Companhia Vale do Rio Doce. Barra minn hekk, jiġu esportati wkoll il-fażola tas-sojja mkabbra fin-Nofsinhar ta' Maranhão u fil-Brażil Ċentrali, u ttrasportati mil-Linja Ferrovjarja ta' Carajás u mil-Linja Ferrovjarja mit-Tramuntana għan-Nofsinhar. Il-prossimità tal-portijiet mas-swieq strateġiċi fl-Ewropa u fl-Amerka ta' Fuq wasslu biex jitqiesu bħala alternattiva attraenti għall-esportazzjoni tal-merkanzija, iżda jbatu minn żieda fit-trasport marittimu kostali.

L-ekonomija ta' São Luís hija bbażata fuq l-ipproċessar tal-aluminju (ALUMAR), l-industrija tal-pellets (VALE), il-produzzjoni tal-ikel u t-turiżmu. São Luís għandha l-ikbar PDG fl-istat, u tospita żewġ universitajiet pubbliċi (l-UFMA u l-UEMA) u diversi istituzzjonijiet edukattivi u kulleġġi privati. Skont l-aħħar data mill-istħarriġ tal-IBGE, São Luís għandha PDG ta' R$9,340,944,000.00, u tokkupa l-14-il post fost il-bliet kapitali statali.

F'Alcântara, fil-qrib, hemm iċ-Ċentru Spazjali ta' Alcântara.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Iċ-Ċentru Storiku ta' São Luís ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]

Veduta tal-bajja ta' São Marcos.

Il-gżira ta' Upaon-Açu tinsab bejn żewġ sistemi ta' estwarji kbar li huma l-bajjiet ta' São Marcos fin-naħa tal-Punent u ta' São José fin-naħa tal-Lvant fir-reġjun ċentrali ta' Golfão Maranhense. Iż-żewġ bajjiet huma interkonnessi fil-Lbiċ permezz tal-kanali tal-Istrett tan-Nemus u l-Istrett ta' Coqueiros (li jisseparaw il-gżira ta' Upaon-Açu mill-gżira ta' Tauá-Mirim).

Fil-bajja ta' São Marcos inixxi l-korp tal-ilma tax-xmara Mearim u t-tributarji tagħha, filwaqt li fil-bajja ta' São José/Arraial jintemmu l-korpi tal-ilma tax-xmajjar Itapecuru u Munim. F'dan ir-reġjun, l-amplitudni tal-mareat tista' taqbeż is-7 metri. Ir-reġjun fih bosta nixxigħat u kanali mareali. Diversi aġenti sawru r-riljievi bħal dawk ta' oriġini klimatika, idroloġika u oċeanografika, kif ukoll ir-riħ qawwi u l-attività tal-baħar u tax-xmajjar. B'hekk il-veġetazzjoni hija kkaratterizzata minn fdalijiet mill-Foresta tal-Amażonja, mangrovji u Campo de Perizes, li hija pjanura estensiva tax-xmara b'ħaxix predominanti li tinsab fl-art kontinentali.

Il-klima hija kkaratterizzata bħala żona sħuna, semiumduża u tropikali tal-ekwatur, b'żewġ staġuni distinti li jvarjaw bejn staġun tax-xita (Jannar sa Ġunju) u staġun tan-nixfa (Lulju sa Diċembru), b'preċipitazzjoni medja ta' 2,200 millimetru fis-sena. Uħud mill-unitajiet ta' konservazzjoni tal-gżira huma: l-APA ta' Reentrancias Maranhenses; l-APA ta' Upaon-Açu-Miritiba-Alto Preguiças, l-APA ta' Itapiracó; l-APA tar-Reġjun ta' Maracanã; u l-Parks Statali ta' Bacanga, il-Laguna ta' Jansen u r-Rangedor.

Mal-Istrett tan-Nemus hemm pontijiet tal-karozzi u pontijiet ferrovjarji li jikkollegaw l-art kontinentali mal-gżira ta' Upaon-Açu: il-pont ta' Marcelino Machado, BR-135, magħmul minn żewġ pontijiet paralleli (twal 456 u 454 metru); il-pont tal-metall ta' Benedito Leite, li jagħmel parti mil-Linja Ferrovjarja ta' São Luís-Teresina; il-pont doppju li jagħmel parti mil-Linja Ferrovjarja ta' Carajás; il-pont tal-metall li jsostni l-korp tal-ilma ta' Italuís, li jittrasporta l-ilma mix-xmara Itapecuru għall-belt ta' São Luís.

Hemm ukoll servizz tal-laneċ bejn São Luís u Alcântara; kif ukoll l-Ajruport Internazzjonali ta' São Luís.

Il-muniċipalità fiha parti mill-1,535,310 ettari (3,793,800 akru) taż-Żona ta' Protezzjoni Ambjentali ta' Upaon-Açu/Miritiba/Alto Preguiças, li nħolqot fl-1992. Il-belt tospita l-Park Statali tas-Sítio Rangedor, li qabel kienet protetta għalkollox bħala ż-Żona Ekoloġika tas-Sítio Rangedor. Il-muniċipalità fiha wkoll parti żgħira miż-Żona ta' Protezzjoni Ambjentali ta' Baixada Maranhense, li hija unità ta' konservazzjoni ta' użu sostenibbli ta' 1,775,035.6 ettaru (4,386,208 akri) li nħolqot fl-1991 u li ilha sit tar-Ramsar mis-sena 2000. Il-Park Statali ta' Bacanga li fih 2,634 ettaru (6,510 akri) jinsab fin-Nofsinhar tal-belt.

Il-belt ta' São Luís tesperjenza klima ta' savanna tropikali niexfa, sajfija u marġinali ħafna (As skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen), u kważi xxaqleb lejn klima ta' monsoon tropikali (Am skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen). Il-belt għandha staġun qasir tan-nixfa minn Awwissu sa Novembru. Matul dan il-perjodu meta l-medda ekwatorjali tax-xita assoċjata mal-pożizzjonament staġonali ferm taż-Żona ta' Konverġenza Intertropikali ma tkunx fuq il-belt, ikun hemm temperaturi miti għal sħan u temp xemxi ekwatorjali abbundanti. Min-naħa l-oħra, l-istaġun umduż tax-xita jiddomina fil-kumplament tas-sena, bi sħab abbundanti u xita qliel minn Jannar sa Ġunju, bl-eqqel xita u bl-ogħla ammont ta' sħab minn Jannar sa Mejju. L-iktar xahar imsaħħab tas-sena huwa Marzu b'medja ta' 107.2 siegħa ta' xemx fix-xahar, filwaqt li l-iżjed xahar xemxi tas-sena huwa Awwissu b'medja ta' 260.3 siegħa ta' xemx fix-xahar. L-iżjed xahar bix-xita huwa April b'total medju ta' 476 millimetru (18.74-il pulzier) ta' xita fix-xahar, filwaqt li l-iżjed xahar niexef huwa Ottubru b'total medju ta' 8 millimetri (0.31 pulzieri) ta' xita fix-xahar. Bħala medja, kważi 70 fil-mija tax-xita annwali tiġi rreġistrata minn Frar sa Mejju. Il-ħarifa (Marzu sa Mejja) hija l-iżjed staġun kiesaħ u bix-xita, filwaqt li r-rebbiegħa (Settembru sa Novembru) hija l-iżjed staġun sħun u niexef. Is-sajf (Diċembru sa Frar) ikun ftit iktar sħun mix-xitwa (Ġunju sa Awwissu) iżda b'ħafna iktar xita.

Data klimatika São Luís (temp. normali fl-1991–2020, temp. estremi fl-1961–1990)
Xahar Jan Fra Mar Apr Mej Ġun Lul Aww Set Ott Nov Diċ Sena
Temp. għolja rekord °C (°F) 33.6
(92.5)
36.0
(96.8)
32.8
(91.0)
33.0
(91.4)
33.2
(91.8)
33.1
(91.6)
32.7
(90.9)
34.4
(93.9)
34.0
(93.2)
33.2
(91.8)
34.4
(93.9)
33.8
(92.8)
36.0
(96.8)
Medja massima kuljum °C (°F) 31.1
(88.0)
30.6
(87.1)
30.3
(86.5)
30.6
(87.1)
31.3
(88.3)
31.5
(88.7)
31.5
(88.7)
32.0
(89.6)
32.3
(90.1)
32.5
(90.5)
33.5
(92.3)
32.2
(90.0)
31.6
(88.9)
Medja minima kuljum °C (°F) 24.2
(75.6)
24.0
(75.2)
23.8
(74.8)
23.8
(74.8)
23.9
(75.0)
23.5
(74.3)
23.4
(74.1)
24.7
(76.5)
24.4
(75.9)
24.7
(76.5)
24.9
(76.8)
25.0
(77.0)
24.2
(75.5)
Temp. baxxa rekord °C (°F) 20.0
(68.0)
20.1
(68.2)
17.9
(64.2)
13.1
(55.6)
20.2
(68.4)
20.6
(69.1)
18.1
(64.6)
20.3
(68.5)
20.9
(69.6)
21.2
(70.2)
21.6
(70.9)
20.0
(68.0)
13.1
(55.6)
Preċipitazzjoni medja cm (pulzieri) 235.4
(9.27)
308.0
(12.13)
452.8
(17.83)
431.4
(16.98)
312.0
(12.28)
174.3
(6.86)
110.8
(4.36)
22.5
(0.89)
2.9
(0.11)
2.8
(0.11)
9.7
(0.38)
54.5
(2.15)
2,117.1
(83.35)
Medja għall-jiem bil-preċipitazzjoni (≥ 1 mm) 13 17 22 22 18 13 10 3 1 0 1 4 124
Medja tal-umdità relattiva (%) 82.5 84.8 86.6 87.7 86.4 84.3 82.1 80.5 77.6 76.2 76.6 77.6 81.9
Punt tan-nida medja °C (°F) 24.2
(75.6)
24.3
(75.7)
24.4
(75.9)
24.7
(76.5)
24.8
(76.6)
24.4
(75.9)
24.2
(75.6)
23.9
(75.0)
23.6
(74.5)
23.5
(74.3)
23.7
(74.7)
23.9
(75.0)
24.1
(75.4)
Medja fix-xahar għas-siegħat bid-dawl tax-xemx 155.9 119.2 115.3 120.2 163.5 201.6 233.3 267.5 258.3 264.2 235.1 215 2,349.1
Medja kuljum għas-siegħat imdawla 12.3 12.2 12.1 12.1 12 12 12 12 12.1 12.2 12.2 12.3 12.1
Medja indiċi ultravjola 12 12 12 12 11 10 10 11 12 12 12 12 12
Sors 1: Instituto Nacional de Meteorologia
Sors 2: Weather atlas
São Luís hija l-iżjed ċentru edukattiv importanti tal-istat.

Il-Portugiż huwa l-lingwa nazzjonali uffiċjali, u b'hekk il-lingwa primarja li tiġi mgħallma fl-iskejjel. Iżda l-Ingliż u l-Ispanjol jagħmlu parti mill-kurrikulu uffiċjali tal-iskola sekondarja.

L-istituzzjonijiet edukattivi jinkludu:

  • Universidade Federal do Maranhão (UFMA);
  • Universidade Estadual do Maranhão (UEMA);
  • Faculdade Santa Terezinha (CEST);
  • Universidade Ceuma (UNICEUMA);
  • Instituto Estadual de Educação, Ciência e Tecnologia do Maranhão (IEMA);
  • Instituto Federal de Educação, Ciência e Tecnologia do Maranhão (IFMA);
  • Faculdade São Luís;
  • Unidade de Ensino Superior Dom Bosco (UNDB);
  • Faculdade Atenas Maranhense (FAMA);
  • Faculdade do Maranhão (FACAM);
  • Faculdade Pitágoras.

São Luís hija magħrufa għall-madum tagħha li jiksi l-biċċa l-kbira tal-binjiet tagħha fiċ-ċentru storiku. B'hekk il-belt hija magħrufa bħala l-"Belt tal-Madum" u l-"Ateni Brażiljana".

Barra minn hekk, għandha dawn il-karatteristiċi kulturali li ġejjin:

Tambor de Crioula

[immodifika | immodifika s-sors]

It-Tambor de Crioula hija żifna Afro-Brażiljana li fiha nisa lebsin kuluri jgħajtu jipprovaw jisseduċu għadd ta' tambor (ringiela tnabar). Dawn jiżfnu mar-ritmu tal-mużika u waħda waħda jmorru lejn iċ-ċentru tar-ringiela tnabar. Id-Dar tat-Tambor de Crioula hija mużew iddedikat għall-preservazzjoni u għat-tifrix tal-manifestazzjoni kulturali.

Tambor de Mina

[immodifika | immodifika s-sors]

It-Tambor de Mina hija l-varjant lokali tar-reliġjon Afro-Brażiljana. Casa das Minas (Querebentã de Tói Zomadônu jew id-Dar ta' Minas) hija l-eqdem tempju (terreiro) u x'aktarx li ġiet stabbilita f'São Luís fis-snin 40 tas-seklu 19 minn nisa Afrikani.

Bumba Meu Boi

[immodifika | immodifika s-sors]
It-Teatru ta' Arthur Azevedo.

Il-Bumba Meu Boi hija farsa popolari li tittella' bħala pantomima mużikali grandjuża. Il-prattika hija pubblika u tibda eżatt wara l-Għid u tilħoq il-qofol tagħha f'Ġunju meta litteralment mijiet ta' gruppi jtellgħu spettakli kull filgħaxija għall-briju tal-pubbliku. Personalitajiet u karattri teatrali jtellgħu traġedja komika b'metafora għall-armonija soċjali fil-qalba. L-insedjaturi "Coroneis", l-Indjani, ix-xamani, l-iskjavi Afrikani u l-ispirti tal-foresti kollha jiġu rrappreżentati permezz tal-kostumi, tal-koreografija u tal-mużika. Il-folla tingħaqad permezz tal-kant, taż-żfin skont is-sotaque (jew l-istil) tal-gruppi li jdoqqu l-matracas (żewġ blokok tal-injam, waħda f'kull id u mħabbtin flimkien ripetutament). Bħall-Festival ta' Sao João u ż-żifna tal-Forró tiegħu fl-istati tal-Grigal, iktar lejn in-Nofsinhar il-Bumba Meu Boi huwa festival tal-ħsad iżda bil-barri bħala l-qofol.

Il-forma ta' São Luís tal-capoeira jingħad li hija tip ta' capoeira li issa hija rikonoxxuta bħala l-"capoeira tradizzjonali ta' Bahia" li ġiet qabel il-polemika reġjonali tal-Angola ta' Bahia li firdet id-dinja tal-capoeira fis-snin 50 tas-seklu 20.

Ċentru Storiku

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Palazz ta' Leões.

Iċ-ċentru storiku ta' São Luís tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1997.[1] Huwa differenti minn ċentri storiċi oħra fil-Brażil minħabba l-kwantità u d-densità ta' sobrados, id-djar urbani Portugiżi; l-ikbar kollezzjoni ta' azulejos esterni fil-Brażil; u huwa eżempju rari bi pjanta kolonjali Portugiża b'għamla ta' grilja. Mill-1989 twettaq programm estensiv ta' restawr u ta' rinnovazzjoni tal-binjiet tal-era kolonjali taċ-ċentru storiku tal-belt. Eżempji notevoli ta' kostruzzjonijiet storiċi huma l-Katidral Metropolitan tal-Madonna tal-Vitorja, il-Knisja ta' Pantaleão, il-Kappella ta' Laranjeiras, il-Forti ta' Santo Antônio da Barra de São Luís, u l-funtani ta' Ribeirão u ta' Pedras. Iċ-ċentru storiku fih toroq wesgħin kif ukoll network ta' toroq dojoq; barra minn hekk fih pjazez pubbliċi wesgħin, b'mod partikolari l-Pjazza ta' Pedro II, il-Pjazza ta' Benedito Leite u l-Pjazza ta' João Lisboa.

São Luís hija magħrufa bħala l-belt kapitali Brażiljana tar-reggae, ritmu popolari ħafna fil-belt. Fl-2018 ġie stabbilit il-Mużew tar-Reggae ta' Maranhão, l-ewwel mużew iddedikat lir-reggae barra mill-Ġamajka u t-tieni fid-dinja.

Karozza tal-linja ta' São Luís.

Il-belt hija moqdija mill-Ajruport Internazzjonali ta' Marechal Cunha Machado.

Hemm 184 linja tal-karozzi tal-linja li joperaw fiż-żona metropolitana, moqdija minn flotta ta' iktar minn 3,000 karozza tal-linja. Iżjed minn 500,000 ruħ jużaw din is-sistema tat-trasport kuljum. Iż-żona metropolitana fiha network ta' trasport alternattiv li jaħdem b'sewwieqa li normalment ikollhom il-kowċ tagħhom u jorganizzaw ruħhom f'kooperattivi biex ikunu jistgħu jipprovdu servizz tat-trasport pubbliku legalizzat fid-dipartiment tat-traffiku tal-belt.

Wieħed mill-uniċi servizzi ferrovjarji bejn il-bliet fil-Brażil huwa operat minn Vale u jikkollega lil São Luis ma' Parauapebas; fl-2019 ġew ittrasportati 330,000 passiġġier.

L-Ajruport Internazzjonali ta' Marechal Cunha Machado.

Il-belt għandha wkoll sistema effiċjenti tar-radju b'iktar minn 2,000 taksi akkreditat.

São Luis fiha port li jilqa' d-dgħajjes li jġorru l-passiġġieri sal-belt ta' Alcantara, u dan jinsab fiż-żona metropolitana. Għandha wkoll port ieħor li jilqa' l-laneċ li jġorru l-passiġġieri u l-karozzi lejn bliet differenti fir-reġjun tal-istat magħruf għall-artijiet baxxi.

Peress li tinsab fuq gżira, il-belt fiha żbokk wieħed biss, il-pont tal-Istrett tan-Nemus (bil-Portugiż: Estreito dos Mosquitos), li jikkollega l-belt ta' São Luis bit-triq BR-135.

Telekomunikazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kodiċi telefoniku lokali (DDD fil-Brażil) biex wieħed iċempel fil-belt ta' São Luis huwa 98 (DDD98).

Il-grawnd ta' Castelão, l-ikbar wieħed tal-belt.

Il-futbol huwa l-iżjed sport popolari f'São Luís, għalkemm il-klabbs ma tantx huma magħrufa fil-bqija tal-Brażil. Il-klabbs professjonali f'São Luís huma: Sampaio Corrêa li attwalment jilagħbu fit-tieni diviżjoni Brażiljana, Moto Club li jilagħbu fir-raba' diviżjoni u Maranhão Atlético Clube li jieħdu sehem fil-kampjonat reġjonali, Campeonato Maranhense.

Nies notevoli

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Aluísio de Azevedo (1857-1913), kittieb u diplomatiku Brażiljan;
  • Ana Paula Belo (twieldet fl-1987), plejer tal-handball Brażiljana, Ċampjin tad-Dinja fl-2013;
  • Artur Azevedo (1855-1908), kittieb u poeta Brażiljan;
  • Dan Kearns (twieled fl-1956), plejer tal-futbol Kanadiż;
  • Steve Kearns (twieled fl-1956), plejer tal-futbol Kanadiż;
  • Alcione Nazareth (twieled fl-1947), kantanta Brażiljana;
  • Clemer (twieled fl-1968), eks plejer tal-futbol professjonali Brażiljan;
  • Denilson Hernanes Santos Sineiro (twieled fl-1987), plejer tal-futbol Brażiljan;
  • Léo Silva (twieled fl-1985), plejer tal-futbol professjonali Brażiljan;
  • Juca Baleia (twieled fl-1959), eks plejer tal-futbol professjonali Brażiljan;
  • Rafael Leitão (twieled fl-1979), gran mastru taċ-ċess Brażiljan;
  • Zeca Baleiro (twieled fl-1966), kantant Brażiljan (MPB, samba u rock Brażiljan);
  • Phillip Morrison (twieled fl-1984), għawwiem Brażiljan.
  1. 1 2 3 4 "Historic Centre of São Luís - UNESCO".