Rużar Briffa

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Rużar Briffa
Rużar Briffa
Ħajja
Twelid Valletta, 16 Jannar 1906
Nazzjonalità Kolonja ta' Malta
Mewt Valletta, 22 Frar 1963
Post tad-dfin Ċimiterju tal-Addolorata
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Malta
Lingwi Malti
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni poeta
dermatologu

Rużar Briffa (1906 - 1963) kien poeta u dermatologu Malti daqskemm figura ewlenija fil-letteratura Maltija.

Studja fl-iskola elementari tal-Gvern f’Sant’ Iermu u l-Liċeo tal-Belt u wara li għadda mill-eżamijiet tal-Matrikola, fl-1923 beda jgħallem fl-iskejjel elementari. Kellu jkun l-ewwel għalliem bil-matrikola fid-Dipartiment.

Tabib u Dermatologu[immodifika | immodifika s-sors]

Ftit xhur wara, fl-1924, beda l-istudju tiegħu fil-mediċina, fl-Università ta’ Malta u ssoktah f’Londra fil-Venereoloġija u d-Dermatoloġija. Fl-1932 sar speċjalista tal-mard tal-ġilda. Baqa’ magħruf għall-umiltà u l-qalb kbira li wera mal-morda, speċjalment mal-lebbrużi. Skont martu Louisette, ix-xewqa tiegħu fil-professjoni medika kienet li jkabbar il-ġmiel fil-ġilda u jnaqqas il-kruha tagħha, u dan l-aspett jixref sikwit fil-versi tiegħu, tant li fi żmienu kien magħruf bħala l-Poeta tas-Sbuħija.

Lura f’Malta, Briffa nħatar tabib anzjan fis-sezzjoni tal-mard tal-ġilda fl-Isptar Ċentrali. Kien ukoll speċjalista tal-marda tal-lebbra fl-Isptar San Bartilmew fl-Imgieret u fl-Isptar Chambray ta’ Għawdex. Matul il-pesta li kellna f’Malta fis-snin 1936-37, Ruzar kien jaħdem fl-Isptar ta’ Lazzarett f’Manoel Island. Fl-1938 kien mar fil-Lvant Imbiegħed fejn ħadem u studja fi sptarijiet f’Kalkutta, Gobra, Bankura u Madras.

Matul il-gwerra, meta kien mar joqgħod San Giljan, Rużar kien speċjalista onorarju tad-dermatoloġija fil-Malta War Memorial Hospital for Children. Tul l-istess żmien kien ukoll Supretendent fl-Isptar Blue Sisters. Bejn is-snin 1951 u 1963, Rużar kien jgħallem id-dermatoloġija u l-veneoroloġija fl-Università ta’ Malta.

L-Għaqda tal-Malti[immodifika | immodifika s-sors]

Flimkien ma’ sieħbu Ġużè Bonnici, fl-1931 waqqaf l-Għaqda tal-Malti – Università, li għadha attiva sal-lum, u beda joħroġ ir-rivista Leħen il-Malti.

Poeta[immodifika | immodifika s-sors]

"Qatt ma kelli l-ħsieb li nistampa dawn il-poeżiji fi ktieb. Uħud minnhom ktibthom fi żmien ta’ dwejjaq kbar, oħrajn ta’ ferħ. U ktibthom għalija…."

Dan kien kliem il-poeta nnifsu li deher fl-ewwel ġabra ta’ poeżiji li ppubblika bl-isem Poeżiji fl-1971 grazzi għall-insistenza tat-tieni mara tiegħu Louisette u ta’ ħabibu P. Valentin Barbara. Il-biċċa l-kbira tal-poeżiji tiegħu kitibhom fuq folji maqtugħa ta’ xi ktejjeb tal-but jew fuq in-naħa ta’ ġewwa ta’ pakketti vojta tas-sigaretti. Oħrajn kitibhom fuq karti tar-riċetti mediċi, fuq boroż, insomma, fuq kulma kien jiġi għal idejh f’waqt ta’ muża.

Rużar Briffa baqa’ magħruf bħala l-poeta taċ-ċokon u tas-sempliċità. Għalkemm kiteb ftit, Briffa kien apprezzat fit-tul minn diversi kritiċi letterarji. Bosta kitbu fuqu. Dawn huma xi kummenti li hu nnifsu għadda fuq il-poeżija bħala interpretazzjoni individwali u bħala espressjoni artistika, universali:

"Il-poeżiji tiegħi la huma ġrajjiet kbar, la ħsibijiet profondi fuq il-Ħajja u lanqas xewqat għolja ta’ Dinja oħra. Huma biss impressjonijiet, biex ngħid hekk ‘snapshots’ tal-ħajja ta’ kuljum kif tħosshom qalbi. Anki s-‘snapshot’ għandu l-qawwa tiegħu għax ħafna drabi fiċ-ċokon tiegħu jiġbor irqaqat li f’ritratt kbir kienu jitilfu mir-reqqa tagħhom ... jiena wkoll inħoss li l-poeżiji tiegħi għandhom il-qawwa tas-sempliċità."
"Ma ktibtx għall-fama. Il-Poeżija għalija xejn ma hi ħaġa ta’ gost imma aktarx ta’ tbatija kbira."
"Jolqotni ħsieb u jdum iberren f’moħħi għal xhur sħaħ – xi drabi għal snin. Imbagħad f’daqqa jtini ferħ ta’ ġenn. Inkun fejn inkun ikolli nieħu lapis u karta u f’temp ta’ minuta toħroġ weħidha l-poeżija. Ebda poeżija ma ħaditli iżjed minn ħames minuti biex niktibha."
"l-poeżija m’għandhiex tfittex ħlief li tilħaq il-qalb tal-qalb tal-bniedem, u jekk anki jirnexxilha tagħmel dan darba biss, allura l-poeżija tkun laħqet l-aqwa tagħha."

Poeżiji tiegħu[immodifika | immodifika s-sors]

Jum ir-Rebħ[immodifika | immodifika s-sors]

U l-Kotra qamet f’daqqa – u għajtet: “Jien Maltija!
Miskin min ikasbarni, - miskin min jidħak bija!”
U l-Kotra għanniet f’daqqa – u semmgħet ma’ l-irjieħ
L-Innu ta’ Malta tagħna, – u l-leħen kien rebbieħ,
Fuq ngħas l-imgħoddi ġwejjef, – in-ngħas ta’ l-Apatija
Xħin ruħna kienet rieqda – ġo sodda barranija;
U l-ombra ta’ Vassalli – qamet minn qiegħ il-qabar,
U għajtet: “Issa fl-aħħar – jiena se nsib is-sabar.”


Dawn il-versi jalludu għall-protesta li kienet saret fl-Empire Stadium mis-sapporters Maltin fit-2 ta’ Marzu, 1945 qabel ma bdiet il-logħba ta’ ħbiberija bejn Malta u t-tim Jugoslav, Hadjuk ta' Split (Hrvatski nogometni klub Hajduk Split), li dik il-ħabta kien magħruf mad-dinja kollha. L-King’s Own Band daqqew kemm l-innu nazzjonali Jugoslav u kemm il-God Save the King, mingħajr ma daqqew l-Innu Malti. Il-folla maqrusa fil-laħam il-ħaj qamet bil-wieqfa u bdiet tkanta spontanjament il-versi ta’ Dun Karm fuq mużika ta’ Dr Robert Sammut. Dan il-waqt emozzjonanti ferm li kien baqa’ fuq fomm kulħadd għal ġimgħat sħaħ, tpenġa permezz tal-kelma minn Rużar Briffa fil-poeżija t’hawn fuq. F`din il-poezija jidher is-sens qawwi ta` patrijotizmu tal-Maltin li qamu mill-apatija li kien fiha taht hakmiet barannin.

Lil Ommi[immodifika | immodifika s-sors]

Bennini ħa norqod,
Benninni bil-ħlewwa,
Kull diqa nessini,
Nessini kull dnewwa;


benninni bil-lajma
ta’ leħnek jirtogħod,
benninni, benninni,
hekk, hekka, bil-mod.


Aħbili li hemm barra
Qed jokrob ir-riħ,
bħal ruħ qiegħda tfittex,
għalxejn il-mistrieħ.


Benninni, benninni,
nessini kull dieqa,
benninni, bħal meta
kont ċkejken fin-nieqa,


u l-għanja tennili
– il-għanja ta’ dari –
tat-tfajjel imqareb
mitluf ġewwa x-xagħri:


“Iżd’ommu wisq talbet
lit-twajjeb Bambin,
u Dan it-triq sablu,
għaliex hu ħanin.”


Jien ġrali bħat-tfajjel,
tbegħidt wisq mid-dar,
u kollox sibt hieni,
sakemm il-lejl sar,


u nfirxet ir-reżħa
u d-dlam fuq ix-xagħri,
u sfajt għajjien mejjet,
imriegħex minn dwari.


Fejn taf, għażiż’ommi,
kemm ra l-iben tiegħek
minn xħin telaq daru
u nfired minn miegħek!


Benninni, benninni,
fissidni bħal dari …
hekk … hekk … iva, daħhal
subgħajk ġewwa xagħri;


W għannili, bil-ħlewwa,
il-għanja tas-sewwa.


Hawn jinħass il-poeta introvers li bil-lirika tiegħu fassal il-pedament tal-poeżija moderna Maltija

L-Għanja tal-Imnikket[immodifika | immodifika s-sors]

O Madonna tad-Duluri,

Mhux il-ward

Jiena fittixt ħa nsebbaħ darek

U nfewwaħlek lil altarek,

Imma x-xewk minn qalb ix-xagħri

U għollieq, marrâd, musfari,

O Madonna tad-Duluri,

Dana biss!


O Madonna tad-Duluri,

l-oħrajn ġew

U bid-deheb għammru lil darek,

U bil-ħaġar sawru altarek –

Jiena biss kont il-barrani

Mingħajr ward u deheb il-għani,

Jiena biss!


O Madonna tad-Duluri,

Ma stmerrejtx

Int l-imnikket ġewwa darek,

‘Ma tbissimt minn fuq altarek,

Kollok ħlewwa, kollok ħniena,

Serraħt Int lill-qalb għajjiena.

Inti biss!

Nofsinhar Sajfi[immodifika | immodifika s-sors]

Barra bis-sħana qiegħda mgħaxxa l-ħajja

Taħt xemx li tikwi - l-eħrex xemx sajfija -

U kollox ħiemed, bħallikieku l-ġrajja

Waqfu tal-jum, imbikkma minn did-dija.


Fuq għolja bżar, żunżan bil-qtajja’qtajja’

Irewwaħ ġewnħu; joħroġ mill-ħamrija

ħanfus sewdieni, bl-akbar skiet jissajja

ħa jsib il-qmuħ imxerrda fil-mogħdija.


Ħiemed il-mewġ jitniegħes ġewwa l-qala;

il bogħod ‘il bogħod jitriegħex qlugħ bajdani

bil-mod il-mod, u donnu le jaf l-għala.


Hekk bla taf l-għala tħoss il-qalb tixxabba’

Minn kulm’hu dwarha, tikbi lill-warrani,

U mdejqa tnin, bix-xewqa tal-imħabba.

Quo Vadis?[immodifika | immodifika s-sors]

Weħidha,

fuq l-għolja ġeblija,

imbiegħda mill-bqija ta’ ħutha

fil-qalb ħadranija

tal-wied,

ix-xwejħa ħarruba

magħtuba

mit-toqol tas-snin

qed tħares madwarha

ħa tara

il-għaġla tan-nies għaddejjin


...U taħseb:

kemm huma mgħaġġlin,

fejn huma sejrin

għal dejjem bla sabar

min-nieqa sal-qabar

dal-ħalja bnedmin?

Fejn huma l-għeruq?

Qatt lilhom ma trażżan il-bewsa tar-riħ?

Qatt lilhom ma tlajjem is-sħana tax-xemx?

Għaliex ftit mistrieħ

għalihom ma hemmx,

u l-lehma biss tagħhom

il-ħajja tas-suq?

Waħdi[immodifika | immodifika s-sors]

Waħdi tlajt

l-għoljiet xemxija

taż-żgħorija;

ħadd ma qalli

x’għandi nsib …

bogħod … jew qrib …


Waħdi sibtha l-lehma tiegħi

dak in-nhar li tgħannqet miegħi

is-Sbuħija!


Lejl u nhar,

Ġunju Frar

kollox xorta mingħalija,

basta l-ħajja dejjem ħajja.

Hekk għaddew

leħħu ntfew

l-isbaħ snin,

minn ġuf dinja qerredija

misruqin.


‘Mma fil-ħarba ta’ snin twal

tbiddlu d-dwal

kollox jagħti fis-sewdieni

aktarx tinsa l-lewn ewlieni


'Mma s-Sbuħija għadha miegħi

taqsam ferħ u dwejjaq tiegħi


Għadni dejjem, dejjem jien,

anke jekk kiebi u għajjien:

il-poeta taż-Żgħorija

il-poeta tas-Sbuħija.

Minn kull ma ħlomt f'żgħożiti[immodifika | immodifika s-sors]

Minn kull ma ħlomt f'żgħożiti,

Infittex kollox baħħ.

Il-qalb xiħa w għajjiena

Ma tafx tgħid ħlief "aħħ".

Li ħlomt kien kollu ħolma,

Li għext kien ħajja biss.

Aħ kieku t-tnejn ingħaqdu,

Il-qamar kont immiss.

Issa qasira l-ħajja,

U l-ħolm duħħan itir........

Il-Ballatella tal-Funtana[immodifika | immodifika s-sors]

Din kienet l-aħħar poeżija li kiteb.


U qniepen, qniepen, qniepen,

Qniepen viċin, ’il bogħod,

Leħinkom f’dell l-għaxija

Minn fomm il-għajn jirtogħod.

Funtana misterjuża

Ta’ ħolm u ta’ xewqat.

għanjiet ta’ żmien warrani

Fit-tempju ilhom mitfija;

Imma llum minn ġol-Funtana

Mill-ġdid il-liturġija.

Funtana misterjuża

Ta’ ħolm u ta’ xewqat.

Bakkan fiċ-ċimiterji,

Fis-sħarijiet tal-qamar,

U żfin minn dlam l-alkovi;

Titniegħed l-għajn bla sabar.

Funtana misterjuża

Ta’ ħolm u ta’ xewqat.

Mewt[immodifika | immodifika s-sors]

Rużar Briffa miet nhar it-22 ta’ Frar, 1963. Il-bijografija sħiħa tiegħu dehret fl-1984 f'xogħol tal-Professur Oliver Friggieri.

Ħoloq Esterni[immodifika | immodifika s-sors]