Aqbeż għall-kontentut

Renju ta' Mapungubwe

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-Għolja ta' Mapungubwe.

Ir-Renju ta' Mapungubwe (pronunzja: /mɑːˈpuːnɡuːbweɪ/ mah-POON-goob-weh) kien stat tal-qedem[1][2][3][4][5] li jinsab fil-konfluwenza tax-xmajjar Shashe u Limpopo rivers fl-Afrika t'Isfel, fin-Nofsinhar ta' Żimbabwe l-Kbir. Il-popolazzjoni tal-belt kapitali kienet ta' 5,000 ruħ sal-1250, u l-istat x'aktarx li kien ikopri erja ta' 30,000 km² (12,000 mil kwadru).

Ir-renju kien jipprattika l-ġerarkija monarkika sagra assoċjata mal-kontroll tax-xita, u kien jesporta d-deheb u l-avorju lejn il-bliet-stati Swahili mal-kosta tal-Lvant tal-Afrika għall-kummerċ fl-Oċean Indjan. Għalkemm tradizzjonalment kien maħsub li kien l-ewwel renju fin-Nofsinhar tal-Afrika, skavi fl-istess reġjun fl-Għolja ta' Mapela wrew evidenza tal-ġerarkija monarkika sagra kważi 200 sena qabel.[6] Wara avvenimenti mhux magħrufa u bidliet fir-rotot kummerċjali lejn it-Tramuntana għall-ħabta tal-1300, il-popolazzjoni ta' Mapungubwe sparpaljat. Attwalment spiss jiġu assoċjati mal-popli Kalanga (Shona), Tshivhula, u Venda.

Minkejja li n-nies lokali kellhom għarfien dwar is-sit sagru, Mapungubwe ġiet skoperta mill-ġdid mill-komunità xjentifika u mill-gvern kolonjali fl-1933. Il-kollezzjoni ta' artefatti ta' Mapungubwe li nstabu fis-sit arkeoloġiku tinsab għall-wiri fil-Mużew ta' Mapungubwe f'Pretoria. Is-sit jinsab fil-Park Nazzjonali ta' Mapungubwe fl-Afrika t'Isfel, fil-fruntiera maż-Żimbabwe u mal-Botswana.[7]

L-isem oriġinali tas-sit mhuwiex magħruf. Is-sit u l-belt kapitali bdew jissejħu bħala Mapungubwe skont il-konvenzjonijiet tat-tismija arkeoloġika, u l-isem ġie estiż għar-renju.[8] Mapungubwe tfisser "post ta' bosta xakalli". B'diversi lingwi Bantu, "-pungubwe" tirreferi għax-xakalli. Bil-Venda "xakall" huwa "phunguwe", filwaqt li bis-Sotho tat-Tramuntana huwa "phukubje".

Ir-reġjun kien abitat mill-poplu San għal xi 100,000 sena. Is-soċjetà bikrija tal-poplu San ħalliet warajha legat rikk ta' tpittir fl-għerien madwar in-Nofsinhar tal-Afrika. L-oriġini tar-Renju ta' Mapungubwe kienet fil-Kopje tal-Leopard.[9]

Schroda (900-1000)

[immodifika | immodifika s-sors]

Immotivati mill-kummerċ tal-avorju, xi wħud mill-poplu Zhizo resqu lejn in-Nofsinhar għall-ħabta tad-900 W.K. biex jinsedjaw Schroda, qrib ix-xmara Limpopo. Il-poplu San fil-biċċa l-kbira tkeċċew mill-artijiet anċestrali tagħhom. Il-poplu Zhizo beda jrabbi l-bhejjem tal-ifrat f'merħliet u jipprattika l-biedja. Kien jagħmlu xi kummerċ u x'aktarx li kienu jikkaċċjaw mal-poplu San, li kien jgħix f'insedjament differenti. Schroda x'aktarx li kienet il-belt kapitali tal-poplu Zhizo ladarba kienet l-iżjed waħda popolata (madwar 500 ruħ). Il-kap kien l-iktar wieħed għani, u kien jakkumula l-bhejjem tal-ifrat permezz ta' multi tal-qorti, sekwestri, tributi, serq u l-prezz għoli mehmuż maż-żwieġ ta' waħda mill-bniet tiegħu. Il-poplu Zhizo kien jipproduċi bċejjeċ tal-fuħħar elaborati b'diversi stili u kien magħruf għalihom. Il-figurini kienu jintużaw għat-tagħlim fil-lezzjonijiet fl-iskejjel. Kienu jagħmlu kummerċ tal-avorju, tad-deheb, tal-ġlud tar-rinoċeronti, tal-ġlud tal-leopardi u tal-ħadid ma' bliet kostali bħal Chibuene bi tpartit għal żibeġ tal-ħġieġ, drappijiet tal-qoton u tal-ħarir, u ċeramika gglejżjata.

K2 (1000-1220)

[immodifika | immodifika s-sors]

Għall-ħabta tas-sena 1000, xi nies mill-Kopje tal-Leopard resqu lejn in-Nofsinhar biex jinsedjaw Bambandyanalo (magħrufa bħala K2), filwaqt li l-poplu Zhizo resaq lejn il-Punent biex jinsedja Toutswe fit-territorju modern tal-Botswana. Xi studjużi jemmnu li r-relazzjonijiet bejniethom kienu ostili u kkaratterizzati minn kunflitt militari, madankollu oħrajn jinsistu li kienu iktar kumplessi, kemm soċjalment kif ukoll politikament. In-nies tal-Kopje tal-Leopard kienu jitkellmu forma bikrija ta' Shona, x'aktarx Kalanga (Shona tal-Punent). K2 kienet il-belt kapitali, u x'aktarx li kienet maqsuma f'żoni residenzjali taħt l-awtorità ta' kap tal-familja, u l-kap kien ikollu l-ikbar żona. In-nisa kienu jaħdmu r-ram, filwaqt li l-irġiel kienu jaħdmu l-ħadid.

Barra minn hekk kienu jikkultivaw is-sorgu, il-millieġ Afrikan, il-millieġ Indjan, il-fażola mitħuna, u l-fażola tal-għajn. Il-popolazzjoni kibret, u K2 kellha popolazzjoni ta' 1,500 ruħ sal-1200. Il-kontroll tax-xita kien mifrux, u l-kap xi kultant kien iqabbad lil barranin li kien maħsub li kellhom relazzjoni speċjali mal-ispirti tal-art,bħall-poplu San, minħabba li kienu ilhom iktar jgħixu hemmhekk. Bl-istess mod, xi nies tal-poplu Zhizo li baqgħu Leokwe, x'aktarx subordinati għal K2, kienu jispeċjalizzaw f'ritwali wkoll minħabba li kienu ilhom jgħixu hemmhekk.

Il-ġid kbir iġġenerat mill-kummerċ fl-Oċean Indjan ħoloq inugwaljanzi bla preċedent, u maż-żmien is-soċjetà evolviet minn waħda bbażata fuq il-ġerarkija soċjali għal waħda bbażata fuq il-klassijiet soċjali. L-arranġament spazjali ta' K2 b'hekk ma baqax adattat iktar għal dan l-iżvilupp.

Għolja ta' Mapungubwe (1220-1300)

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa taċ-ċentri u tar-rotot kummerċjali fiż-Żimbabwe prekolonjali.

Qalb nixfa qalila li x'aktarx ikkawżat problemi għas-soċjetà, l-elit irjali ttrasferew il-belt kapitali lejn Mapungubwe u insedjaw il-quċċata ċatta tagħha għall-ħabta tal-1220, filwaqt li l-biċċa l-kbira tan-nies insedjaw il-bażi tal-Għolja ta' Mapungubwe. Jista' jkun li l-villaġġ l-antik ingħata n-nar sabiex jagħmel spazju għall-villaġġ il-ġdid. L-Għolja ta' Mapungubwe saret l-unika għolja tal-kontroll tax-xita, u l-abitazzjoni tagħha mill-mexxej kienet tenfasizza rabta bejnu u l-kontroll tax-xita, li kienet sostanzjali fl-iżvilupp tal-ġerarkija monarkika sagra. L-għolja kienet ġiet abitata mill-poplu San ferm qabel u post imkenni fil-blat fin-naħa tal-Lvant kien fih traċċi tal-arti tiegħu.

L-ewwel re ("Shiriyadenga" skont it-tradizzjonijiet bil-fomm tal-Venda), li qatta' l-biċċa l-kbira ta' ħajtu f'seklużjoni ritwali, kellu l-palazz tiegħu fin-naħa tal-Punent tal-għolja, u kien jinkludi kamra fejn ir-re seta' jilqa' lill-viżitaturi, oħra fejn setgħu jiġu kkontrollati, kif ukoll għorfa għall-mistiku speċjali tar-re. Sal-1250, Mapungubwe kellha popolazzjoni ta' 5,000 ruħ, b'insedjamenti madwar l-għolja kollha, li kienu jiffurmaw ċirku protettiv. It-tieni re ("Tshidziwelele" skont it-tradizzjonijiet bil-fomm tal-Venda) kellu l-palazz tiegħu fin-nofs tal-għolja, bl-istess arranġamenti bħall-predeċessur tiegħu, għalkemm il-kamra tal-viżitaturi tiegħu kienet maqsuma biex il-viżitaturi jiġu sseparati minn mar-re, li kien jitkellem magħhom permezz ta' intermedjarju. Ir-re kellu bosta nisa, u wħud kienu jgħixu barra mill-belt kapitali biex jibqa' jinżamm network ta' alleanzi.

L-ekonomija kienet ibbażata fuq l-agrikoltura, u sabiex jagħmlu użu iktar produttiv tal-art, il-bhejjem tal-ifrat (li qabel kienu meqjusa bħala l-identifikatur primarju tal-ġid) kienu jinżammu f'merħliet lil hinn mill-belt kapitali u kienu jitħallew jirgħu fl-art ta' komunitajiet oħra, biex b'hekk jiġu ffurmati rabtiet soċjali u politiċi u tiżdied l-influwenza ta' Mapungubwe. Ammont kbir ta' ġid ġie akkumulat permezz tat-tributi, li kienu jingħataw f'forma ta' għelejjel, annimali, u xi kultant oġġetti iktar rari. Mapungubwe ma kellhiex kontroll fuq il-villaġġi fejn kienet issir l-estrazzjoni u t-tidwib tal-minerali, madankollu xi deheb kien jiġi pproċessat fl-istat. Mhuwiex ċar kemm il-koerċizzjoni u l-kunflitt kellhom rwol fit-tkabbir u fid-dominanza ta' Mapungubwe peress li dan pjuttost diffiċli li jiġi rikonoxxut b'mod arkeoloġiku. Filwaqt li l-ħitan tal-ġebel kellhom skop simboliku fis-separazzjoni tal-elit u n-nies komuni, jaf servew ukoll għal skop difensiv, u b'hekk jaf jindikaw li l-gwerer kienu konvenzjonali. Mapungubwe kienet tagħmel kummerċ lokali mal-popli Toutswe u Eiland fost l-oħrajn, u d-deheb u l-avorju kienu jiġu esportati lejn l-Oċean Indjan minn Sofala.

Mhux magħruf x'ikkawża l-kollass ta' Mapungubwe. Ir-rotot kummerċjali nbidlu lejn it-Tramuntana peress li l-kummerċjanti vvjaġġaw tul ix-xmara Save biex jilħqu n-naħa ta' ġewwa fejn kien jiġi prodott id-deheb, u dan kellu impatt drammatiku fuq l-ekonomija ta' Mapungubwe. Huwa plawżibbli li ntilfet il-fiduċja fit-tmexxija u żdiedet il-firda materjali u spiritwali bejn in-nies komuni u r-re, li kkawżaw kriżi u pprovokaw it-tluq ta' ħafna nies. Il-baċir ġie abbandunat u n-nies sparpaljaw lejn il-Majjistral u lejn in-Nofsinhar u ma reġgħux ingħaqdu. Lejn it-Tramuntana, Żimbabwe l-Kbir, fil-periferija tal-istat ta' Mapungubwe u b'popolazzjoni distinta, feġġ bħala s-suċċessur, u adotta l-istess arranġament spazjali tal-elit u tmexxija sagra.

Matul l-insedjament ta' K2, is-soċjetà wettqet tranżizzjoni minn soċjetà bbażata fuq il-ġerarkija soċjali għal waħda bbażata fuq il-klassijiet soċjali, u kienet waħda mill-ewwel sistemi soċjali bbażata fuq il-klassijiet u eżempji ta' ġerarkija monarkika sagra fin-Nofsinhar tal-Afrika. Il-mexxej u l-elit kienu jgħixu fil-quċċata tal-għolja, filwaqt li l-bqija tal-popolazzjoni kienet tgħix fil-bażi tal-għolja. Kien hemm erba' mogħdijiet li jagħtu sal-quċċata tal-għolja, u l-mogħdija prinċipali kienet tkun mgħassa mis-suldati, li kienu jissejħu l-"għajn" tar-re. L-insedjamenti kienu maqsuma f'żoni residenzjali taħt l-awtorità tal-kapijiet tal-familji, u kienu jinsabu madwar l-għolja, u kienu jiffurmaw ċirku protettiv. Ir-renju x'aktarx li kien maqsum f'ġerarkija b'ħames saffi minħabba l-firxa wiesgħa tal-popolazzjoni; kapijiet tal-familji, kapijiet irġiel, kapijiet, kapijiet għoljin u r-re.

Ir-re kien jorqod f'għorfa żgħira tal-injam, f'post li kien ikun sigriet. Il-viżitaturi kienu jkunu sseparati mir-re. Fost dawk ta' madwaru kien ikun hemm is-suldati u l-kantanti tat-tfaħħir, flimkien mal-mużiċisti li kienu jdoqqu l-imbiri u l-ksilofoni. L-azzjonijiet tiegħu kienu jiġu ritwalizzati, tant li meta kien jagħtas, kantant tat-tfaħħir kien jgħid lil kulħadd. In-nisa tar-re kienu jitqiesu bħala triq għas-suċċess u għall-istatus, u b'hekk ir-re kien ikollu ħafna minnhom, u l-iktar mara anzjana kienet tieħu l-affarijiet f'idejha. Xi nisa kienu jgħixu barra mill-belt kapitali, biex jinżamm network ta' alleanzi.

Mapungubwe kienet issegwi mudell ta' insedjament komuni fin-Nofsinhar tal-Afrika kollha, imsejjaħ bħala l-Mudell Ċentrali tal-Bhejjem tal-Ifrat. Iċ-ċentru tal-insedjament kien ikun immexxi mill-irġiel u kien hemm żona għas-soluzzjoni tad-diżgwidi u għat-teħid tad-deċiżjonijiet politiċi, filwaqt li ż-żona ta' barra kienet titmexxa min-nisa, u kien ikun fiha l-kumplessi domestiċi. Il-ħajja f'Mapungubwe kienet iċċentrata fuq il-familja u l-biedja. Inħolqu siti speċjali għaċ-ċerimonji tal-inizjazzjoni, għall-attivitajiet domestiċi, u għal funzjonijiet soċjali oħra. Il-bhejjem tal-ifrat kienu jgħixu f'kraals li kienu jinsabu qrib id-djar residenzjali, xi ħaġa li turi l-valur tagħhom. L-ispazji miftuħa kienu tal-mexxej, iżda ma kienx ikun fihom imma f'seklużjoni ritwali fil-quċċata tal-għolja. X'aktarx li xi wieħed mill-aħwa tiegħu kien jieħu ħsieb il-ġestjoni tal-affarijiet u kien ikun it-tieni l-iżjed persuna setgħana fir-renju. L-irġiel ta' status għoli biss kienu jitħallew idewbu u jaħdmu r-ram u d-deheb. Dawn il-metalli kienu assoċjati mal-poter, mal-ġid u mal-fertilità, u l-elit biss kien ikollu d-deheb fil-pussess tiegħu. Filwaqt li l-biċċa l-kbira kien ikollhom aċċess għall-għodod tal-ħadid, il-bdiewa ifqar kienu jużaw għodod tal-ġebel u tal-għadam.

L-elit fi ħdan ir-renju kienu jindifnu fl-għoljiet. In-nisa rjali kienu jgħix fiż-żona tagħhom stess lil hinn mir-re. L-irġiel importanti kien ikollhom djar prestiġjużi fil-periferiji tal-belt kapitali. Dan it-tip ta' qsim spazjali seħħ l-ewwel f'Mapungubwe iżda mbagħad ġie replikat fl-istati ta' Butua u ta' Rozwi li ġew wara. It-tkabbir fil-popolazzjoni f'Mapungubwe jaf waslu għal speċjalisti permanenti fiċ-ċeramika, b'mod speċifiku l-oġġetti tal-fuħħar. Xi oġġetti tad-deheb instabu fid-difniet tal-elit fuq l-għolja rjali.

Kontroll tax-xita

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-kontroll tax-xita kien maħsub biex iwassal għax-xita u jiġu evitati n-nixfiet u l-għargħar. Kien ibbażat fuq it-twemmin li l-bnedmin setgħu jinfluwenzaw in-natura, l-ispirti jew l-antenati li kienu jżommu jew iwasslu x-xita. Il-poplu San, li kien maħsub li kellhom konnessjonijiet iktar mill-qrib mal-ispirti antiki tal-art, spiss kien jiġi interpellat minn soċjetajiet oħra għall-kontroll tax-xita. Ix-xamani San kienu jidħlu fi stat ipnotiku u jmorru fid-dinja tal-ispirti huma stess biex jaħtfu l-annimali assoċjati max-xita. Il-komunità f'K2 kienet tagħżel il-poplu San minflok il-poplu Zhizo, ir-rivali politiċi tagħha, peress li l-poplu San ma kienx jemmen fl-antenati, u ladarba ma kinux jgħarfu lill-antenati tal-poplu Zhizo ma setgħux jiġu rikattati minnhom. Il-qċaċet tal-għoljiet bin-nixxigħat fil-bażi tagħhom kienu jintużaw bħala siti tal-kontroll tax-xita. Iktar ma s-soċjetà saret kumplessa, id-djar u s-santwarji nbnew fuq l-għoljiet, u l-prattika ġiet istituzzjonalizzata. F'Mapungubwe, l-elit ipprova jibdel il-post tal-prattika minn grupp ta' għoljiet f'waħda; l-Għolja ta' Mapungubwe, bl-ispeċjalisti tar-ritwali mal-familja rjali, u b'hekk dan kien pass lil hinn mir-rwol tal-antenati.

F'Mapungubwe kienu jiġu prodotti t-tessuti u l-oġġetti taċ-ċeramika.

Mapungubwe kienet tagħmel kummerċ lokalment mal-popli Toutswe u Eiland fost l-oħrajn. Sors ewlieni tal-ġid tagħhom kien il-kummerċ tal-Oċean Indjan. Kien hemm rabta bikrija ma' Chibuene. Wara li Chibuene ngħatat in-nar, Sofala saret il-port kummerċjali prinċipali, li kienu jżuruh il-merkanti Għarab minħabba d-domanda ikbar għad-deheb mis-seklu 10, wara li diversi stati Musulmani, Ewropej u Indjani bdew jizzekkaw il-muniti tad-deheb. Mapungubwe esportat id-deheb u l-avorju, filwaqt li għadd kbir ta' żibeġ tal-ħġieġ ġie importat mill-Indja u mix-Xlokk tal-Asja. Iċ-ċeladon, tip ta' ċeramika Ċiniża, li nstab fil-palazz x'aktarx li kien xi rigal talli l-barranin kienu jitħallew jagħmlu kummerċ.

Sal-aħħar tas-seklu 13, il-kummerċjanti regolarment bdew jevitaw Sofala u Mapungubwe billi kienu jivvjaġġaw tul ix-xmara Save (fit-Tramuntana tax-xmara Limpopo) lejn in-naħa ta' ġewwa fejn kien jiġi prodott id-deheb, u Quelimane u Angoche saru ċ-ċentri kummerċjali prinċipali. Dan wassal għaż-żieda tal-poter ta' Żimbabwe l-Kbir u kien fattur ewlieni li wassal għall-kollass ta' Mapungubwe.

Xogħol bil-ġebel

[immodifika | immodifika s-sors]

L-organizzazzjoni spazjali f'Mapungubwe, imsejħa dzimbahwe mill-popli Shona, kienet tinvolvi l-użu ta' ħitan tal-ġebel biex jiġu mmarkati ż-żoni importanti, u biex ġiet stabbilita d-distinzzjoni tal-klassijiet u ġiet ipprovduta s-seklużjoni ritwali għar-re. Kien hemm residenza b'ħitan tal-ġebel li x'aktarx kienet tiġi okkupata mill-kunsillier prinċipali. Il-ġebel u l-injam kienu jintużaw flimkien. Barra minn hekk kien hemm ukoll ċint tal-injam madwar l-Għolja ta' Mapungubwe. Il-biċċa l-kbira tal-popolazzjoni tal-belt kapitali x'aktarx li kienet tgħix fi ħdan il-ħajt tal-Punent.

Difniet irjali

[immodifika | immodifika s-sors]
Ir-Rinoċeront tad-Deheb ta' Mapungubwe.

Fis-snin 30 tas-seklu 20 instab ċimiterju ewlieni biswit il-palazz, li kien fih 23 qabar. Il-biċċa l-kbira ndifnu b'ftit aċċessorji jew bl-ebda aċċessorju, il-biċċa l-kbira tal-adulti ndifnu b'żibeġ tal-ħġieġ, madankollu tliet oqbra kienu differenti. L-ewwel qabar, magħruf bħala d-difna oriġinali tad-deheb li seħħet b'xedd ir-ras tal-injam u tliet oġġetti tal-injam indurat bil-folji tad-deheb; skutella mistika, xettru, u rinoċeront. It-tieni qabar, x'aktarx ta' mara, kellu katavru li ndifen iħares lejn il-Punent, b'iktar minn 100 brazzuletta tad-deheb, 12,000 żibġa tad-deheb, u 26,000 żibġa tal-ħġieġ. It-tielet qabar, x'aktarx ta' raġel twil ta' mezzetà, kellu katavru li ndifen iħares lejn il-Punent, b'ġiżirana taż-żibeġ tad-deheb u tal-qxur tal-baħbuħa, u diversi oġġetti miksijin bil-folji tad-deheb, inkluż kukkudrill.

Fl-2007, il-gvern tal-Afrika t'Isfel approva d-dfin mill-ġdid tal-fdalijiet tal-iskeletri li ġew skavati fl-1933 fuq l-Għolja ta' Mapungubwe f'ċerimonja li seħħet fl-20 ta' Novembru 2007.

Żibeġ u ġojjellerija tad-deheb li nstabu f'Mapungubwe.

Dieta u stil ta' ħajja

[immodifika | immodifika s-sors]

L-analiżi tal-iskeletri saret fuq in-nies ta' Mapungubwe biex jinkiseb iktar tagħrif dwar is-saħħa u l-istil ta' ħajja tagħhom. Fost is-sejbiet, instab li l-popolazzjonijiet f'Mapungubwe esperjenzaw rati ta' mortalità mistennija għal grupp preindustrijali (paragunabbli għall-Ewropej preindustrijali), b'mortalità għolja fost iż-żgħażagħ, iżda b'aspettattiva ta' ħajja ta' 35-40 sena wara li kienu jsiru adulti. Sejba oħra hi li n-nies ta' Mapungubwe kienu jikbru sew, mingħajr frekwenza notevoli ta' infezzjonijiet kroniċi, għalkemm xi kultant it-tfal kienu jbatu bl-anemija.

Affiljazzjoni etnika

[immodifika | immodifika s-sors]

Huwa maħsub li n-nies ta' Mapungubwe kienu l-antenati tal-poplu Kalanga (sottogrupp tal-poplu Shona).

Is-sit huwa ta' sjieda kemm tal-poplu Vhavenda kif ukoll tal-poplu Tshivhula/Sembola (li l-identitajiet tagħhom iffurmaw fis-sekli 15/17 mill-amalgamazzjoni tal-popli Kalanga, Shona, u Sotho-Tswana). Filwaqt li t-tnejn li huma għandhom rabtiet storiċi mal-inħawi, x'aktarx li huma inċentivati mill-proċess tal-jeddijiet tal-art li nbeda mill-gvern tal-Afrika t'Isfel, fejn diversi gruppi kisbu s-sjieda tal-art b'mod diżonest. L-ebda mill-ġrajjiet storiċi stmati tal-migrazzjoni tagħhom, jew ta' dawk tal-klans tagħhom, ma jaqblu eżatt mal-kronoloġija tas-sit.

Il-popolazzjoni ta' Mapungubwe titqies bħala l-"antenati kulturali" tal-popli Shona u Venda. Skont it-tradizzjonijiet bil-fomm tal-poplu Venda, ir-rejiet Shiriyadenga u Tshidziwelele rrenjaw mill-Għolja ta' Mapungubwe qabel ma ġew sostitwiti minn Vele Lambeu, iżda hemm dibattitu dwar dan.

L-analiżi tal-iskeletri għal traċċi kranjometriċi (jiġifieri traċċi fuq il-kranji) intużat biex tiġi inferita r-rabta ġenetika bejn in-nies ta' Mapungubwe u popolazzjonijiet oħra. Analiżi bikrija minn Galloway fl-1939/1957 wasslet għas-sejbien ta' affinitajiet bejn in-nies ta' Mapungubwe u kampjuni meħuda minn eżemplari "Khoisanidi", u għaldaqstant il-popolazzjoni ta' Mapungubwe ġiet ikklassifikata bħala "Boskop (Khoisan) razzjalment", x'aktarx saħansitra bi traċċi "Kawkasojdi" addizzjonali. Din il-klassifikazzjoni kienet kontroversjali, b'mod partikolari minħabba li s-sejbiet tal-materjali kulturali mis-sit fil-biċċa l-kbira huma allinjati mal-prattiki kontemporanji tal-popli Bantu ta' Żmien il-Ħadid. Analiżi mill-ġdid tal-fdalijiet ta' Galloway hija diffiċli minħabba l-prattika ta' preservazzjoni batuta tal-kranji li uża, iżda analiżi sussegwenti fuq sejbiet oħra wriet li l-maġġoranza ta' dawk il-kampjuni minn Mapungubwe, li ma kinux ġarrbu ħsara minn ħżin batut jew li ma kinux vulnerabbli għall-qerda jaqgħu fi ħdan firxa ġenerali mistennija mill-gruppi "Bantu". Analiżi ta' Rightmire fl-1970 sabet li bil-kejl tat-tul tal-kranji, tal-protrużjoni tal-glabella, tal-ħofra tal-imnieħer, tal-ispazju alveolari, u għadd ta' traċċi oħra (35 b'kollox), is-sitt "kranji ta' K2" (Rightmire jqabbel l-eżemplari ta' K2 flimkien ma' dawk ta' Bambandyanalo u ta' Mapungubwe) kollha huma barra mill-firxa tal-kampjuni ta' "Bushman" (San?), u erba' huma żgur barra mill-firxa tal-kampjuni ta' "Hottentot". Apparti tnejn, "il-bqija huma sew fi ħdan il-firxa tal-varjazzjoni Bantu moderna mistennija...". Bħala konklużjoni, huwa jsostni l-idea li:

Il-ħsieb li l-popli ta' Bambandyanalo u ta' Mapungubwe għandhom jitqiesu bħala rappreżentattivi ta' popolazzjoni "Khoisan" (jiġifieri Hottentot) kbira jidher li hi bla bażi... [peress] li ma hemm l-ebda bażi għal enfasi kontinwa fuq dawn il-fdalijiet bħala mhux ta' karnaġjon sewda jew ta' qabel, u b'hekk ma hemm l-ebda ħtieġa li l-materjal kulturali ta' K2 (Kopje tal-Leopard) tiġi "spjegata" bħala "assorbita"...

Analiżi ta' Steyn fl-1997 sabet li l-kampjuni tas-snien (li ġew studjati l-iktar minnha) kienu iktar simili għall-kampjuni minn K2, li kienu ġew ikklassifikati bħala ta' "nies ta' karnaġjon sewda tan-Nofsinhar tal-Afrika", milli kampjuni tal-poplu San.

Għaldaqstant, is-snien ta' nies ta' K2 u ta' Mapungubwe x'aktarx ġejjin minn popolazzjoni unika, li għalkemm mhux identika, hija simili ferm għall-popolazzjoni moderna ta' nies ta' karnaġjon sewda tan-Nofsinhar tal-Afrika.

Hemm bosta raġunijiet li wasslu għal din il-konfużjoni. L-ewwel nett, id-daqs ferm żgħir tal-kampjun disponibbli jfisser li r-riżultati huma soġġetti għal preġudizzju koinċidentali (jiġifieri sett partikolarment uniku ta' individwi jittieħed bħala rappreżentattiv tal-komunità kollha). It-tieni, l-analiżi kranjometrika ġeneralment tkun suxxettibbli għal problemi ta' kejl u ta' interpretazzjoni; ilu magħruf li skont il-kriterji mkejla u l-popolazzjonijiet implikati, wieħed jista' jinterpreta t-traċċi "ta'" popolazzjoni waħda f'oħra. It-tielet, bosta studjużi jinnutaw li s-suppożizzjoni ta' differenzjazzjoni uniformi bejn membri tal-popolazzjonijiet Khoisan u Bantu permezz tal-analiżi fiżjoloġika hija kkumplikata minħabba l-fatt li ilu rikonoxxut li l-popolazzjonijiet tan-Nofsinhar tal-Afrika għandhom traċċi mħallta u li interaġixxew, u minħabba, kif issostni Steyn, "l-approċċ tipoloġiku, fejn individwu jiġi deskritt b'referenza għal individwu "ideali" li jkollu l-karatteristiċi prinċipali kollha ta' razza speċifika, issa hija waħda antikwata għalkollox". Madankollu, dan ma jfissirx li d-differenzi "raggruppati" wesgħin ma jistgħux jiġu aċċertati u ssir ħidma fuqhom, kif Rightmire argumenta fl-1970 billi asserixxa li biżżejjed kriterji jistgħu jwasslu, b'livell għoli ħafna ta' kunfidenza, għal dixxerniment bejn is-sett ta' kampjuni analizzati ta' nies Khoisan u ta' karnaġjon sewda tan-Nofsinhar tal-Afrika; u argument simili tressaq fl-analiżi ta' Franklin u Freedman fl-2006. Anke f'dan il-każ, Rightmire u Merwe fl-1976 urew li b'tali differenzjazzjoni, ġieli jkun hemm sejbiet mhux mistennija; l-analiżi tagħhom iddeterminat li waħda miż-żewġ difniet analizzati għall-istudju tagħhom kienu joqogħdu iktar fost in-nies "Hottentot" milli n-nies "Bantu", u l-aqwa qbil mat-traċċi Bantu kien fil-kampjuni tagħhom tal-poplu Venda. Fiż-żewġ każijiet, l-analiżi ġenetika reali ta' dawn l-aħħar 20 sena (għad-differenza tal-analiżi fiżjoloġika li tinferixxi rabtiet ġenetiċi) tappoġġa t-taħlit notevoli, xi kultant saħansitra sostanzjali, bejn il-popolazzjonijiet Khoisan u ta' karnaġjon sewda tan-Nofsinhar tal-Afrika fl-istorja, riflessa fil-popli Khoisan u Bantu moderni. Finalment is-suppożizzjoni stess li l-analiżi kranjometrika JEW ġenetika waħedhom jistgħu jindikaw bir-reqqa l-identitajiet etnolingwistiċi u l-konfini ta' popli storiċi, hija xi ħaġa meqjusa minn Brothwell fl-1963 bħala sikwit problematika, għax jaf jeżistu popolazzjonijiet Khoisan bi kważi l-antenati assoċjati kollha "mhux Khoisan", u milli jidher xi kampjuni Xhosa kellhom maġġoranza ta' antenati mhux Xhosa.

Skoperta mill-ġdid u storjografija

[immodifika | immodifika s-sors]

In-nies lokali kellhom għarfien dwar is-sit permezz tal-ġrajjiet bil-fomm tagħhom, u kienu jqisu s-sit bħala sagru u mimli qawwa u bil-preżenza tar-rejiet anċestrali. Għaldaqstant kienu jwissu abbażi tat-tradizzjonijiet bil-fomm tagħhom biex dak li jkun ma jżurx l-għolja u saħansitra lanqas jipponta lejha. Fis-seklu 19, Frans Lotrie, ta' dixxendenza Ġermaniża jew Olandiża, ivvjaġġa fis-subkontinent u kien magħruf bħala "Wild Lottering", u iktar 'il quddiem waqaf jgħix qrib ix-xmara Limpopo. Il-Van Graans, li kienu bdiewa fid-Distrett ta' Mopane, semgħu b'leġġenda ta' "raġel abjad li ġġennen, u li għex ħajtu bħala eremita f'għar max-xtut tax-xmara Limpopo" u li "xxabbat fuq l-għolja sagra u sab xi affarijiet hemmhekk". Wara diversi snin ta' tfittxija għat-teżor, fl-1933 ikkonvinċew gwida Afrikana lokali jgħinhom u reġgħu ttantaw xortihom b'tim. Il-gwida Afrikana, skont arkeologu fl-1937, "litteralment beda jirtogħod bil-biża' u kellu jinżamm bil-forza qabel ma pponta lejn il-mogħdija sigrieta sal-quċċata tal-għolja". Dawn sabu frammenti tal-fuħħar u artefatti tar-ram, tal-ħġieġ u tad-deheb, u d-difna ta' persuna ta' livell għoli.

Il-Van Graans ma ddikjaraw li sabu xejn. Il-Van Graan iż-żgħir, eks student tal-Università ta' Pretoria, irrapporta l-iskoperta lil arkeologu. L-Università ta' Pretoria, li dak iż-żmien kienet istituzzjoni esklużivament ta' Afrikani ta' dixxendenza predominanti Olandiża, kisbet il-jeddijiet għat-teżor, u l-gvern ta' Hertzog kiseb monopolju fuq is-sit. L-iskoperta marret kontra l-mit tas-supremazija tan-nies ta' karnaġjon bajda, li l-Afrika kienet kontinent kiebi u li baqa' lura, u li jeħtieġ li jiġi "salvat", kif ukoll it-twemmin li l-Afrikani ta' dixxendenza predominanti Olandiża kienu "ċampjins taċ-ċivilizzazzjoni". Kif seħħ b'mod simili għal Żimbabwe l-Kbir, il-gvern ipprova jaħbi, jiskredita u "jipproteġi" s-sit. Is-sit ġie ddikjarat bħala monument nazzjonali fis-snin 80 tas-seklu 20. L-istudju u l-interpretazzjoni ta' Mapungubwe matul is-seklu 20 fil-biċċa l-kbira eskludew il-komunitajiet lokali, sa wara l-era tal-apartheid fejn imbagħad id-dixxendenti u n-nies lokali bdew jiġu involuti ferm iktar f'Mapungubwe.

Veduta panoramika mill-quċċata tal-Għolja ta' Mapungubwe.

Żoni protetti u Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Iż-żona issa hija protetta bħala parti mill-Park Nazzjonali ta' Mapungubwe, li tagħmel parti mill-Pajsaġġ Kulturali ta' Mapungubwe u miż-Żona ta' Konservazzjoni Transfruntiera Usa' ta' Mapungubwe.

Il-Pajsaġġ Kulturali ta' Mapungubwe ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-3 ta' Lulju 2003.[10]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ii) "Wirja ta' skambju importanti ta' valuri umani, tul perjodu ta' żmien jew fi ħdan żona kulturali fid-dinja, dwar l-iżviluppi fl-arkitettura jew it-teknoloġija, l-arti monumentali, l-ippjanar tal-bliet jew id-disinn tal-pajsaġġ"; il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[10]

  1. Huffman, Thomas N. (2005). Mapungubwe : ancient African civilisation on the Limpopo. Internet Archive. Johannesburg : Wits University Press. ISBN 978-1-86814-408-2.
  2. Wingfield, Chris; Giblin, John; King, Rachel, eds. (2020). The Pasts and Presence of Art in South Africa: Technologies, Ontologies and Agents. McDonald Institute for Archaeological Research. ISBN 978-1-913344-01-6.
  3. Chirikure, Shadreck; Delius, Peter; Esterhuysen, Amanda; Hall, Simon; Lekgoathi, Sekibakiba; Maulaudzi, Maanda; Neluvhalani, Vele; Ntsoane, Otsile; Pearce, David; Sadr, Karim; Smith, Jeanette (2015). Mapungubwe Reconsidered: A Living Legacy: Exploring Beyond the Rise and Decline of the Mapungubwe State. Real African Publishers Pty. ISBN 978-1-920655-06-8.
  4. Shabalala, Lombuso (2022). Perspective of Mapungubwe Descendants' Traditional Leaders Concerning Their Traditional Values and Cultural Heritage Preservation. Cultural Sustainable Tourism. Advances in Science, Technology & Innovation. pp. 123–134. doi:10.1007/978-3-031-07819-4_11. ISBN 978-3-031-07818-7.
  5. Mathebula, Mantha (2017). "Some notes on the early history of the Tembe, 1280 AD-1800 AD". New Contree. 78 (78): 16. doi:10.4102/nc.v78i0.102.
  6. Chirikure, Shadreck; Manyanga, Munyaradzi; Pollard, A. Mark; Bandama, Foreman; Mahachi, Godfrey; Pikirayi, Innocent (31 October 2014). "Zimbabwe Culture before Mapungubwe: New Evidence from Mapela Hill, South-Western Zimbabwe". PLOS ONE. 9 (10): e111224. Bibcode:2014PLoSO...9k1224C. doi:10.1371/journal.pone.0111224. ISSN 1932-6203. PMC 4215987. PMID 25360782.
  7. "Mapungubwe National Park - World Heritage Site in South Africa". southafrica.co.za. Miġbur 2025-02-25.
  8. Chirikure, Shadreck; Delius, Peter; Esterhuysen, Amanda; Hall, Simon; Lekgoathi, Sekibakiba; Maulaudzi, Maanda; Neluvhalani, Vele; Ntsoane, Otsile; Pearce, David (1 October 2015). Mapungubwe Reconsidered: A Living Legacy: Exploring Beyond the Rise and Decline of the Mapungubwe State. Real African Publishers Pty Ltd. ISBN 978-1-920655-06-8.
  9. Mlambo, A. S. (2014). A history of Zimbabwe. Internet Archive. New York, NY : Cambridge University Press. ISBN 978-1-107-02170-9. pp. 11-12.
  10. 1 2 "Mapungubwe Cultural Landscape - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-02-25.