Rani-ki-Vav

Rani-ki-Vav (li litteralment tfisser "Bir Imtarraġ tar-Reġina") huwa bir imtarraġ li jinsab fir-raħal ta' Patan f'Gujarat, l-Indja. Jinsab max-xtut tax-xmara Saraswati. Il-kostruzzjoni tiegħu ġiet attribwita lil Udayamati, il-mara tar-re Chaulukya tas-seklu 11, Bhima I. Maż-żmien imtela bid-depożiti, iżda ġie skopert mill-ġdid fis-snin 40 tas-seklu 20 u ġie rrestawrat fis-snin 80 tas-seklu 20 mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja. Fl-2014 tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Il-bir imtarraġ ġie ddisinjat bħala santwarju ta' taħt l-art jew tempju invertit u jirrappreżenta l-qdusija tal-ilma, bi skulturi ta' bosta divinitajiet Induisti. Huwa maqsum f'seba' sulari ta' taraġ b'panewijiet bl-iskulturi. Dawn il-panewijiet fihom iktar minn 500 skultura prinċipali u iktar minn 1,000 skultura minuri li jiġbru flimkien xbihat reliġjużi, lajċi u simboliċi.

Rani-ki-Vav inbena matul ir-renju tad-dinastija Chaulukya u jinsab max-xtut tax-xmara Saraswati. Ir-rikkezzi tal-belt fil-qrib insterqu mis-Sultan ta' Delhi Qutb-ud-din Aibak bejn l-1200 u l-1210, u mill-ġdid minn Allauddin Khilji fl-1298.
F'Prabandha-Chintamani, imfassla mill-patri Ġain Merutunga fl-1304, tissemma "Udayamati, bint Naravaraha Khengara, li bniet dan il-bir imtarraġ innovattiv f'Shripattana (Patan) li jaqbeż il-glorja tat-Tank ta' Sahasralinga". Skont dan id-dokument, il-bir imtarraġ ġie kkummissjonat fl-1063 u tlesta wara 20 sena. Ġeneralment huwa maħsub li nbena f'ġieħ Bhima I (li rrenja għall-ħabta tal-1022–1064) mir-reġina tiegħu Udayamati u x'aktarx tlesta minn Udayamati u Karna wara mewtu, iżda m'hemmx qbil dwar jekk kinitx armla meta kkummissjonat il-bir imtarraġ. Skont Commissariat il-bir imtarraġ inbena fl-1032, abbażi tax-xebħ arkitettoniku mat-Tempju ta' Vimalavasahi fl-Għolja ta' Abu li nbena fl-istess sena.
Il-bir imtarraġ iktar 'il quddiem ġie mgħerreq mill-għargħar tax-xmara Saraswati u mtela depożiti. Fis-snin 90 tas-seklu 19, Henry Cousens u James Burgess żaruh meta kien għadu midfun għalkollox u kienu viżibbli biss ix-xaft tal-bir u xi ftit kolonni. Huma ddeskrivewh bħala foss enormi b'fond ta' 87 metru (285 pied). F'Travels in Western India, James Tod semma li l-materjal mill-bir imtarraġ reġa' ntuża f'bir imtarraġ ieħor li nbena fil-belt moderna ta' Patan, x'aktarx Trikam Barot-ni-Vav (il-bir imtarraġ ta' Bahadur Singh). Fis-snin 40 tas-seklu 20 twettqu skavi mill-Istat ta' Baroda li ħarġu l-bir imtarraġ fid-dieher. Fl-1986 twettqu skavi u restawr ewlenin mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja u matul l-iskavi ġiet irkuprata wkoll xbieha ta' Udayamati. Ir-restawr seħħ mill-1981 sal-1987.
Rani-ki-Vav ġie ddikjarat bħala Monument ta' Importanza Nazzjonali u ġie protett mill-Istħarriġ Arkeoloġiku tal-Indja. Tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fit-22 ta' Ġunju 2014. Matul il-Konferenza dwar is-Sanità Indjana tal-2016, il-bir imtarraġ tqies bħala "l-Iżjed Post Ikoniku Nadif" tal-Indja.
Arkitettura
[immodifika | immodifika s-sors]Rani-ki-Vav jitqies bħala wieħed mill-ifjen u l-ikbar eżempji ta' arkitettura ta' bjar imtarrġin f'Gujarat. Inbena fil-quċċata tal-ħila tal-artiġjani fil-kostruzzjoni tal-bjar imtarrġin u bl-istil arkitettoniku Maru-Gurjara, u jirrifletti l-ħakma li kellhom ta' din it-teknika kumplessa u s-sbuħija ta' dettalji u proporzjonijiet. L-arkitettura u l-iskulturi huma simili għal dawk tat-Tempju ta' Vimalavasahi fuq l-Għolja ta' Abu u t-Tempju tax-Xemx f'Modhera.
Huwa kklassifikat bħala bir imtarraġ tat-tip ta' Nanda. Huwa twil madwar 65 metru (213-il pied), wiesa' 20 metru (66 pied) u fond 28 metru (92 pied). Ir-raba' sular huwa l-iżjed wieħed fond u jagħti għal tank rettangolari ta' 9.5 metri (31 pied) b'9.4 metri (31 pied), b'fond ta' 23 metru (75 pied). Id-daħla tiegħu tinsab fil-Lvant, filwaqt li l-bir jinsab fit-tarf l-iktar fil-Punent u jikkonsisti minn xaft b'dijametru ta' 10 metri (33 pied) u b'fond ta' 30 metru (98 pied). Il-bir imtarraġ huwa maqsum f'seba' sulari ta' taraġ, li jagħtu għal bir tond u fond. Kuritur imtarraġ huwa kompartimentalizzat f'intervalli regolari b'paviljuni bil-kolonni ta' diversi sulari. Il-ħitan, il-kolonni, il-pilastri, il-ġonot u x-xorok huma mżejna b'tinqix u b'motivi spirali. In-niċeċ fil-ħitan laterali huma mżejna bi xbihat u bi skulturi delikati u b'kollox fil-bir imtarraġ hemm 212-il pilastru.
Skulturi
[immodifika | immodifika s-sors]
B'kollox hemm iktar minn 500 skultura prinċipali u iktar minn 1,000 skultura minuri, li spiss jagħmlu referenza għal opri letterarji flimkien ma' xbihat reliġjużi, simboliċi u lajċi. It-tiżjin tal-bir imtarraġ juri l-univers kollu abitat mid-divinitajiet maskili u femminili, ħlejqiet ċelestjali, irġiel u nisa, patrijiet, qassisin u lajċi; annimali, ħut u għasafar inkluż uħud eżistenti u oħrajn immaġinarji, kif ukoll pjanti u siġar.
Il-bir imtarraġ huwa ddisinjat bħala santwarju ta' taħt l-art jew tempju invertit; dan jirrappreżenta l-qdusija tal-ilma. L-iskulturi fil-bir imtarraġ juru bosta divinitajiet Induisti. Dawn jinkludu allat maskili bħal Braħma, Vixnu, Xiva, Ganexa, Kubera, Lakulixa, Bajrava, Surja, Indra u Hajagriva u allat femminili bħal Lakxmi, Parvati, Saraswati, Ċamunda, Kxemankari, Surjani, is-Saptamatriki u Durga (bħala Maħixasurmardini). L-iskulturi assoċjati ma' Vixnu huma ferm iktar mid-divinitajiet l-oħra kollha, u jinkludu Sheshashayi Vishnu (Vixnu mimdud fuq is-serp b'elf ras Xexa fl-oċean ċelestjali), Vishwarupa Vishnu (il-forma kożmika ta' Vixnu) u d-Daxavatara (l-għaxar inkarnazzjonijiet ta' Vixnu. Skulturi oħra jinkludu familji ta' divinitajiet bħal Braħma-Savitri, Uma-Maħexwar u Lakxmi-Narajan. Fost l-iskulturi, l-iktar notevoli huma dawk ta' Ardanarixwara (Xiva u Parvati f'forma androġena kombinata) u grupp ta' Navagraħa (id-disa' pjaneti).

Hemm għadd kbir ta' ħlejqiet ċelestjali (Apsaras). Skultura partikolari ta' Apsara turiha qed tapplika l-kulur max-xofftejn jew tomgħod zokk aromatiku filwaqt li raġel qed jieħu ħsieb saqajha. Fuq in-naħa tat-Tramuntana tal-paviljun fit-tielet sular, hemm skultura ta' Apsara tkeċċi xadina li qabdet ma' sieqha. Ħdejn saqajha, hemm mara għerwiena b'serp madwar għonqha. Hemm ukoll skulturi ta' Nagkanja (prinċipessa-serp) b'xagħar twil u ċinju, kif ukoll skulturi ta' żeffiena ċelestjali b'pożi taż-żfin klassiku.
Hemm għadd kbir ta' skulturi ta' nisa jagħmlu l-attivitajiet tagħhom tal-ħajja ta' kuljum. Skultura minnhom turi mara tagħmel xagħarha, tirranġa l-misluta tagħha u tħares lejha nnifisha fil-mera. Skulturi oħra jinkludu waħda ta' mara tikteb ittra, żagħżugħa bi skorpjun tiela mar-riġel tal-lemin u bi ħwejjiġha jaqgħulha, żagħżugħa tiġbed id-daqna ta' raġel qisu nanu, mara bi platt ħut f'idejha u b'serp madwar riġlejha u jittawwal lejn il-ħut. Skultura partikolari turi żagħżugħa ħierġa mill-banju b'xagħarha mxarrab u ċinju jaqbad il-qtar tal-ilma neżlin minn xagħarha bħal perli. In-nisa f'dawn l-iskulturi għandhom ħafna ġojjellerija, inkluż ċappetti, imsielet, ġiżirajjen, ċinturini bil-ġojjelli mal-qadd, ġiżirajjen mal-għekiesi, u ilbies eleganti u xagħar irranġat sew. Għandhom varjetà ta' espressjonijiet u emozzjonijiet, li jirrappreżentaw is-sbuħija kif ukoll l-imħabba fil-forom sublimi u seduttivi tagħhom. Hemm skulturi li jirrappreżentaw l-imħabba materna bħal dik ta' mara tgħożż il-wild tagħha u tipponta lejn il-qamar biex tiġbed l-attenzjoni, mara tgħolli l-wild tagħha fl-għoli biex tħallih jieħu mango minn siġra, u mara f'għalqa tas-siġar tal-mango akkumpanjata mit-tfal.
Fix-xaft tal-bir imtarraġ gradwalment jiżdiedu l-ġonturi mżejna b'mod mirqum. It-tinqix ta' Kalpavrikxa mal-ħajt jirrappreżenta l-qima tal-fertilità u tan-natura, filwaqt li l-kirtimuki u l-makara jżejnu l-bażi u l-kapitelli tal-pilastri. Hemm ukoll motivi u disinni spirali simili għad-disinni ġeometriċi tat-tessuti, kif ukoll disinni tradizzjonali Patola mal-ħajt fid-daħla tat-Tramuntana tal-bir imtarraġ. Dawn jaf ġew adattati mit-tinqix fl-injam u mis-soqfa tat-tempji. Il-pilastri u l-bażi tal-ġonturi huma mżejna bi xbihat ta' żwiemel, iljunfanti u iljuni.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Rani-ki-Vav (il-Bir Imtarraġ tar-Reġina) f'Patan, Gujarat, ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2014.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[1]
Karta tal-flus
[immodifika | immodifika s-sors]Minn Lulju 2018, il-karta tal-flus ta' ₹100 tas-sensiela l-ġdida ta' Mahatma Gandhi, għandha stampa ta' Rani-ki-Vav fuq in-naħa ta' wara.
