Rotta tal-Inċens – Bliet tad-Deżert f'Negev

Ir-Rotta tal-Inċens – Bliet tad-Deżert f'Negev hija Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO qrib tmiem ir-Rotta tal-Inċens f'Negev, fin-Nofsinhar ta' Iżrael, li kienet tikkollega l-Arabja mal-Mediterran fil-perjodu Ellenistiku-Ruman. Ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2005.[1] Il-kummerċ wassal għall-iżvilupp ta' rħula, fortijiet u karavanseraj tal-qedem, apparti l-iżvilupp agrikolu.
Erba' bliet fid-Deżert ta' Negev, li ffjorixxew matul il-perjodu mit-300 Q.K. sal-200 W.K., huma marbuta direttament mal-waqfa tal-Mediterran, kemm tar-Rotta tal-Inċens kif ukoll tar-rotta kummerċjali tal-ħwawar. Dawn huma Avdat, Haluza, Mamshit u Shivta. Flimkien, dawn il-bliet juru kemm kien iwassal għal qligħ il-kummerċ tal-frankinċens u tal-mirra. Din il-materja prima kienet tiġi mill-Jemen fin-Nofsinhar tal-Arabja u kienet tiġi ttrasportata lejn il-port ta' Gaża fil-Mediterran. Fl-aqwa tagħha, ir-Rotta tal-Inċens kienet tinkludi bliet, sistemi ta' irrigazzjoni bħall-qanat, fortijiet u karavanseraj. Xi fdalijiet għadhom viżibbli u juru l-użu tad-deżert għall-kummerċ u għall-agrikoltura.
Ir-Rotta tal-Inċens mil-Lvant għall-Punent kienet tintuża mill-400 Q.K. sal-200 W.K. bejn Petra u Gaża u hija magħrufa wkoll bħala r-Rotta tar-Re. Din ġabet magħha progress ekonomiku għan-Nabatej. Il-kummerċ batta meta r-Rumani okkupaw lil Petra, li dak iż-żmien kienet il-belt kapitali tal-Ġordan fl-Imperu tan-Nabatej. In-Nabatej kienu okkupaw dan it-territorju fis-seklu 6 Q.K. wara li l-Edomiti abbandunaw l-inħawi u okkupaw il-pjanuri tal-Ġudea. Dan wassal għat-trasformazzjoni tan-Nabatej mill-istil ta' għajxien seminomadiku tagħhom għall-kultura Ellenistika fejn kien hemm qafas ta' gvern organizzat. Il-kummerċ tal-iskjavi ġie pperpetwat għall-benefiċċju tat-Tolomej, minkejja li stabbilew relazzjonijiet diplomatiċi u militari newtrali ma' pajjiżi oħra.
L-erba' bliet fid-deżert jiġu ġestiti mill-Awtorità tan-Natura u tal-Parks ta' Iżrael u mill-Awtorità tal-Antikitajiet ta' Iżrael; l-awtorità tal-aħħar għandha l-kompitu li tieħu ħsieb il-konservazzjoni u l-iskavi tal-istrutturi elenkati tas-sit. L-erba' bliet fid-deżert fil-biċċa l-kbira ġew abbandunati mis-seklu 7 W.K. u baqgħu ppreservati pjuttost sew.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]
Ir-Rotta tal-Inċens – Bliet tad-Deżert f'Negev ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-15 ta' Lulju 2005.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[1]
Karatteristiċi
[immodifika | immodifika s-sors]In-network tar-Rotta tal-Inċens kien jikkonsisti mir-rotot kummerċjali li kienu jinkludu l-irħula u l-bliet tul mogħdija twila iktar minn 2,000 kilometru (1,200 mil). Is-sit ikopri erja ta' 6,655 ettaru (16,440 akru), b'żona ta' lqugħ addizzjonali ta' 63,868 ettaru (157,820 akru). Il-Mediterran kien l-ewwel salib it-toroq tul din ir-rotta fid-Deżert ta' Negev fin-Nofsinhar ta' Iżrael, f'rotta ta' 200 kilometru (120 mil), b'Moa fil-fruntiera tal-Lvant u bil-Ġordan sa Haluza fin-naħa tal-Majjistral. Ir-rotta kollha gawdiet mill-kummerċ u l-irħula u l-bliet stagħnaw b'sistemi ta' irrigazzjoni innovattivi. L-iżvilupp agrikolu kien jispikka fl-erba' bliet ta' Haluza, Mamshit, Avdat u Shivta, u fl-erba' fortijiet; flimkien mal-karavanseraj ta' Moa u Saharonim li ffaċilitaw is-soġġorni tal-kummerċjanti. Is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jkopri l-fdalijiet arkeoloġiċi tul 50 kilometru (31 mil) tar-rotta minn Petra sa Gaża, inkluż il-bliet ta' Avdat u Moa, iktar fit-Tramuntana l-belt ta' Haluza; lejn il-Punent tar-rotta, il-belt ta' Shivta; u l-belt ta' Mamshit bejn Petra u Damasku. In-Nabatej li insedjaw l-inħawi żviluppaw prattiċi sofistikati ta' irrigazzjoni u kienu jirgħu wkoll skont l-iżvilupp tal-merħliet ta' nagħaġ, bhejjem tal-ifrat u mogħoż tagħhom. Huma ddomestikaw ukoll l-iġmla u kienu jużawhom b'mod estensiv għall-karovani tul ir-Rotta tal-Inċens.
Avdat
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt ta' Avdat fiha erja ta' 300 metru b'400 metru (980 pied b'1,310 piedi) u tinsab imperrċa 80 metru (260 pied) 'il fuq mill-pjanuri fin-naħa tal-Punent tal-artijiet għoljin ta' Ramon-Nafkha. Il-belt hija mdawra b'ħajt tal-ġebla tal-ġir, u tħaddan il-fdalijiet ta' tempju tan-Nabatej, forti, triq prinċipali, żewġ knejjes u karavanseraj. Għadhom jidhru wkoll ħitan baxxi u soqfa bil-ħnejjiet.
Haluza
[immodifika | immodifika s-sors]Haluza hija belt fit-tarf nett tat-Tramuntana tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u d-deżert u l-għaram tar-ramel kważi għattew il-fdalijiet tal-belt għalkollox. Permezz ta' skavi reċenti nstabu l-fdalijiet ta' żewġ knejjes, torri, tagħmir tat-tgħasir tal-għeneb għall-inbid, teatru u triq.
Mamshit
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt ta' Mamshit tinsab fit-tarf nett tal-Punent tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO u ġiet soġġetta għal skavi arkeoloġiċi estensivi. Permezz tal-iskavi ġiet ikkonfermata l-preżenza ta' ħajt jew sur, karavanseraj, residenzi privati kbar, triq tas-suq u banjijiet. Uħud mill-istrutturi ġew rinnovati. Fost is-sejbiet hemm ukoll xi affreski u mużajk.
Shivta
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt ta' Shivta tinsab f'Negev ċentrali u għadha ma ġietx skavata għalkollox. Mill-iskavi li saru sa issa nstabu l-fdalijiet ta' djar b'żewġ jew bi tliet sulari, knejjes bl-apsidi, toroq, residenza tal-gvernatur, pjazza, razzett, tagħmir tat-tagħsir tal-għeneb għall-inbid, u ħafna affarijiet oħra. Il-materjal tal-bini li ntuża fil-kostruzzjoni tal-binjiet huwa l-ġebla tal-ġir. Ma hemm l-ebda sur madwar din il-belt.
Fortijiet
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-fortijiet fl-inħawi huma:
Il-Forti ta' Moa flimkien mal-karavanseraj fil-Lvant tas-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jinsabu qrib il-fruntiera mal-Ġordan, u nbnew bil-ġebla tal-ġir. Il-forti jħares fuq il-karavanseraj li jinsab fil-pjanuri. Il-ħitan li għad fadal tal-forti huma għoljin 3 metri (9.8 piedi) biss, u l-ħitan tal-karavanseraj huma għoljin 1.25 metru (4 piedi u pulzier). Fl-inħawi hemm ukoll il-fdalijiet ta' sistema tajba tal-ilma ġejja mill-fawwariet ta' taħt l-art li kienet twassal l-ilma fil-banjijiet permezz ta' kanal sal-karavanseraj. Fis-sit instabu wkoll għodod agrikoli.
Il-Forti ta' Kasra, li jinsab fil-Punent tal-Forti ta' Moa fuq għolja 'l fuq mill-wied tax-xmara Kasra, fih evidenza ta' ħitan tal-ġebla tal-ġir għoljin sa 3 metri (9.8 piedi).
Il-Forti ta' Nekarot jinsab ukoll fil-Punent tas-sit u jinkludi l-fdalijiet ta' torri b'għamla kwadra maġenb bitħa.
Il-Forti ta' Makhmal, li għandu għamla kwadra, jinsab f'qagħda ta' fdalijiet, b'ħitan għoljin xi 1.5 metru sa 2 metri (4 piedi u 11-il pulzier sa 6 piedi u 7 pulzieri) bi blokok tal-ġebla tal-ġir. Il-Forti ta' Graffon, li għandu disinn simili għall-Forti ta' Makhmal, jinsab ukoll f'qagħda ta' fdalijiet, b'ħitan għoljin sa xi metru biss.
Karavanseraj
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm karavanseraj kbir lejn il-Punent tas-sit. Tafal artab u brikks tat-tafal maħruqin intużaw fil-kostruzzjoni ta' dan il-karavanseraj. Apparti l-kwartieri residenzjali, hemm ukoll kmamar għat-tisjir, għall-ħasil u għax-xogħol. Jinsab ukoll f'qagħda ta' fdalijiet, b'ħitan għoljin sa madwar 2 metri (6 piedi u 7 pulzieri). Erja kbira ta' art agrikola ffurmat f'artijiet imtarrġa madwar dan il-karavanseraj.
Agrikoltura
[immodifika | immodifika s-sors]In-Nabatej ipprattikaw l-agrikoltura f'kundizzjonijiet ta' deżert aridu fejn il-preċipitazzjoni annwali tkun ta' xi 100 millimetru (3.9 pulzieri). Irnexxielhom jagħmlu dan permezz ta' sistema żviluppata sew ta' irrigazzjoni li kienet tikkonsisti f'mijiet ta' digi żgħar, kanali, ċisterni u ġibjuni għall-ġbir tal-ilma tal-għargħar. Ir-raba' agrikolu jista' jiġi nnutat max-xtut tax-xmara u max-xaqlibiet tal-għoljiet f'Avdat u f'Negev ċentrali fejn huma preżenti għadd kbir ħafna ta' giren tal-ġbir tal-ilma.
Sejbiet oħra
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-artijiet għoljin ta' Nafha u fl-inħawi ta' Ramon Makhtesh instab 22 plier bejn il-Forti ta' Makhmal u l-Forti ta' Saharonim. Dawn għandhom għamla ċilindrika b'bażijiet kwadri tal-ġebel. Ġew stabbiliti wkoll diversi ġebliet b'disinni differenti f'salib it-toroq jew bħala siti reliġjużi. Wieħed minn dawn l-arranġamenti tal-ġebel huwa twil 100 metru (330 pied). Is-sezzjonijiet tat-toroq ġew identifikati f'diversi estensjonijiet tar-Rotta tal-Inċens.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Incense Route - Desert Cities in the Negev". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2026-03-13.