Aqbeż għall-kontentut

Robert Samut

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Robert Samut
Ħajja
Twelid Furjana, 12 Ottubru 1869
Nazzjonalità Kolonja ta' Malta
Mewt Tas-Sliema, 26 Mejju 1934
Post tad-dfin Ċimiterju tal-Addolorata
Edukazzjoni
Alma mater Università ta' Edinburgu
Lingwi Malti
Ingliż
Okkupazzjoni
Okkupazzjoni kompożitur
tabib
Xogħlijiet importanti L-Innu Malti
Premjijiet
Servizz militari
Fergħa militari Royal Army Service Corps (en) Translate
Grad maġġur

Robert Samut (17 ta’ Ottubru 1869 – 26 ta’ Mejju 1934) kien tabib u mużiċist Malti. Huwa magħruf l-aktar għall-kitba tal-mużika għall-Innu Malti, l-innu nazzjonali ta' Malti.[1]

Ħajja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]

Robert Samut twieled fid-Dar tal-Iljun fil-Furjana, Malta, ir-raba iben ta’ Marianna Darmanin u Giuseppe Samut. Studja l-mediċina fl-Università Rjali ta’ Malta u l-Università ta’ Edinburgh, 1890-95, fejn ggradwa b’MB. Ch.B., u rċieva midalja għall-kapaċità eċċezzjonali tiegħu fl-anatomija.

Minn żgħożitu kien wera inklinazzjonijiet mużikali, u ried jistudja l-mużika, iżda missieru ma approvax, u konsegwentement kompla l-karriera tiegħu fil-mediċina, fuq il-passi ta’ żewġ aħwa akbar minnu (Richard u Carmelo), li kienu tobba magħrufa. Ħuh il-kbir, il-Lt Col Achilles Samut, kien fl-Army Ordnance Corps u aktar tard sar Senatur ta’ Malta 1921-29 u serva fil-gvern ta’ Gerald Strickland 1927-29.[2]

Karriera militari

[immodifika | immodifika s-sors]

Meta rritorna Malta minn Edinburgh, inħatar Professur tal-Fiżjoloġija u l-Batterjoloġija fl-Università Rjali ta’ Malta. Kien ukoll nominat speċjalista tal-Patoloġija fl-Isptar Ċivili Ċentrali fil-Furjana (binja li llum fiha l-KĠ tal-Pulizija tal-Gżira).

Fl-1897 il-Prof. Robert Samut ingħaqad ma' The King's Own Malta Regiment of Militia bħala Logutenent Kirurgu. Huwa ġie promoss għal Kaptan fl-1900 u Maġġur fl-1909.

Immedjatament wara t-terremot f’Messina fl-1908, hu ġera lejn il-belt meqruda biex jagħti l-għajnuna tiegħu. Is-servizz meritjuż tiegħu ġie rikonoxxut mir-Re tal-Italja, li semmieh Cavaliere Ufficiale della Corona d’Italia, u wkoll mill-għoti tad-Diploma tas-Salib l-Aħmar.

Fl-1915, matul l-Ewwel Gwerra Dinjija, ġie stazzjonat mar-reġiment tiegħu f’Ċipru fejn ingħata l-kmand tal-Isptar Militari tal-Foresti f’Limassol. Ix-xogħol tiegħu kien milqugħ ħafna u kien imsemmi f’diversi despaċċi u rċieva wkoll il-Midalja tas-Servizz Ġenerali.[2]

Karriera medika

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1920 inħatar Professur tal-Patoloġija fl-Università Rjali ta’ Malta mal-mewt ta’ ħuh Carmelo, li kien kien Professur tal-Patoloġija 1894-1920. Kienet din il-pożizzjoni li eventwalment kellha tikkawża l-mewt tiegħu. Huwa kien intalab jagħmel awtopsja fuq mara li kienet mietet b’marda stramba u għal raġunijiet li mhumiex mifhuma sew, kien infettat bil-marda tagħha. Il-Prof Robert Samut kien pijunier fl-ewwel testijiet (għalkemm primittivi) fuq ċertu mard trażmess sesswalment fil-Gżejjer Maltin.

Minkejja li Samut kien okkupat b’din il-kariga, xorta waħda kien iżur lill-pazjenti tiegħu f'darhom. Il-perjodu ta’ wara l-Ewwel Gwerra Dinjija, u aktar u iktar mal-ġrajjiet li wasslu għall-irvellijiet tas-Sette Gugnio tal-1919, ħafna mir-residenti Furjaniżi kienu foqra u kien jorhom bla ħlas.[2]

Samut iżżewweġ lil Alice Laferla, bużneputija ta’ Agostino Portelli, u kellhom sitt itfal.

Waqt li kien qed jistudja Edinburgh darba kien intalab ikanta l-Innu Malti, u l-fatt li Malta ma kellhiex wieħed, wassal biex jagħmel xi ħaġa dwaru.

Kiteb xi noti sempliċi, madankollu l-pressjoni tax-xogħol tiegħu ġegħlitu jinsa minnhom. Imbagħad jum wieħed fil-bidu tas-snin 20 wara li ġie mitlub minn Albert Laferla, ħutu, dak li dak iż-żmien Direttur tal-Iskejjel Elementari, biex jikkomponi innu għat-tfal tal-iskola, ftakar fin-noti tiegħu, u użahom biex jikkomponi l-innu preżenti. B’hekk Samut sar wieħed minn dawk li taw lil Malta l-identità nazzjonali tagħha.

Dr Laferla mbagħad ħa dik il-mużika għand il-Poeta Nazzjonali Dun Karm, li kiteb il-versi. Qed jiġi rrappurtat li Dun Karm kien stqarr li din ma kinitx il-prattika tas-soltu, peress li normalment il-mużika kienet komposta għall-versi u mhux viċi versa. Minkejja dan, talba sabiħa lil Alla mill-poplu Malti rat id-dawl tal-ġurnata.

Sussegwentement l-innu ġie mogħti lill-poplu ta’ Malta.[2]

L-aħħar snin

[immodifika | immodifika s-sors]

Fl-1922 Samut ġie promoss għal Lt Kurunell, iżda sa issa kien qed iħoss l-effetti tal-virus li kkuntratta waqt awtopsja u saħħtu kienet sejjra lura. Effett t'hekk kien magħdur u sofra hekk sa mewtu.

Is-Sibt 3 ta’ Frar 1923, indaqq għall-ewwel darba fil-pubbliku l-“Innu Malti” waqt kunċert fit-Teatru Manoel.

Għal numru ta’ snin l-“Innu” indaqq biss waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tat-8 ta’ Settembru. Imbagħad fl-1936, il-Każin tal-Banda King's Own ikkummissjona lil Mro. V. Ciappara biex iħejji partitura sħiħa għall-banda, u daqq dak l-innu fit-8 ta’ Settembru tal-istess sena. Baned oħra malajr segwew l-eżempju tagħhom.

Fl-1938 fit-Times of Malta dehret traduzzjoni bl-Ingliż imħejjija minn Miss M. Butcher. Samut ma kellux jara apprezzament akbar għall-mużika tiegħu f'ħajtu. Huwa ttieħed l-Awstralja bit-tama li vjaġġ twil bil-baħar jista’ jkun ta’ benefiċċju għal saħħtu iżda dan kien pjuttost bil-kuntrarju.[2]

B’hekk wara biss waqfa qasira f’dik il-kolonja reġa’ lura Malta u għex għal numru ta’ snin Tas-Sliema, ma’ waħda minn uliedu l-bniet.

Samut miet fl-eta’ ta’ 64 sena, ftit wara nofsinhar, fis-26 ta’ Mejju 1934, u ndifen fil-Kappella Portelli fiċ-Ċimiterju tal-Addolorata.

Il-Kostituzzjoni tal-Indipendenza tal-1964, Kapitlu 1 (L-Istat), Taqsima 4 tgħid li l-Innu Nazzjonali ta’ dawn il-gżejjer għandu jkun l-“Innu Malti”. Dan kien ikkonfermat ukoll mill-kostituzzjoni tar-Repubblika fl-1974. Għalhekk fl-aħħar, il-mużika, miktuba b’passjoni ta’ patrijott, innu magħmul f’talb minn poeta nazzjonali, ġiet inkurunata bl-ogħla glorja. Eventwalment Att tal-Parlament stabbilixxa l-format eżatt tal-mużika u kif għandha tindaqq.

Fis-26 ta’ Mejju 1968, Ġorġ Borg Olivier, dak iż-żmien Prim Ministru ta’ Malta Indipendenti, fil-preżenza tal-Gvernatur Ġenerali u Lady Dorman, l-Archisqof Mikiel Gonzi, u bosta personalitajiet oħra, kixef plakka tal-irħam fuq il-faċċata tad-Dar tal-Iljun. biex tfakkar il-post fejn twieled Samut. Għall-okkażjoni ġie stampat ukoll fuljett, iddisinjat mill-artist Emvin Cremona.

Fil-qrib, fi Triq Sarria, il-Kappella Metodista Wesleyan l-antika ġiet irranġata u ssemmiet mill-ġdid bħala Robert Samut Concert Hall f’ġieħu.

  1. ^ Ltd, Allied Newspapers. "Neo-Gothic Robert Samut Hall to be restored". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2018-08-02.
  2. ^ a b ċ d e Schiavone, Michael (2023-10-12). "Biography: Robert Samut". Times of Malta (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-17.