Roberto Burle Marx
| Roberto Burle Marx | |
|---|---|
|
| |
| Ħajja | |
| Twelid | São Paulo, 4 Awwissu 1909, 4 April 1909 |
| Nazzjonalità | Brażil |
| Mewt | Rio de Janeiro, 4 Ġunju 1994 |
| Edukazzjoni | |
| Alma mater |
Escola Nacional de Belas Artes (en) |
| Lingwi | Portugiż |
| Okkupazzjoni | |
| Okkupazzjoni |
arkitett pajsaġġistiku botaniku pittur arkitett skultur artist taċ-ċeramika ġojjellier artist viżiv naturalista mużiċist kollezzjonist botaniku scientific collector (en) |
| Premjijiet |
List |
| Sħubija |
Akkademja Bavarjana tal-Belle Arti National Academy of Fine Arts (Argentina) (en) |
Roberto Burle Marx (twieled fl-4 ta' Awwissu 1909 – miet fl-4 ta' Ġunju 1994) kien arkitett pajsaġġistiku Brażiljan (kif ukoll pittur, litografu, ekoloġista, naturalista, artist u mużiċist) u bis-saħħa tad-disinni tiegħu tal-parks u tal-ġonna sar famuż mad-dinja kollha. Huwa ġie kkreditat li introduċa l-arkitettura pajsaġġistika Modernista fil-Brażil. Huwa kien magħruf bħala artist modern tan-natura u disinjatur tal-ispazji urbani pubbliċi. Ix-xogħol tiegħu kellu influwenza kbira fuq id-disinn tal-ġonna tropikali fis-seklu 20. Il-ġonna bl-ilma kienu tema popolari fix-xogħol tiegħu. Huwa rnexxielu jittrasferixxi espressjonijiet artistiċi tradizzjonali bħad-disinn grafiku, it-tapizzeriji u l-arti folkloristika fid-disinni pajsaġġistiċi tiegħu. Huwa ddisinja wkoll drappijiet, ġojjellerija u palks teatrali.
Huwa kien wieħed mill-ewwel nies li appellaw għall-konservazzjoni tal-foresti pluvjali tal-Brażil. Iktar minn 50 pjanta ngħataw kunjomu. Huwa ħażen kollezzjoni sostanzjali ta' pjanti f'daru, inkluż iktar minn 500 filodendron, fosthom uħud li ġew skoperti minnu jew li ngħataw kunjomu, bħall-Philodendron burle-marxii.
Ħajja bikrija
[immodifika | immodifika s-sors]Roberto Burle Marx twieled f'São Paulo. Huwa kien ir-raba' iben ta' Rebecca Cecília Burle, membru tal-familja tradizzjonali bbażata f'Pernambuco ta' nisel Franċiż, Burle Dubeux,[1] u Wilhelm Marx, Lhudi Ġermaniż li twieled fi Stuttgart u trabba fi Trier. Il-familja marret tgħix f'Rio de Janeiro fl-1913.[2]
L-ewwel ispirazzjonijiet pajsaġġistiċi ta' Burle Marx ġewh hu u jistudja l-pittura fil-Ġermanja, fejn spiss kien iżur il-Ġnien Botaniku f'Berlin u fejn sar midħla għall-ewwel darba tal-flora nattiva tal-Brażil. Meta reġa' lura l-Brażil fl-1930, huwa beda jikkollezzjona l-pjanti f'daru u fil-madwar. Huwa attenda l-Iskola Nazzjonali tal-Belle Arti f'Rio de Janeiro fl-1930 fejn iffoka fuq l-arti viżwali taħt Leo Putz u Candido Portinari. Meta kien l-iskola huwa assoċja ruħu ma' diversi esponenti futuri tal-Brażil fl-arkitettura u botanisti li baqa' jkollhom influwenza sinifikanti fil-ħajja personali u professjonali tiegħu. Wieħed minnhom kien il-professur tiegħu, Lucio Costa, l-arkitett u l-pjanifikatur tal-Moderniżmu Brażiljan li kien jgħix fl-istess triq fejn kien joqgħod Burle.
Karriera
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-1932, Burle Marx iddisinja l-ewwel pajsaġġ tiegħu għal residenza privata tal-arkitetti Lucio Costa u Gregori Warchavchik. Dan il-proġett, id-dar ta' Schwartz, kien il-bidu ta' kollaborazzjoni ma' Costa li iktar 'il quddiem ġiet arrikkita minn Oscar Niemeyer li ddisinja l-Paviljun Brażiljan fil-Fiera Dinjija ta' New York fl-1939. Niemeyer iddisinja wkoll il-Kumpless Modern ta' Pampulha fl-1942 u fih Marx iddisinja l-ġonna. L-ewwel disinn ta' ġnien tiegħu tlesta fl-1933.[3] Fl-1937, Burle Marx kiseb rikonoxximent u ammirazzjoni internazzjonali għad-disinn astratt tiegħu ta' ġnien fuq il-bejt għall-binja tal-Ministeru għall-Edukazzjoni.[4] Id-disinn ħareġ fid-dieher elementi ta' tensjoni u drammatiċi.

Fl-1949 huwa akkwista s-Sítio de Santo Antonio da Bica, proprjetà ta' 365,000 m2 (90 akru) fil-kwartier ta' Barra de Guaratiba fil-periferiji ta' Rio de Janeiro. Burle Marx beda jagħmel spedizzjonijiet fil-foresta pluvjali Brażiljana flimkien ma' botanisti, arkitetti pajsaġġistiċi, arkitetti u riċerkaturi oħra sabiex jiġbor eżemplari ta' pjanti. Huwa tgħallem il-prattika tal-istudju tal-pjanti fil-post mill-botanist Henrique Lahmeyer de Mello Barreto u stabbilixxa l-ġnien, il-mixtla u l-kollezzjoni ta' pjanti tropikali tiegħu f'Guaratiba. Din il-proprjetà ngħatat b'donazzjoni lill-gvern Brażiljan fl-1985 u saret monument nazzjonali. Issa saret magħrufa bħala Sítio Roberto Burle Marx, taħt id-direzzjoni tal-Istitut Nazzjonali tal-Wirt Storiku u Artistiku, u tospita iżjed minn 3,500 speċi ta' pjanti.[5] Id-dar ġiet rikostruwita f'wied fis-sit ta' dar bi ġnien li kien ta' sjieda tal-proprjetà oriġinali tal-pjantaġġuni.[6] Fl-2021, is-Sítio Roberto Burle Marx tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bis-saħħa tad-disinn Modernist uniku u l-importanza tiegħu għall-preservazzjoni ambjentali u kulturali.[7]
Roberto Burle Marx stabbilixxa studjo pajsaġġistiku fl-1955 u fl-istess sena stabbilixxa kumpanija pajsaġġistika msejħa Burle Marx & Cia. Ltda. Huwa fetaħ uffiċċju f'Caracas, il-Venezwela fl-1956 u beda jaħdem mal-arkitetti Jose Tabacow u Haruyoshi Ono fl-1968. Marx ħadem fuq kummissjonijiet fil-Brażil, fl-Arġentina, fiċ-Ċilì, f'bosta pajjiżi oħra tal-Amerka t'Isfel, fi Franza, fl-Afrika t'Isfel, f'Washington D.C. u f'Los Angeles fl-Istati Uniti. Barra minn hekk, l-opri tal-arti tiegħu jinsabu għall-wiri madwar il-belt ta' Rio de Janeiro li qisha "mużew fil-beraħ ta' opri tal-arti bl-istil notevoli tiegħu".[8] Il-karriera ta' 62 sena ta' Roberto Burle Marx intemmet meta miet fl-4 ta' Ġunju 1994 tal-età ta' 84 sena.
Huwa qatta' ż-żmien fil-foresti Brażiljani fejn seta' jistudja u jesplora. Burle Marx kien wieħed mill-ewwel Brażiljani li tkellem kontra d-deforestazzjoni. B'hekk irnexxielu jagħti kontribut siewi lix-xjenzi botaniċi, billi pereżempju skopra blat u pjanti ġodda. Mill-inqas 50 pjanta ngħataw kunjomu. Marx kien involut ukoll fi sforzi ta' protezzjoni u ta' konservazzjoni tal-foresta pluvjali mill-attivitajiet kummerċjali qerrieda tad-deforestazzjoni għall-banana u għal għelejjel oħra kif ukoll il-qtugħ tas-siġar għall-injam.
L-abbrevjazzjoni standard ta' Burle-Marx tintuża biex tindikah bħala l-awtur meta jiġi kkwotat isem botaniku.[9]
Stil
[immodifika | immodifika s-sors]
L-istil artistiku ta' Burle Marx kien avant-garde u modern. Il-biċċa l-kbira tax-xogħol tiegħu għandu sens ta' eternità u perfezzjoni. Huwa esplora estetika antimimetika u skettika żviluppata mill-Moderniżmu bi stil Brażiljan distint. Id-disinni tiegħu kienu influwenzati wkoll mill-Kubiżmu u mill-astrazzjoniżmu. Influwenza qawwija oħra kienet l-arti folkloristika Brażiljana.
L-estetika tiegħu spiss kienet ibbażata fuq in-natura, pereżempju qatt ma kien iħallat l-ilwien tal-fjuri, kien juża gruppi kbar tal-istess eżemplar, kien juża pjanti nattivi u kien jittrasforma għalqa bil-blat fi ġnien rilassanti. Huwa kien interessat ħafna fil-karattru ta' kull pjanta u l-effett tagħha fuq il-ġnien kollu. Huwa pprova jikseb profondità fid-disinni tiegħu billi jifhem kif l-annimali kienu jinteraġixxu mal-pjanti u kif il-pjanti kienu jarmu l-fjuri, fost karatteristiċi oħra. Burle Marx kellu ħila kbira fl-użu tal-iskulturi tal-pjanti. Burle Marx kien joqgħod b'seba' għajnejn għad-dinamika tal-mixi fi ġnien. Is-sensazzjoni ta' mobbiltà hija element importanti biex wieħed jesperjenza tassew il-pajsaġġi tiegħu.[10] Huwa għamel użu għaqli wkoll tal-iskala enormi, tat-tidwil u tar-riflessjoni, b'mod partikolari fl-użu tal-ilma tiegħu. Burle Marx kien jirnexxilu jestendi l-arkitettura ta' binja fi ġnien. Huwa kien jippreferi jaħdem fl-ispazji pubbliċi, peress li skontu kienu kapaċi jipprovdu dinjità għall-mases.
Ix-xogħol ta' Marx "jista' jinġabar f'erba' kunċetti ġenerali tad-disinn — l-użu tal-veġetazzjoni tropikali nattiva bħala element strutturali tad-disinn, it-tħarbit tax-xejriet simetriċi fit-tnissil tal-ispazji fil-beraħ, it-trattament ikkulurit tal-pavimentar, u l-użu tal-forom ħielsa fil-karattestiċi bl-ilma".[11] Dan l-approċċ joħroġ fid-dieher fix-xatt tal-Bajja ta' Copacabana, fejn is-siġar u l-palm nattivi reżistenti għaż-żiffa tal-baħar ġew raggruppati tul l-Avenida Atlantica. Dawn ir-raggruppamenti huma mżejna b'mużajk Portugiż u jiffurmaw qisha pittura astratta ġganteska u l-ebda sezzjoni tul ix-xatt ma tkun l-istess. Din il-"pittura" wieħed jista' japprezzaha mill-gallariji tal-lukandi, u toffri veduta li tevolvi għal dawk li jkunu qed isuqu tul il-bajja. Il-mużajk ikompli tul id-distanza kollha ta' żewġ mili u nofs tal-bajja. Il-karattestiċi tal-ilma, f'dan il-każ, ovvjament huma l-oċean u l-bajja, li huma kkonfinati b'mogħdija wiesgħa 30 pied b'disinn kontinwu ta' arzelli. Il-Bajja ta' Copacabana hija "l-iżjed waħda famuża fil-Brażil".[12]
Premjijiet
[immodifika | immodifika s-sors]Roberto Burle Marx ingħata l-premjijiet, id-diplomi għall-mertu u s-sħubijiet onorarji li ġejjin: il-premju għall-arkitettura pajsaġġistika fit-Tieni Wirja Internazzjonali tal-Arkitettura (1953), it-titlu ta' Kavallier tal-Ordni ta' San Ġwann mill-Belġju (1959), id-Diploma d'Honneur f'Pariġi (1959), il-Medalja ta' Santos Dumont tal-Gvern Brażiljan (1963), il-Medalja tal-Belle Arti tal-Istitut Amerikan tal-Arkitetti f'Washington (1965), dottorat onorarju tal-Kulleġġ Irjali tal-Arti f'Londra (1982) u dottorat onorarju mingħand ir-Reġina tan-Netherlands. Il-Ġnien Botaniku ta' Missouri tah il-Premju ta' Greensfelder, filwaqt li l-Ġnien Botaniku ta' Kentucky ġie pproklamat f'ismu fl-14 ta' Ottubru 1985 (Eliovson 1991).[13]

Xogħlijiet
[immodifika | immodifika s-sors]- Id-disinn pajsaġġistiku ta' xi ġonna fil-binjiet pubbliċi tal-Brażilja:
- il-Ministeru għall-Armata – ġnien b'karatteristiċi tal-ilma u użu eċċellenti ta' forom tal-konkos;
- il-Binja tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin;
- il-Ministeru għall-Edukazzjoni;
- il-Palazz ta' Itamaraty – is-sede tal-Ministeru għar-Relazzjonijiet Esterni.
- Ix-xatt ta' Copacabana – pajsaġġ pavimentat, mużajk fuq skala kbira (twil 4 kilometri) li tlesta fl-1970 fil-bajja famuża ta' Rio de Janeiro; influwenzat mill-pavimentar Portugiż.
- Inhotim, Brumadinho.
- Il-Park ta' Ibirapuera, São Paulo, l-1954.
- Il-Park ta' Flamengo – park pubbliku kbir f'Rio de Janeiro li nbena fuq miżbla.
- L-Ippodromu ta' La Rinconada, Caracas, il-Venezwela.
- Parque del Este, Caracas, il-Venezwela.
- La Lagunita Country Club, Caracas, il-Venezwela.
- Pampulha, Belo Horizonte.
- Il-Ġnien tal-Kaskata, il-Ġonna ta' Longwood, Pennsylvania, l-Istati Uniti.
- Biscayne Boulevard, Miami, Florida, l-Istati Uniti (tlestiet wara mewtu).
- Il-Ġonna Botaniċi ta' Maracaibo, Maracaibo, il-Venezwela.
- Il-Pjazza tal-Perù, Buenos Aires, l-Arġentina (twaqqgħet).
- Il-Park taċ-Ċentru tal-Belt ta' Kuala Lumpur, Kuala Lumpur, il-Malażja.
- Il-Pjazza ta' Casa Forte (Praça de Casa Forte), Recife, Pernambuco.
- Il-Proprjetà ta' Cascata, Araras.
- Il-Park ta' Ipanema, Ipatinga, Minas Gerais.
- Il-Ġnien ta' Burle Marx fil-Park ta' Burle Marx, São Paulo.
Wirjiet
[immodifika | immodifika s-sors]- 1948-52 - Painting toward architecture, Miller Company Collection of Abstract Art, diversi postijiet fl-Istati Uniti.[14]
- 1949 - From Le Corbusier to Oscar Niemeyer: Savoye House - Tremaine House 1949, il-Mużew tal-Arti Moderna, New York.[15]
- 1991 - Roberto Burle Marx: The unnatural art of the garden, il-Mużew tal-Arti Moderna, New York.[16][17]
- 2016 - Roberto Burle Marx: Brazilian Modernist, il-Mużew Lhudi, New York.[18][19]
- 2017 - Roberto Burle Marx: Joutras Gallery, il-Ġnien Botaniku ta' Chicago.
- 2019 - Brazilian Modern: The Living Art of Roberto Burle Marx, il-Ġnien Botaniku ta' New York.[20][21]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]
Is-Sítio Roberto Burle Marx ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021.[7]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[7]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ Eliovson, Sima (1991). The Gardens of Roberto Burle Marx. Harry N. Abrams. p. 21. ISBN 0810933578.
- ↑ Stepan, Nancy Leys (2006). Picturing Tropical Nature. Reaktion Books. pp. 220–221. ISBN 1861891466.
- ↑ "Art UK | Discover Artworks". artuk.org (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2025-01-23. Miġbur 2025-08-19.
- ↑ Fraser, V. (2000). "Cannibalizing Le Corbusier: The MES Gardens of Roberto Burle Marx." Journal of the Society of Architectural Historians, 59(2), 180–193. https://doi.org/10.2307/991589.
- ↑ "A New Look at the Multitalented Man Who Made Tropical Landscaping an Art (Published 2009)" (bl-Ingliż). 2009-01-20. Miġbur 2025-08-19.
- ↑ UNESCO (2021). Roberto Burle Marx: a journey with the artist to UNESCO patios in Paris. Pariġi: UNESCO.
- 1 2 3 "Sítio Roberto Burle Marx - UNESCO".
- ↑ Montero, 2001, p. 29.
- ↑ "International Plant Names Index". www.ipni.org. Miġbur 2025-08-19.
- ↑ Birksted, Jan (2004). Relating Architecture to Landscape. Taylor & Francis. p. 92. ISBN 0203352602.
- ↑ Vaccarino, 2000, p. 17.
- ↑ Eliovson, 1991, p. 103.
- ↑ "Roberto Burle Marx | TCLF". www.tclf.org. Miġbur 2025-08-19.
- ↑ "Art / garden design - Roberto Burle Marx. Design for a garden, (1948). | art design café". www.artdesigncafe.com. Miġbur 2025-08-19.
- ↑ "From Le Corbusier to Niemeyer: 1929–1949 | MoMA". The Museum of Modern Art (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-19.
- ↑ "Roberto Burle Marx: The Unnatural Art of the Garden | MoMA". The Museum of Modern Art (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-19.
- ↑ Adams, William Howard (1991). Roberto Burle Marx: The Unnatural Art of the Garden. New York: Museum of Modern Art. ISBN 978-0-87070-197-9.
- ↑ "Roberto Burle Marx: Brazilian Modernist" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-19.
- ↑ Hoffmann, Jens; Nahson, Claudia J. (2016). Roberto Burle Marx: Brazilian Modernist. New York: The Jewish Museum. ISBN 978-0-300-21215-0.
- ↑ "Roberto Burle Marx and His Leafy Vision of the Tropics (Published 2019)" (bl-Ingliż). 2019-06-20. Miġbur 2025-08-19.
- ↑ Sullivan, Edward J.; Groarke, Joanna L., eds. (2019). Brazilian Modern: The Living Art of Roberto Burle Marx. New York: New York Botanical Garden. ISBN 978-0-89327-956-1.