Radar ta' Ħad-Dingli

Ir-Radar ta' Ħad-Dingli huwa installazzjoni kbira tar-radar li tinsab fuq l-irdum ta' Ħad-Dingli f'Malta. Ir-radar jintuża biex jikkontrolla t-traffiku tal-ajru fl-ispazju tal-ajru Malti u huwa operat minn Malta Air Traffic Services Limited. Ir-radar huwa komponent ewlieni tas-sistema ta' ġestjoni tat-traffiku tal-ajru tal-pajjiż, u għandu rwol kritiku fl-iżgurar tas-sikurezza tal-avjazzjoni fir-reġjun Mediterran.[2]
L-ewwel stazzjon tar-radar fil-Gżejjer Maltin, ir-Radar "l-antik" ta’ Ħad-Dingli, ġie stabbilit fl-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli fis-27 ta’ Marzu 1939. Il-funzjoni tiegħu kienet li jsib ajruplani fil-qrib. Il-Brittaniċi bnew u użaw ukoll kumpless taħt l-art matul it-Tieni Gwerra Dinjija.[3] Kien hemm sistema ta’ trijangolazzjoni li bejn l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli maż-żona Tas-Silġ f'Marsaxlokk u maż-żona tal-Wardija, u l-informazzjoni miġbura minn din is-sistema kienet tintbagħat għal aktar analiżi lill-Lascaris War Rooms fil-Belt Valletta. Minn hemm, setgħu jiġu mmarkati l-postijiet tal-ajruplani tal-għadu fuq mappa, sabiex l-ajruplani tal-gwerra tar-Forzi Rjali (RAF) jkunu jistgħu jinterċettawhom.[4] Il-Brittaniċi installaw ukoll kabina tat-telegrafija bir-radju fost affarijiet oħra.
Wara li l-Maltin ħadu l-kontroll tas-sistemi tat-traffiku tal-ajru mill-forzi Brittaniċi fl-1979, l-iżvilupp tal-installazzjoni tar-radar il-ġdid beda fuq l-istess sit fl-1984, u l-istazzjon il-ġdid kien qed jintuża sal-1986. L-Istazzjon Tekniku, immexxi minn Malta Air Traffic Services Limited, issa jieħu ħsieb l-obbligi tekniċi u legali kollha tar-radar. Jimmaniġġja t-traffiku tal-ajru kollu mit-Tuneżija sa Kreta li jgħaddi mis-spazju tal-ajru (flight information region) tal-gżejjer Maltin.[3]

Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ "Dingli Aviation Radar". discover-world.eu (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-10.
- ↑ "Surveillance | MATS". Malta Air Traffic Service (bl-Ingliż). 2018-02-06. Miġbur 2023-03-10.
- 1 2 "The historic importance of the Dingli Radar – one of the landmarks of Dingli Cliffs". The Cliffs Interpretation Centre (bl-Ingliż). 2021-11-18. Miġbur 2023-03-10.
- ↑ "Dingli Radar". wikimapia.org (bl-Ingliż). Miġbur 2023-03-10.