Aqbeż għall-kontentut

Quirigua

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
L-ogħla stele f'Quiriguá.

Quiriguá (spellut ukoll Quirigua; pronunzja bl-Ispanjol: [kiɾiˈɣwa]) huwa sit arkeoloġiku tal-qedem tal-Maja fid-dipartment ta' Izabal fix-Xlokk tal-Gwatemala. Huwa sit ta' daqs medju li jkopri madwar 3 kilometri kwadri (1.2 mil kwadru) tul in-naħa t'isfel tax-xmara Motagua, b'ċentru ċerimonjali madwar kilometru (0.6 mili) mix-xatt tat-Tramuntana. Matul il-perjodu Klassiku tal-Maja (200–900 W.K.), Quiriguá kienet tinsab f'salib it-toroq ta' diversi rotot kummerċjali importanti. Għall-ħabta tal-200 W.K., is-sit ġie okkupat, filwaqt li l-kostruzzjoni fl-akropoli bdiet għall-ħabta tal-550 W.K., u fis-seklu 8 kien hemm splużjoni ta' kostruzzjonijiet iktar grandjużi. Kull tip ta' kostruzzjoni waqfet għall-ħabta tat-850 W.K., għajr għal perjodu qasir ta' okkupazzjoni mill-ġdid fil-Post-Klassiku Bikri (għall-ħabta tad-900 sal-ħabta tal-1200). Quiriguá għandu stil arkitettoniku u skulturali simili għal dak tal-belt tal-perjodu Klassiku fil-qrib ta' Copán, peress li l-istorja taż-żewġ siti hija interkonnessa.

L-espansjoni rapida ta' Quiriguá fis-seklu 8 kienet marbuta mar-rebħa militari tar-re K'ak' Tiliw Chan Yopaat fuq Copán fis-738. Meta ngħeleb l-ikbar re ta' Copán, Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil jew "Fenek-18", dan inqabad u mbagħad ġie ssagrifikat fil-Pjazza l-Kbira ta' Quiriguá. Qabel, Quiriguá kienet stat vassall ta' Copán, iżda mbagħad żammet l-indipendenza. L-arkitettura ċerimonjali ta' Quiriguá hija pjuttost waħda modesta, iżda l-importanza tas-sit tinsab fir-rikkezza tal-iskulturi tiegħu, inkluż l-ogħla skultura monumentali li qatt ittellgħet fid-Dinja l-Ġdida. Minħabba l-importanza storika tiegħu, is-sit ta' Quiriguá tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[1]

Isem u pożizzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
It-territorju tan-Nofsinhar tal-Maja bil-pożizzjoni ċara ta' Quiriguá u ta' Copán.

Is-sit arkeoloġiku ta' Quiriguá ngħata isem il-villaġġ fil-qrib tal-istess isem, u jinsab ftit iktar minn 200 kilometru (120 mil) fil-Grigal tal-Belt tal-Gwatemala; jinsab fil-muniċipalità ta' Los Amates fid-dipartment ta' Izabal u għandu elevazzjoni ta' 75 metru (246 pied) 'il fuq mil-livell medju tal-baħar.

Il-pożizzjoni ta' Quiriguá tul ix-xmara Motagua, b'rabta mas-sorsi tal-ġada.

Ippożizzjonat max-xatt tat-Tramuntana tan-naħa t'isfel tax-xmara Motagua, Quiriguá jinsab fil-punt fejn il-wied jitwessa' fi pjanura tal-għargħar, u b'hekk is-sit kien espost għal għargħar perjodiku matul is-sekli. Għalkemm ix-xmara kienet tgħaddi qrib is-sit matul il-perjodu tal-okkupazzjoni tal-belt, din bidlet il-mogħdija tagħha u issa tnixxi kilometru (0.6 mili) fin-Nofsinhar taċ-ċentru ċerimonjali. Quiriguá jinsab 48 kilometru (30 mil) fit-Tramuntana ta' Copán, u jinsab 15.7-il kilometru (9.8 mili) fil-Majjistral tal-fruntiera internazzjonali mal-Honduras.

Il-blat ewlieni lokali huwa l-ġebel ramli aħmar, li l-abitanti kienu jużaw fil-kostruzzjoni tal-monumenti u tal-arkitettura. Dan il-ġebel ramli aħmar huwa b'saħħtu ħafna u ma tantx jixxaqqaq jew jinkiser malajr; b'hekk l-abitanti ta' Quiriguá rnexxielhom itellgħu l-ogħla monumenti weqfin tal-ġebel fl-Amerka. Is-sit ta' Quiriguá nbena eżatt fuq qasma bejn il-plakek tettoniċi magħrufa bħala l-Qasma ta' Motagua u għaldaqstant il-belt ġarrbet ħsarat estensivi fil-qedem minħabba terremoti kbar.

Stele minn Quiriguá li turi reġina li qed tirfes fuq ħabsi, tal-ħabta tas-653.

Għalkemm huwa ċar li l-elit ta' Quiriguá kellhom etniċità tal-Maja, is-sit jinsab mal-periferija tan-Nofsinhar taż-żona Mesoamerikana u l-popolazzjoni kienet mill-inqas bietnika, bil-Maja etniċi fil-minoranza. Il-maġġoranza tal-popolazzjoni etnikament kienet tagħmel parti minn Żona Intermedja inqas kumplessa lil hinn mill-fruntiera tal-Lvant tal-Amerka Ċentrali. Id-densità tal-popolazzjoni tas-sit ġiet stmata li kienet xi 400 sa 500 ruħ kull kilometru kwadru (1,040 sa 1,300 ruħ kull mil kwadru) fiċ-ċentru tal-belt matul il-Klassiku Aħħari, b'popolazzjoni massima li ġie stmat li laħqet l-1,200–1,600 ruħ; l-istħarriġiet urew medja ta' 130 struttura kull kilometru kwadru (338 struttura kull mil kwadru) fis-sit, meta mqabbla ma' 1,449 struttura/km2 (3,767 struttura kull mil kwadru) f'Copán ċentrali. Id-densità baxxa tal-popolazzjoni tindika li l-belt ta' Quiriguá kellha popolazzjoni rurali sparpaljata.

Il-livelli ta' popolazzjoni fil-wied ta' Quiriguá żdiedu malajr wara r-ribelljoni ta' suċċess kontra Copán fis-738 W.K., għalkemm qatt ma kien sit b'popolazzjoni kbira. Fis-seklu 9 kien hemm deklin qawwi fil-popolazzjoni, u dan wassal għall-abbandun tal-belt.

L-Istele Ċ.

Ix-xmara Motagua tnixxi 'l isfel mill-artijiet għoljin tal-Punent tal-Gwatemala, u s-sit ta' Quiriguá kien ippożizzjonat b'mod ideali biex jikkontrolla l-kummerċ tal-ġada mhux maħduma, li l-maġġoranza tagħha kienet tinsab fil-parti nofsanija tal-Wied ta' Motagua, kif ukoll biex jikkontrolla l-fluss ta' prodotti bażiċi importanti oħra 'l fuq u 'l isfel tul ix-xmara bħall-kawkaw, li kien prodott bħala għalla monetarja lokali. Għalkemm il-kawkaw kien prodott għall-kummerċ, il-qamħirrum baqa' l-għalla lokali primarja minħabba r-rwol ċentrali tiegħu fid-dieta tal-Maja. Barra minn hekk, il-qamħirrum x'aktarx li kien komponent importanti tal-pagamenti li s-sit kien iħallas lill-mexxejja tiegħu f'Copán, belt li kienet bdiet teżawrixxi r-riżorsi lokali tagħha stess. Għalkemm ma tantx instabet ġada mis-sit, hemm evidenza tal-kummerċ tal-ossidjana li kienet toriġina mis-sors ta' Ixtepeque qrib in-naħa ta' fuq tax-xmara Motagua.

Fil-perjodu Klassiku, il-pożizzjoni tas-sit kienet tpoġġi lil Quiriguá f'salib it-toroq bejn ir-rotta kummerċjali mill-artijiet għoljin għall-kosta tal-Karibew u r-rotta minn Copán għall-bliet ewlenin tal-Baċir ta' Petén.

Mexxejja magħrufa

[immodifika | immodifika s-sors]
L-Istele D.

Kif irreġistrat fil-kitbiet ġeroglifiċi f'Quiriguá, id-dati kollha huma W.K. Il-kitbiet tal-Maja għall-mexxejja xi kultant jinkludu referenza għal numru ("hel-numru" jew għadd, imsemmi wara s-simbolu glifiku prinċipali) u dan huwa maħsub li jispeċifika l-pożizzjoni tal-mexxej fis-sekwenza tas-suċċessjoni dinastika tal-mexxejja tas-sit. B'hekk hel-numru ta' ħamsa jindika li l-mexxej kien il-ħames wieħed fis-suċċessjoni dinastika.

Isem (jew laqam) Tmexxija Suċċessjoni dinastika nru
"Tok Ch'ich' " 426–? 1
Tutuum Yohl K'inich għall-ħabta tal-455 ?
"Mexxej 3" ("Qoxra tal-Fekruna tal-Ilma") għall-ħabta tal-480 ?
"Mexxej 4" ("Kranju Qoffa") ?–? 3?
Mih Toh 493– 4?
K'awiil Yopaat ("Mexxej 5") għall-ħabta tal-653 ?
K'ak' Tiliw Chan Yopaat ("Cauac" jew "Kawak tas-Sema") 724–785 14
Chan Tiliw Yopaat ("Xul tas-Sema") mis-785 sal-ħabta tal-795 15
K'ahk' Jolow Chan Yopaat ("Sema tal-Ġada") mill-ħabta tat-800 – sal-ħabta tat-810 17?

Storja bikrija

[immodifika | immodifika s-sors]
L-Istruttura 1B-1.

Hemm evidenza li s-sit ta' Quiriguá ġie okkupat saħansitra fil-Pre-Klassiku Aħħari (400 Q.K. – 200 W.K.). Għalkemm l-ebda struttura ma' ġiet datata b'ċertezza li tmur lura għal dan il-perjodu, ġew irkuprati għadd ta' artefatti tal-Pre-Klassiku Aħħari, inkluż 63 figurina u xafra tax-xist. Il-bċejjeċ taċ-ċeramika tal-Klassiku Bikri minn Quiriguá huma simili għal sejbiet kemm f'Copán kif ukoll f'Chalchuapa f'El Salvador, filwaqt li l-figurini mħattbin tal-ġada mill-istess perjodu jixbħu lil dawk li nstabu fil-Honduras ċentrali u fl-artijiet għoljin tal-Gwatemala. Dawn is-sejbiet bikrin juru l-parteċipazzjoni ta' Quiriguá fir-reġjun usa' tax-Xlokk tal-Maja mill-Pre-Klassiku Aħħari 'l quddiem.

L-isteli protetti fis-sit arkeoloġiku.

Ġabra ta' testi ġeroglifiċi minn Tikal, Copán u Quiriguá, flimkien mal-istili arkitettoniċi u t-testijiet kimiċi tal-għadam tal-fundatur tad-dinastija ta' Copán, kollha jissuġġerixxu li Quiriguá u Copán ġew stabbiliti minn kolonjalisti tal-elit mill-belt kbira ta' Tikal bħala parti mill-espansjoni tagħha fl-inħawi tal-fruntiera tax-Xlokk tar-reġjun tal-Maja. L-istorja rreġistrata ta' Quiriguá tibda fl-426, fil-Klassiku Bikri (għall-ħabta tal-200–600); skont il-kitbiet ġeroglifiċi f'siti oħra, fil-5 ta' Settembru ta' dik is-sena, K'inich Yax K'uk' Mo' tela' fuq it-tron bħala r-re ta' Copán. Tlett ijiem wara biss huwa poġġa lil "Tok Casper", l-ewwel re magħruf ta' Quiriguá, fuq it-tron. B'hekk huwa evidenti li mill-bidu nett tal-istorja rreġistrata ta' Quiriguá, din il-belt kienet taqa' taħt il-ġara tan-Nofsinhar, u ġiet stabbilita biex ir-rotta kummerċjali rikka tax-xmara Motagua tiġi taħt il-kontroll ta' Copán, u indirettament ta' Tikal. Matul il-ftit sekli ta' wara, li ma tantx nafu wisq x'seħħ, l-arkitettura ċerimonjali ta' Quiriguá kienet limitata għall-Grupp A fil-quċċata tal-għolja u pjattaforma wiesgħa tal-ħamrija fil-qiegħ tal-wied. Ġie rreġistrat li kien hemm stele, li għadha ma nstabitx, li ttellgħet fl-455 minn Tutuum Yohl K'inich, it-tieni re ta' Quiriguá. Monument bikri jsemmi s-superviżjoni ta' ritwal fl-480 mill-mexxej ta' dak iż-żmien minn Copán, u dan juri li l-istatus kontinwu ta' Quiriguá kien ta' vassall ta' dik il-belt. Test ġeroglifiku li jmur lura għall-493 isemmi żewġ rejiet oħra ta' Quiriguá, iżda minħabba interruzzjonijiet fit-test il-qari u d-deċifrar tal-ismijiet tagħhom huwa pjuttost diffiċli.

Hemm xi xebħ bejn l-arkitettura u l-monumenti tas-seklu 5 ta' Quiriguá u ta' Uaxactun fit-Tramuntana ta' Petén, sit li safa taħt id-dominju ta' Tikal fl-aħħar tas-seklu 4. Is-similaritajiet juru li Quiriguá baqgħet allinjat bis-sħiħ man-network kbir ta' alleanzi ma' Tikal.

Pawża temporanja u rkupru

[immodifika | immodifika s-sors]
L-Artal M.

Mill-aħħar tas-seklu 6 sa nofs is-seklu 7, kien hemm pawża temporanja fl-importanza ta' Quiriguá. Dan jaf kienet ikkollegata mal-pawża temporanja fl-importanza ta' Tikal fil-Klassiku Nofsani kkawżata mit-telfa li ġarrbet il-belt ta' Tikal kontra Calakmul. Hemm evidenza li Quiriguá ġiet attakkata minn għedewwa mhux magħrufa f'dan il-perjodu, kif joħroġ fid-dieher mill-ħsara li donnha ġiet ikkawżata apposta fir-rigward tal-Istele U u l-Monument 26, li hija karatteristika tal-ħsara li kienu jikkawżaw il-ġellieda invażuri. Matul dan il-perjodu ta' pawża temporanja mill-495 sas-653 ma ttella' l-ebda monument.

Fis-seklu 6 jew fil-bidu tas-seklu 7 kien hemm diżastru naturali li kkawża għargħar devastanti fil-Wied ta' Motagua u radam wiċċ is-sit taħt saff fond ta' depożiti, u b'hekk il-pajsaġġ inbidel għalkollox. Dawk il-binjiet li baqgħu jidhru 'l fuq mit-tajn baqgħu jintużaw, inkluż il-Grupp A, li ħelisha ħafif minħabba l-pożizzjoni tiegħu fil-quċċata tal-għolja. Il-pjattaforma tal-ħamrija fil-qiegħ tal-wied baqgħet tintuża wkoll, mill-inqas dawk il-partijiet minnha li baqgħu jidhru 'l fuq mid-depożiti, u kien wieħed mill-kumplessi ż-żgħar tas-sit li kiber u sar iċ-ċentru l-ġdid ta' Quiriguá, kif irrappreżentat mill-monumenti viżibbli sal-lum.

Il-belt ingħatat nifs ġdid kif joħroġ fid-dieher mid-dedika tal-ewwel monument ġdid f'seklu u nofs, li ttella' mir-re pjuttost mhux magħruf għal xejn iktar, K'awiil Yopaat, fis-653. Il-kuntatt kontinwu ma' Copán huwa evidenti, kif ukoll il-kuntatt fuq distanza itwal, possibbilment ma' Caracol fil-Belize. Għall-ħabta tal-istess żmien, kien hemm kostruzzjoni ewlenija fl-akropoli, inkluż il-bini tal-ewwel piċċ tal-logħba tal-ballun fis-sit.

L-Istele H.

Tradizzjonalment, il-belt ta' Quiriguá kienet taqa' taħt il-belt fin-Nofsinhar tagħha ta' Copán, u fis-724, Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil, ir-re ta' Copán, tella' lil K'ak' Tiliw Chan Yopaat fuq it-tron ta' Quiriguá bħala l-vassall tiegħu. Madankollu, diġà fis-734, K'ak' Tiliw Chan Yopaat kien wera li ma kienx lest jibqa' jobdi taħt Copán, u beda jirreferi għalih innifsu bħala k'ul ahaw, sinjur sagru, minflok it-titlu inferjuri ta' ahaw, sinjur subordinat; fl-istess żmien huwa beda juża l-emblema glifika tiegħu stess ta' Quiriguá. Dawn it-tentattivi bikrin ta' indipendenza setgħu jsiru biss ladarba Quiriguá rnexxielha tifforma alleanza esterna.

Tabilħaqq, dan l-att lokali ta' ribelljoni milli jidher kien parti minn taqbida akbar bejn iż-żewġ "superpotenzi" tal-Maja, il-bliet il-kbar ta' Tikal u ta' Calakmul. Fis-736, sentejn wara biss, K'ak' Tiliw Chan Yopaat kellu żjara minn Wamaw K'awiil, ir-re għoli ta' Calakmul ferm iktar imbiegħda, filwaqt li Copán kienet waħda mill-eqdem alleati ta' Tikal. It-tempestività ta' din iż-żjara mir-re ta' Calakmul hija sinifikanti ferm, għax taħbat bejn it-tlugħ ta' K'ak' Tiliw Chan Yopaat fuq it-tron ta' Quiriguá bħala vassall ta' Copán u r-ribelljoni sħiħa li seħħet wara. B'hekk dan jissuġġerixxi li Calakmul sponsorjat ir-ribelljoni ta' Quiriguá sabiex iddgħajjef lil Tikal u biex tikseb aċċess għar-rotta kummerċjali rikka tal-Wied ta' Motagua. X'aktarx li l-kuntatt ma' Calakmul kien inbeda ftit wara li K'ak' Tiliw Chan Yopaat tela' fuq it-tron, peress li Quiriguá esperjenzat tkabbir rapidu ftit wara, u dan jissuġġerixxi li Quiriguá diġà kienet qed tingħata sostenn estern.

L-Iskultura Żoomorfika B – ritratt ta' Maudslay.

Fis-738 il-ġrajjiet ta' suċċess interkonnessi ta' Quiriguá u ta' Copán f'daqqa waħda nbidlu meta K'ak' Tiliw Chan Yopaat, il-mexxej renjanti ta' Quiriguá, ħataf lit-13-il re setgħan iżda anzjan ta' Copán, Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil, li kien tellgħu fuq it-tron fis-725. Dan il-kolp milli jidher ma affettwax lil Copán jew lil Quiriguá b'mod fiżiku; ma hemm l-ebda evidenza ta' xi attakki fuq dawn il-bliet matul dak iż-żmien u r-rebbieħ milli jidher ma ngħatax xi ġieħ identifikabbli. Minflok, milli jidher Quiriguá kisbet l-indipendenza u l-kontroll tar-rotot kummerċjali importanti. Kitba mnaqqxa f'Quiriguá, għalkemm diffiċli tiġi interpretata, tissuġġerixxi li l-ħtif seħħ fis-27 ta' April 738, meta Quiriguá ssekwestrat u ħarqet ix-xbihat tal-injam tad-divinitajiet patruni ta' Copán. Dan kollu donnu jimplika li K'ak' Tiliw Chan Yopaat irnexxielu b'xi mod jaħsad lil Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil, iktar milli għelbu f'xi battalja. Fil-perjodu Klassiku, l-istatwi tad-divinitajiet tal-Maja spiss kienu jinġarru fuq pedestalli fil-battalji, u b'hekk faċilment kienu jinħatfu f'każ ta' telfa. Ġie ssuġġerit li r-re ta' Copán kien qed jipprova jattakka xi sit ieħor sabiex jaħtaf xi ħabsin għas-sagrifiċċji, u ġie maħsud minn K'ak' Tiliw Chan Yopaat u l-ġellieda tiegħu ta' Quiriguá.

Il-Pjazza l-Kbira.

Il-mexxej maħtuf ittieħed lura lejn Quiriguá u fit-3 ta' Mejju 738 inqatel bi qtugħ ir-ras f'ritwal pubbliku. L-offerta bħala sagrifiċċju tad-demm ta' mexxej tant setgħan tejbet ferm l-importanza ta' Quiriguá u tal-familja rjali tagħha kollha mar-reġjun u pproklamat lil Quiriguá bħala l-belt kapitali l-ġdida tar-reġjun tax-Xlokk tal-Maja. Wara, Quiriguá għaddiet minn programm kbir ta' kostruzzjoni ta' monumenti, pjuttost simili għall-istil skulturali ta' Copán, x'aktarx bl-użu ta' artiġjani maħtufa minn Copán biex iwettqu x-xogħol. Il-popolazzjoni ta' Quiriguá u ta' siti oħra fil-wied żdiedet malajr wara l-avvenimenti tas-738, għalkemm Quiriguá dejjem kienet ċentru żgħur u l-popolazzjoni totali x'aktarx li qatt ma qabżet l-2,000 ruħ.

Fil-Klassiku Aħħari (mill-ħabta tas-600 sad-900), l-alleanza ma' Calakmul spiss kienet assoċjata mal-wegħda ta' sostenn militari. Il-fatt li Copán, belt ferm iktar setgħana minn Quiriguá, ma rnexxilhiex tirritalja kontra l-eks vassall tagħha jimplika li kienet tibża' mill-intervent militari ta' Calakmul. Calakmul stess kienet biżżejjed 'il bogħod minn Quiriguá u K'ak' Tiliw Chan Yopaat ma beżax li jaqa' direttament taħt is-setgħa tagħha bħala stat vassall sħiħ, anke jekk x'aktarx li Calakmul bagħtet xi ġellieda biex jgħinu fir-rebħa kontra Copán. Minflok l-alleanza milli jidher kienet waħda ta' vantaġġi reċiproċi; Calakmul irnexxielha ddgħajjef alleat setgħan ta' Tikal filwaqt li Quiriguá kisbet l-indipendenza tagħha.

Fis-718, il-belt ta' Xkuy – sit li issa għadu ma ġiex skopert – ġiet attakkata u maħruqa minn Copán taħt it-tmexxija tar-re Uaxaclajuun Ub'aah K'awiil. Wara li r-re ta' Copán inqatel bħala sagrifiċċju fis-738, Xkuy milli jidher saret vassall leali ta' Quiriguá u fis-762 K'ak' Tiliw Chan Yopaat issorvelja t-tlugħ tal-"Ġagwar tat-Tlugħ tax-Xemx" fuq it-tron tal-belt.

L-akropoli u l-piċċ tal-logħba tal-ballun.

K'ak' Tiliw Chan Yopaat, li kien biddel id-destin tal-belt tiegħu b'mod tant drammatiku, miet fis-27 ta' Lulju 785. L-iskultura żoomorfika G hija l-mafkar tiegħu u tiddeskrivi kif indifen għaxart ijiem wara fid-Dar ta' Kawak 13, binja li għadha ma ġietx identifikata. Dan ir-re kbir ġie sostitwit minn "Xul tas-Sema", re b'isem li għadu ma ġiex identifikat sew. "Xul tas-Sema" sar il-mexxej renjanti ta' Quiriguá 78 jum wara l-mewt ta' K'ak' Tiliw Chan Yopaat, li huwa maħsub li kien missieru. Ir-renju tiegħu dam bejn 10 snin u 15-il sena u kien perjodu ta' attività kontinwa. Fil-biċċa l-kbira tar-reġjun tal-Maja, il-bliet kienu qed iġarrbu deklin terminali, mifnija mill-kollass tal-Maja tal-perjodu Klassiku, iżda f'Quiriguá "Xul tas-Sema" iddedika tliet skulturi żoomorfiċi kbar u żewġ artali, meqjusa bħala monumenti tal-ġebel tal-għaġeb tal-Maja. "Xul tas-Sema" miet bejn is-795 u t-800.

Deklin u sfaxxar

[immodifika | immodifika s-sors]

Ma tantx nafu wisq dwar "Sema tal-Ġada", li ssostitwixxa lil "Xul tas-Sema" u kien l-aħħar mexxej irreġistrat ta' Quiriguá. Il-poter tal-belt diġà kien qabad ibatti, kif joħroġ fid-dieher miż-żewġ steli żgħar li ttellgħu matul ir-renju tiegħu, li jindikaw li r-renju ma kellux aċċess għall-istess tip ta' riżorsi meħtieġa għall-produzzjoni ta' monumenti ta' kwalità simili għal dawk tal-predeċessuri tiegħu. Madankollu, "Sema tal-Ġada" bena tnejn mill-ikbar strutturi fl-akropoli.

Milli jidher Quiriguá żammet l-indipendenza tagħha minn Copán u baqgħet tiffjorixxi sal-bidu tas-seklu 9. Ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ bliet kienu tjiebu kemxejn sat-810, meta r-re Yax Pasaj Chan Yopaat ta' Copán żar Quiriguá sabiex iwettaq ritwal ta' tmiem il-k'atun. Madankollu, fit-810 ġew prodotti wkoll l-aħħar testi ġeroglifiċi f'Quiriguá, għalkemm xorta waħda kien hemm livell imnaqqas ta' kostruzzjoni fiċ-ċentru tal-belt. Wara, Quiriguá ma nstemgħetx iktar, mifnija mill-fenomenu akbar tal-kollass tal-Maja tal-perjodu Klassiku – kienet tilfet l-għan tal-eżistenza tagħha meta l-fluss tal-kummerċ ma baqax għaddej tul ix-xmara Motagua; fi ftit snin Quiriguá sfat abbandunata u s-siti tul il-Wied ta' Motagua għaddew minn deklin jew abbandun kbir.

Post-Klassiku

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-Post-Klassiku Bikri (mill-ħabta tad-900 sal-ħabta tal-1200), Quiriguá ġiet okkupata minn popli marbuta mill-qrib maż-żoni kostali tal-Karibew tal-Peniżola ta' Yucatán u l-Belize, x'aktarx minħabba l-kontroll tal-Maja Chontal ta' network kummerċjali li kien jinkludi l-kosta ta' Yucatán u l-Wied ta' Motagua. Matul iż-żmien qasir tal-okkupazzjoni mill-ġdid tagħhom tas-sit, għamlu żidiet sostanzjali fil-kumpless tal-akropoli. Fost is-sejbiet assoċjati mal-okkupazzjoni tagħhom hemm skultura mimduda ta' chacmool u bċejjeċ taċ-ċeramika mill-kosta tal-Lvant ta' Yucatán, artefatti li juru rabta sfiqa mal-belt distanti ta' Chichen Itza. Ġew irkuprati wkoll xi qniepen u ornamenti tar-ram fit-territorju tal-Maja. Dawn ġew datati li jmorru lura għall-Klassiku Terminali (għall-ħabta tat-800 sal-ħabta tad-950) jew għall-Post-Klassiku Bikri.

Storja moderna

[immodifika | immodifika s-sors]
Is-simboli glifiċi mnaqqxin mal-Istele D.

L-ewwel viżitatur Ewropew li ppubblika rendikont dwar Quiriguá kien l-arkitett u l-artist Ingliż Frederick Catherwood, li wasal fejn il-fdalijiet fl-1840. Is-sid tal-art preċedenti, li kellu l-kunjom ta' Payés, kien irrakkonta l-eżistenza tal-fdalijiet lil uliedu subien u lil Carlos Meiney, resident Ingliż Ġamajkan fil-Gwatemala. L-anzjan Payés miet u għadda l-art b'wirt lill-uliedu, iżda la ulied Meiney u lanqas ulied Payés ma żaru l-art bil-fdalijiet, għaldaqstant stiednu lil John Lloyd Stephens u lil Catherwood biex jingħaqdu magħhom fl-ewwel vjaġġ tagħhom fis-sit. Stephens kellu dmirijiet oħra x'jaqdi, iżda Catherwood seta' jakkumpanja lill-aħwa Payés lejn Quiriguá. Minħabba l-kundizzjonijiet avversi seta' jibqa' għal żmien qasir fil-fdalijiet, iżda għamel tpinġijiet ta' żewġ steli, li ġew ippubblikati flimkien ma' rendikont qasir dwar iż-żjara ta' Catherwood fil-ktieb ta' John Lloyd Stephens Incidents of Travel in Central America, Chiapas, and Yucatan fl-1841. Quiriguá kien l-ewwel sit li Stephens u Catherwood setgħu jsostnu li skoprew huma stess. Rendikont itwal dwar il-fdalijiet tħejja fl-1854 minn Karl Scherzer.

L-esploratur u l-arkeologu Alfred Maudslay żar Quiriguá għal tlett ijiem fl-1881; dawn kien l-ewwel fdalijiet pre-Kolombjani li ra u kienu impressjonanti biżżejjed biex jispirawh u biex ikollu interess permanenti fl-arkeoloġija tal-Amerka Ċentrali. Irnexxielu jerġa' lura tliet darbiet oħra, l-aħħar darba fl-1894, u wettaq l-ewwel sforzi biex il-monumenti jiġu kklerjati qabel ma jiġu rreġistrati minnu. Huwa wettaq eżaminazzjoni bir-reqqa ħafna u għamel reġistrazzjoni fotografika tal-monumenti viżibbli kollha, wettaq xi skavi minuri, ħejja forom tal-karta u tal-ġibs tal-kitbiet ġeroglifiċi mnaqqxa u stħarreġ l-iskulturi prinċipali; dawn il-forom imbagħad ġew ittrasportati lejn il-Victoria and Albert Museum, u xi forom ġew ittrasferiti lejn il-Mużew Brittaniku.

Fl-1910, il-United Fruit Company xtrat l-art ta' Quiriguá u tal-madwar għall-produzzjoni tal-banana; warrbet 75 akru (30 ettaru) madwar iċ-ċentru ċerimonjali bħala park arkeoloġiku, u b'hekk tħalliet roqgħa ġungla qalb il-pjantaġġuni. Mill-1910 sal-1914, Edgar Lee Hewett u Sylvanus Morley wettqu xogħol arkeoloġiku ulterjuri għall-Iskola tal-Arkeoloġija Amerikana f'Santa Fe. Repliki tal-isteli ta' Quiriguá magħmula mill-forom tal-ġibs ta' Hewett tpoġġew għall-wiri fil-Wirja ta' Panama–California f'San Diego, California, fl-1915. Il-forom għadhom għall-wiri fil-Mużew ta' San Diego, l-Istati Uniti, fil-wirja "Maja: Qalb tas-Sema, Qalb tad-Dinja". L-Istituzzjoni ta' Carnegie wettqet diversi proġetti intermittenti f'Quiriguá mill-1915 sal-1934. Aldous Huxley, kiteb wara li żar is-sit fil-bidu tas-snin 30 tas-seklu 20, li l-isteli ta' Quiriguá jfakkru "t-trijonf tal-bniedem fir-rigward taż-żmien u tal-elementi, kif ukoll it-trijonf taż-żmien u tal-elementi fuq il-bniedem". Is-sit ta' Quiriguá kien fost l-ewwel siti arkeoloġiċi tal-Maja li ġew studjati b'mod intensiv, għalkemm ma tantx sar restawr u l-fdalijiet għal darb'oħra nħakmu mill-veġetazzjoni tal-ġungla.

Is-sit ta' Quiriguá ġie ddikjarat bħala Monument Nazzjonali fl-1970 skont il-Ftehim Ministerjali Nru 1210, u fid-19 ta' Ġunju 1974 ġie ddikjarat bħala Park Arkeoloġiku skont il-Ftehim Ministerjali Nru 35-74.

Mill-1974 sal-1979 twettaq proġett arkeoloġiku estensiv f'Quiriguá li ġie sponsorjat mill-Università ta' Pennsylvania, is-Soċjeta tan-National Geographic, u l-Istitut tal-Antropoloġija u tal-Istorja tal-Gwatemala. Taħt it-tmexxija ta' Robert Sharer u William R. Coe, il-proġett wassal għall-iskavi tal-akropoli, it-tindif tal-monumenti, u l-istudju tal-gruppi periferiċi. Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981,[1] u fl-1999 l-UNESCO approvat finanzjament ta' darba ta' US$27,248 għal "assistenza ta' emerġenza għar-riabilitazzjoni tas-sit arkeoloġiku ta' Quiriguá". Waħda mill-isteli tas-sit tidher fuq naħa tal-munita ta' 10 centavo tal-Gwatemala.

Erja ta' 34 ettaru (84 akru) inkluża fil-Park Arkeoloġiku ta' Quiriguá ġiet żviluppata għat-turiżmu, bil-kostruzzjoni ta' parkeġġ għall-karozzi, mużew tas-sit u faċilitajiet tas-sanità, u s-sit ikun miftuħ għall-pubbliku kuljum.

Park arkeoloġiku

[immodifika | immodifika s-sors]
L-Iskultura Żoomorfika B b'traċċi tal-pigment aħmar.

Wara r-rebħa krunċjali ta' Quiriguá kontra Copán fis-738, K'ak' Tiliw Chan Yopaat reġa' bena l-grupp prinċipali skont ix-xbieha ta' Copán stess. B'hekk, l-akropoli, il-palazz u l-piċċ tal-logħba tal-ballun kollha jinsabu fit-tarf tan-Nofsinhar tal-Pjazza l-Kbira. Iċ-ċentru ċerimonjali huwa stabbilit madwar tliet pjazez; l-iktar waħda fit-Tramuntana hija l-Pjazza l-Kbira. Din il-pjazza fiha 325 metru (1,066 pied) mit-Tramuntana għan-Nofsinhar u hija l-ikbar pjazza fir-reġjun kollu tal-Maja. Fit-tarf tan-Nofsinhar tal-Pjazza l-Kbira hemm il-Pjazza tal-Piċċ tal-Logħba tal-Ballun, imdawra fuq tliet naħat minn strutturi assoċjati mal-akropoli. Il-Pjazza tal-Akropoli hija pjazza ċċirkondata fuq kull naħa fi ħdan l-akropoli stess. L-inħawi lejn il-Punent tal-Pjazza tal-Piċċ tal-Logħba tal-Ballun x'aktarx li kienet żona tat-trakkar ma' xatt ix-xmara u hemm evidenza li n-naħa tan-Nofsinhar tal-Pjazza l-Kbira kienet post fejn kien jintrama s-suq. Għadd ta' bjar imkaħħlin biċ-ċeramika ġew skavati qrib il-qalba tas-sit, u dawn kollha nbniew fis-seklu 8 u għalkemm uħud baqgħu jintużaw sas-seklu 9, l-ebda minnhom ma nbnew fis-seklu 9.

  • 1A-1 hija pjattaforma enormi fin-naħa tat-Tramuntana tal-Pjazza l-Kbira. Fiha 100 metru b'85 metru (328 pied b'279 pied) u hija għolja 0.5 metri (20 pulzier) 'il fuq mil-livell tan-naħa tan-Nofsinhar tal-pjazza. Tifforma n-naħa tat-Tramuntana tal-Pjazza l-Kbira, u nbniet minn K'ak' Tiliw Chan Yopaat meta estenda l-pjazza lejn it-Tramuntana. Il-pjattaforma nbniet miċ-ċagħaq tax-xmara u ġiet pavimentata b'ċangaturi tal-ġebel. Fil-Pjattaforma 1A-1 kien hemm l-isteli A, C, D, E u F u l-Iskultura Żoomorfika B. Il-pjattaforma nbniet f'żewġ fażijiet matul madwar 20 sena.
  • 1A-3 hija tumbata kbira tal-ħamrija li timmarka t-tarf tat-Tramuntana tal-Pjazza l-Kbira. Oriġinarjament kien fiha 82.5 metru b'20 metru (271 pied b'66 pied) u kienet għolja 7 metri (23 pied). Kien hemm taraġ wiesa' 63 metru (207 piedi) fin-naħa tan-Nofsinhar tal-istruttura b'aċċess mill-pjazza. L-istruttura iktar 'il quddiem ġiet estiża lejn it-Tramuntana iżda din it-tieni fażi ta' kostruzzjoni qatt ma tlestiet.
  • L-akropoli huwa l-ikbar kumpless arkitettoniku f'Quiriguá u jinsab fil-limiti tan-Nofsinhar taċ-ċentru ċerimonjali tal-belt. Huwa kumpless b'binjiet u b'karatteristiċi ġodda li ġew miżjuda maż-żmien. Il-kostruzzjoni tal-akropoli bdiet fil-550 u baqgħet għaddejja sat-810 meta s-sit ġie abbandunat. L-akropoli kien kumpless ta' palazz li kien jintuża primarjament bħala residenza tal-elit u għal skopijiet amministrattivi. Il-kumpless tal-akropoli jinkludi l-istrutturi 1B-1, 1B-2, 1B-3, 1B-4, 1B-5 u 1B-6. Waqt l-iskavi tal-akropoli nstabu l-fdalijiet ta' xi ħnejjiet tal-ġebel, iżda kollha kienu mwaqqgħin.
  • 1B-sub.1, magħruf ukoll bħala l-Ħajt ta' K'inich Ahau. Dan huwa ħajt wieqaf mingħajr riffieda, li huwa twil iktar minn 23 metru (75 pied) u oħxon 1.5 metru (5 piedi), u kien jinsab fin-naħa tal-Punent tal-akropoli. In-naħa tal-Punent tal-ħajt kienet tħares fuq ix-xmara u fuq din in-naħa kien hemm ħames maskri tal-mużajk li jalternaw u li jirrappreżentaw divinitajiet solari u sriep b'dirgħajn umani. Dawn il-maskri kienu mirfuda bi freġju li kien jikkonsisti minn żewġ ovali konċentriċi b'irjus ta' sriep maġenbhom. Il-ħajt tlesta għall-ħabta tas-750, matul ir-renju ta' K'ak' Tiliw Chan Yopaat.
  • 1B-sub.4 huwa piċċ mirdum tal-logħba tal-ballun taħt l-istrutturi tan-naħa tal-Punent tal-Pjazza tal-Akropoli, li ġie skopert waqt l-iskavi tal-akropoli. Huwa eżempju rari ta' piċċ tal-logħba tal-ballun li fuqu nbnew diversi strutturi sussegwenti, f'dan il-każ minn K'ak' Tiliw Chan Yopaat. Dan kien l-ewwel piċċ tal-logħba tal-ballun fis-sit u jmur lura għal nofs is-seklu 7. Inbena bi blokok tar-rijolit. Dan il-piċċ tal-logħba tal-ballun huwa kważi kopja tal-piċċijiet tal-logħba tal-ballun f'Copán, u nbena bl-istess stil, bl-istess dimensjonijiet u bl-istess orjentazzjoni. Il-piċċ tal-logħba tal-ballun intradam meta K'ak' Tiliw Chan Yopaat bena l-pjattaformi enormi tal-Punent biex jirrestrinġi l-aċċess għall-akropoli.
  • 1B-1 hija struttura li tifforma l-limitu tan-Nofsinhar tal-Pjazza tal-Akropoli; taraġ wiesa' jagħti lejn il-pjazza min-naħa tat-Tramuntana tal-binja. Il-ħitan t'isfel tal-istruttura għadhom weqfin u fiha tliet daħliet, u kull waħda tagħti għal kompartiment żgħir. Kull wieħed mit-tliet kompartimenti fih tarġa ġeroglifika mal-ħajt ta' wara li jagħti għal kompartiment żgħir ieħor. Oriġinarjament il-binja kellha faxx estern ta' ġeroglifiċi. Kemm il-ġeroglifiċi esterni kif ukoll dawn interni jinkludu l-aħħar data magħrufa rreġistrata f'Quiriguá, li tikkorrispondi għal Ġunju 810. Din il-binja nbniet matul ir-renju tas-"Sema tal-Ġada".
  • 1B-2 hija binja li wkoll kienet tinsab fin-Nofsinhar tal-Pjazza tal-Akropoli. Hija iżgħar mill-istruttura 1B-1, li tmiss magħha, u l-ħitan t'isfel tagħha għadhom weqfin. Kienet binja residenzjali żgħira li kienet imżejna b'mod elaborat b'lavur skolpit tal-ġebel. Din l-istruttura x'aktarx li kienet ir-residenza ta' K'ak' Tiliw Chan Yopaat.
  • 1B-3 u 1B-4 huma strutturi fuq in-naħa tal-Punent tal-Pjazza tal-Akropoli, u għad fadal biss il-ħitan t'isfel. Bejn dawn iż-żewġ strutturi hemm ħajt wieqaf mingħajr riffieda li huwa iktar antik. Dan il-ħajt fih freġju bil-mużajk li jħares lejn il-Punent u jinkludi xbihat, li issa huma bla ras, ta' Kinich Ahau, l-alla tax-xemx.
  • 1B-5 hija struttura li tinsab fin-Nofsinhar tal-Pjazza tal-Akropoli, fir-rokna tax-Xlokk tal-Pjazza tal-Piċċ tal-Logħba tal-Ballun. Wieħed kien jaċċessa din l-istruttura permezz ta' taraġ wiesa' mill-Pjazza tal-Akropoli lejn in-Nofsinhar, b'daħla unika li tagħti għal seba' kompartimenti interkonness. Din hija l-ikbar binja f'Quiriguá u l-ħitan tagħha għadhom weqfin. Inbniet matul ir-renju tas-"Sema tal-Ġada".
  • 1B-6 hija binja lejn il-Lvant tal-Pjazza tal-Akropoli u kien fiha santwarju tal-antenati; dan jirrifletti tradizzjoni dejjiema li ġiet osservata għall-ewwel darba f'Tikal. Taħt din il-binja kien hemm qabar b'ċangaturi tax-xist, b'difna tal-elit. X'aktarx li l-fdalijiet kienu ta' individwu maskili; is-snien kienu ingastati bil-ġada, u kienet tpoġġiet żibġa tal-istess materjal fil-ħalq. L-offerti assoċjati taċ-ċeramika jwasslu biex dan il-qabar jiġi datat li jmur lura għall-Klassiku Bikri.
  • 1B-7 huwa piċċ tal-logħba tal-ballun, li nbena minn K'ak' Tiliw Chan Yopaat biex jissostitwixxi l-piċċ tal-logħba tal-ballun fil-qafas tal-espansjoni tiegħu tal-akropoli. Il-piċċ tal-logħba tal-ballun jinsab fil-Pjazza tal-Piċċ tal-Logħba tal-Ballun, imsemmija għalih, lejn il-Majjistral tal-akropoli. Il-piċċ tal-logħba tal-ballun huwa orjentat mil-Lvant għall-Punent, xi ħaġa mhux tas-soltu fir-reġjun tal-Maja, fejn tradizzjonalment il-piċċijiet tal-logħba tal-ballun ikunu orjentati mit-Tramuntana għan-Nofsinhar.
  • 3C-1 hija pjattaforma wiesgħa tal-ħamrija fil-qiegħ tal-wied, u tmur lura għal nofs il-perjodu Klassiku. Din hija waħda mill-kostruzzjonijiet bikrin tas-sit, u partijiet minnha baqgħu jintużaw wara għargħar katastrofiku.
  • 3C-7 huwa grupp ta' strutturi li jmur lura għall-Klassiku Bikri. Dan il-grupp jinsab fil-pjanura tal-għargħar, ftit 'il bogħod lejn it-Tramuntana tal-akropoli.
  • 3C-8 huwa grupp ieħor ta' strutturi tal-Klassiku Bikri li jinsab lejn it-Tramuntana tal-akropoli.
  • Lok 011 u Lok 057 jaf kienu postijiet tal-għassa; dawn kienu ppożizzjonati fil-punti fejn ix-xmajjar Quiriguá u Jubuco kienu jidħlu fil-Wied ta' Motagua, u jaf intużaw għall-kontroll tat-traffiku li kien jgħaddi minnhom tul dawn ir-rotot. Il-Lok 057 kien jinsab tul waħda mir-rotot probabbli lejn Copán u jaf kien post tal-għassa kontra ġellieda tal-għadu wara li r-rebħa ta' K'ak' Tiliw Chan Yopaat kontra Copán.
  • Lok 122 u Lok 123 huma gruppi ta' strutturi li jinsabu fil-pjanura tal-għargħar fin-Nofsinhar tax-xmara. Lok 122, għalkemm ma ġiex skavat, huwa kumpless li jikkonsisti minn tumbata piramidali u pjazza orhentata mill-Grigal għall-Majjistral, simili għal xi kumplessi tal-Pre-Klassiku fl-artijiet għoljin, u għal din ir-raġuni huwa maħsub li jmur lura għal dak il-perjodu.

Il-Gruppi A, B u Ċ jinsabu f'distanza ta' 1.5–5 kilometri (1–3 mili) mill-qalba tas-sit.

  • Il-Grupp A huwa kumpless fil-quċċata ta' għolja li jmur lura bejn wieħed u ieħor għall-Klassiku Bikri. Stele li nstabet f'dan il-grupp tmur lura għall-493.
  • Il-Grupp B, magħruf ukoll bħala l-Grupp 7A-1, jinsab lejn it-Tramuntana tal-qalba tas-sit. Fih instabet l-Istele S li hija pjuttost mikula mill-elementi, u li fil-qedem tneħħiet mill-Pjazza l-Kbira għal hawnhekk.
  • Il-Grupp Ċ fih stele mhux skolpita.

Il-monumenti f'Quiriguá jinkludu steli kbar mhux tas-soltu, imnaqqxa b'mod elaborat minn blokok uniċi tal-ġebel ramli ħamrani, li ġie ttrasportat mill-barrieri xi 5 kilometri (3 mili) 'il bogħod. Il-karatteristiċi ta' dan il-blat iebes ippermettew lill-artiġjani lokali jipproduċu skulturi b'bassoriljievi li jispikkaw permezz ta' wċuħ tridimensjonali, b'kuntrast mal-iskulturi bidimensjonali kontemporanji tar-reġjun ta' Petén. Wara t-telfa u l-ġustizzjar tar-re ta' Copán fis-738, l-istil tal-iskulturi ta' Quiriguá kien jixbaħ ħafna lil dak ta' Copán. L-isteli enormi ta' Quiriguá oriġinarjament kienu viżibbli mix-xmara Motagua, li fl-imgħoddi kellha fluss li kien jgħaddi qrib in-naħa tal-Punent tal-Pjazza l-Kbira, u kienu jħabbru s-setgħa l-ġdida miksuba tal-belt lill-kummerċjanti li jinzertaw jgħaddu minn hemmhekk. Il-monumenti jinkludu panewijiet twal ta' testi glifiċi li jitqies fost l-iżjed kumplessi u sbieħ tal-kitbiet imnaqqxin kollha tal-Maja.

Karatteristika ta' dawn it-testi hija l-użu ta' simboli glifiċi sħaħ, u minflok l-iżbarra u t-tikek tas-soltu tal-kitba tal-Maja fihom rappreżentazzjonijiet imnaqqxin mirquma tad-divinitajiet. Madankollu, sal-aħħar tas-seklu 8, Quiriguá kienet żviluppat stil oriġinali bil-produzzjoni ta' ħaġriet skolpiti b'mod elaborat fil-forom ta' annimali mitoloġiċi kompożiti b'elementi ta' rospi, ġagwari, kukkudrilli u għasafar tal-priża; dawn l-iskulturi jissejħu bħala skulturi żoomorfiċi u tlestew minn żewġ rejiet li ġew wara l-mewt ta' K'ak' Tiliw Chan Yopaat fis-785.

Hemm ukoll diversi artali u skulturi li jintużaw bħala tiżjin fil-faċċati tal-binjiet; il-biċċa l-kbira tal-monumenti ta' Quiriguá għandhom monumentalità formali grandjuża li hija pjuttost riġida meta mqabbla mal-grazzja naturalistika tal-arti ta' xi siti oħra tal-Maja. Traċċi ta' pigmenti ħomor instabu fuq uħud mill-monumenti u l-biċċa l-kbira tal-monumenti x'aktarx li kienu mpittrin bl-aħmar, il-lewn tat-twelid, tas-sagrifiċċju u tat-tiġdid.

  • L-Istele A ttellgħet fis-775 minn K'ak' Tiliw Chan Yopaat. L-Istele A u l-Istele Ċ jiffurmaw par u t-tnejn li huma ġew iddedikati fid-29 ta' Diċembru 775.
  • L-Iskultura Żoomorfika B ġiet iddedikata fis-780 minn K'ak' Tiliw Chan Yopaat; hija ħaġra li fiha piż ta' bosta tunnellata u ġiet imnaqqxa bl-għamla ta' annimal nofsu kukkudrill u nofsu muntanja. It-test ġeroglifiku fuq dan il-monument jikkonsisti minn simboli glifiċi sħaħ. Fuq din l-iskultura żoomorfika ta' 4 metri (13-il pied) instabu traċċi ta' pigmenti ħomor. Senduq bid-dedika nstab midfun f'foss taħt l-Iskultura Żoomorfika B, u kien jinkludi seba' xfafar taż-żnied twal bejn 14 u 46 ċentimetru (bejn 5.5 u 18.1-il pulzier).
  • L-Istele Ċ ittellgħet fis-775 minn K'ak' Tiliw Chan Yopaat. It-test ġeroglifiku fih referenzi għall-455 u għar-re bikri Tutuum Yohl K'inich. L-istele fiha referenza wkoll għad-data 13.0.0.0.0 4 Ahaw 8 Kumk'u (it-13 ta' Awwissu 3114 Q.K.). Din id-data ġiet irreġistrata fir-reġjun kollu tal-Maja bħala l-bidu tal-ħolqien attwali, meta d-divinitajiet ingħataw l-ordni tagħhom. L-Istele Ċ tifforma par mal-Istele A u ġiet iddedikata fl-istess data.
  • L-Istele D tmur lura għas-766, matul ir-renju ta' K'ak' Tiliw Chan Yopaat. Fiha verżjonijiet antropomorfiċi sħaħ relattivament rari u stravaganti tal-ġeroglifiċi tal-Maja fuq in-naħat ta' fuq tal-ġnub tagħha, li għadhom ippreservati sew. L-Istele D hija għolja madwar 6 metri (20 pied).
  • L-Istele E tinsab fin-naħa tat-Tramuntana tal-Pjazza l-Kbira. Din l-istele ġiet iddedikata fl-24 ta' Jannar 771 minn K'ak' Tiliw Chan Yopaat. Ix-xaft totali tagħha huwa għoli 10.6 metri (35 pied), inkluż il-parti midfuna li żżommha f'postha, li fiha ftit inqas minn 3 metri (10 piedi). Din l-istele monolitika enormi hija l-ikbar ħaġra li qatt inħadmet mill-Maja tal-qedem u tiżen madwar 65 tunnellata; jaf saħansitra hija l-ikbar ħaġra monolitika maħduma mingħajr riffieda fid-Dinja l-Ġdida. Fl-1917, din l-istele diġà bdiet ixxaqleb minn pożizzjoni vertikali, u finalment waqgħet għalkollox wara xita qliel, għalkemm baqgħet ma tkissritx. Fl-1934 sar tentattiv biex l-istele terġa' titwaqqaf permezz ta' taljola u kejbils tal-azzar, iżda matul dan il-proċess il-kejbilx tqaċċtu u l-istele monolitika waqgħet u tkissret f'diversi biċċiet, li mbagħad ġew magħqudin flimkien bl-użu tal-konkos. Din l-istele fiha ritratti ta' K'ak' Tiliw Chan Yopaat fuq in-naħa ta' quddiem u fuq in-naħa ta' wara.
  • L-Istele F hija ħaġra monolitika enormi, għolja 7.3 metri (24 pied) u mnaqqxa mill-ġebel ramli. Fiha rappreżentazzjonijiet ta' K'ak' Tiliw Chan Yopaat fuq in-naħat tat-Tramuntana u tan-Nofsinhar tagħha u kitbiet ġeroglifiċi mnaqqxa fuq in-naħat tal-Lvant u tal-Punent. Tmur lura għas-761 u meta ttellgħet kienet l-ogħla monument li qatt ittella' mill-Maja; qabżitha biss l-Isele E meta ttellgħet 10 snin wara.
  • L-Iskultura Żoomorfika G hija monument li jfakkar lil K'ak' Tiliw Chan Yopaat, u ġiet iddedikata matul ir-renju ta' "Xul tas-Sema". Turi wiċċ ir-re mejjet jitfaċċa mix-xedaq ta' ġagwar enormi. It-test ta' dan il-monument jiddeskrivi l-mewt u d-dfin tal-ikbar re ta' Quiriguá.
  • L-Istele H tmur lura għas-751, matul ir-renju ta' K'ak' Tiliw Chan Yopaat. Is-simboli glifiċi tagħha huma rranġati b'xejra rari kkupjata minn Copán. L-istele fiha tinqix mad-dawra kollha tagħha. Taħt l-istele nstabet xafra taż-żnied, li ġiet midfuna bħala offerta meta ġiet iddedikata l-istele. Il-kitbiet ġeroglifiċi mnaqqxa fuq l-Isele H huma mikulin sew.
  • L-Istele J ittellgħet minn K'ak' Tiliw Chan Yopaat fis-756 u fiha tinqix mad-dawra kollha tagħha. Hija għolja 5 metri (16-il pied) u tinsab fin-naħa tan-Nofsinhar tal-Pjazza l-Kbira. Is-senduq bl-offerti kien jikkonsisti minn kaxxa tat-tafal b'kontenut mhux magħruf.
  • L-Artal L ma tantx fih lavur u jmur lura għas-653. It-test ġeroglifiku juri isem ir-re K'awiil Yopaat u jsemmi wkoll lil "Imix tad-Duħħan", it-12-il re ta' Copán. L-artal tond huwa magħmul mir-rijolit u għandu dijametru ta' metru (39 pulzier) u huwa oħxon 0.25 metri (10 pulzieri). L-istil skulturali ta' dan l-artal huwa uniku, u juri affinitajiet mas-sit distanti ta' Caracol fil-Belize.
  • L-Artal M huwa monument mudest u huwa l-iktar monument bikri magħruf iddedikat minn K'ak' Tiliw Chan Yopaat. L-importanza ta' dan il-monument hija t-test tiegħu, fejn ir-re rinomat ta' Quiriguá ħa t-titlu ta' k'uhul ajaw, sinjur imqaddes, u beda l-ħidma tiegħu għall-indipendenza minn Copán. Din l-iskultura tar-rijolit ġiet iddedikata fil-15 ta' Settembru 734 u għandha l-għamla ta' ras ta' mostru, x'aktarx ta' xi kukkudrill.
  • L-Artal N huwa skultura żgħira oħra tar-rijolit bi stil simili għal dak tal-Artal M. Din l-iskultura għandha l-għamla ta' qoxra ta' fekruna tal-ilma b'kranju b'mera ma' moħħha fuq naħa u figura anzjana fuq naħa oħra. Din hija rappreżentazzjoni tad-divinità biċefalika Pawatun (l-Alla N), divinità prominenti tal-mejtin.
  • L-Iskultura Żoomorfika O tirrappreżenta mostru ibridu nofsu kukkudrill u nofsu muntanja, u ġiet iddedikata fis-790 mir-re "Xul tas-Sema". Qribha hemm artal li juri divinità tas-sajjetti. Din l-iskultura tinsab fil-Pjazza tal-Piċċ tal-Logħba tal-Ballun, lejn in-Nofsinhar tal-piċċ tal-logħba tal-ballun stess.
  • L-Iskultura Żoomorfika P (li l-esploratur Maudslay laqqam Il-Fekruna l-Kbira tal-Ilma) ġiet iddedikata fis-795 minn "Xul tas-Sema" u hija kapulavur tal-arti Mesoamerikana. Tiżen madwar 20 tunnellata. Fuq naħa turi r-ritratt enormi ta' "Xul tas-Sema" innifsu bilqiegħda b'riġlejh ġo xulxin fix-xedaq miftuħ beraħ ta' mostru ibridu enormi nofsu kukkudrill u nofsu muntanja. Id-disinn ta' din l-iskultura żoomorfika huwa ferm elaborat u l-monument kollu huwa mnaqqax minn fuq s'isfel b'mod mirqum. Tinsab fil-Pjazza tal-Piċċ tal-Logħba tal-Ballun, lejn in-Nofsinhar tal-piċċ tal-logħba tal-ballun stess. Qrib l-Iskultura Żoomorfika P hemm artal li juri divinità mhux identifikata li tidher ħierġa minn xaqq fid-Dinja. Test ġeroglifiku fuq l-iskultura żoomorfika jiddeskrivi l-istabbiliment ta' Quiriguá taħt is-superviżjoni tar-re ta' Copán. Fuq dan il-monument instabu traċċi ta' pigment aħmar, u dan jissuġġerixxi li oriġinarjament kien impitter bl-aħmar.
  • L-Artal Q u l-Altar R huma żewġ artali tondi żgħar tar-rijolit li x'aktarx kienu jintużaw bħala markaturi tal-piċċ tal-logħba tal-ballun għall-iżjed piċċ bikri tal-logħba tal-ballun, l-Istruttura 1B-sub.4 mirduma. Flimkien ma' ħaġra oħra, dawn kienu jimmarkaw l-assi ċentrali tal-piċċ tal-logħba tal-ballun. Iż-żewġ artali fihom figuri bilqiegħda b'riġlejh ġo xulxin b'riljiev ħafif.
  • L-Istele S hija l-iżjed monument bikri eżistenti ta' K'ak' Tiliw Chan Yopaat, u tmur lura għas-746. Oriġinarjament kienet tinsab fin-naħa tat-Tramuntana tal-Pjazza l-Kbira iżda ġiet imċaqilqa lejn grupp periferiku fil-qedem. Hija mikula ferm, u jaf ġarrbet xi ħsarat matul il-proċess taċ-ċaqliq. Hija magħmula mill-ġebel ramli u turi l-figura ta' K'ak' Tiliw Chan Yopaat fuq quddiem, filwaqt li t-tliet naħat l-oħra huma miksijin b'testi ġeroglifiċi. B'xorti ħażina, minħabba l-erożjoni kbira li ħakmet l-istele, il-biċċa l-kbira tat-test ma jinqarax. L-Istele S hija għolja 2.8 metri (9 piedi; mingħajr ma tiġi inkluża l-parti tal-istele li tinsab taħt l-art) u d-dimensjonijiet tal-bażi huma ta' 1.6 metru (5.2 piedi) b'1.2 metru (3.9 piedi); b'hekk hija l-iżjed stele enormi bikrija ta' Quiriguá, għalkemm hija ferm iżgħar mill-isteli li ġew warajha.
  • L-Istele T ġiet iddedikata fis-692 minn mexxej mhux magħruf. Hija skultura tax-xist mikula sew u fiha simboli glifiċi li ma tantx għadhom jingħarfu flimkien ma' figura li ma tantx ġiet ippreservata sew. L-istele għandha stil konservattiv u hija simili għall-Istele U li hija ferm eqdem.
  • L-Istele U ġejja mill-Grupp A u fiha ritratt mikul sew ta' re u estiż fuq tliet naħat tagħha. Dan l-istil oriġina f'Tikal u jindika li kien hemm kuntatt mar-reġjun ċentrali ta' Petén. Din l-istele għandha data identifikabbli, li tikkorrispondi għat-18 ta' April 480, u referenza għal ritwal taħt is-superviżjoni tar-re ta' Copán. Din l-istele hija magħmula mix-xist u hija mkissra f'żewġ biċċiet, fl-għoli tal-irkopptejn – milli jidher din il-ħsara saret apposta waqt attakk minn għedewwa mhux magħrufa. Oriġinarjament kienet għolja 2.7 metri (9 piedi).
  • Il-Monument 25 huwa kolonna tonda sempliċi magħmula mix-xist. Il-monument huwa għoli madwar 2.5 metri (8 piedi) u għandu dijametru ta' 0.6 metri (2 piedi). Instab fil-Lok 011.
  • Il-Monument 26 huwa stele b'tinqix ma' kull naħa u nstab qrib l-istruttura 3C-1. Fuq in-naħa ta' wara, hemm test ġeroglifiku b'data li tikkorrispondi għall-493, u dan it-test isemmi wkoll it-tielet u r-raba' mexxejja ta' Quiriguá iżda attwalment l-ismijiet tagħhom ma għadhomx jinqraw. Dan il-monument huwa tax-xist u oriġinarjament kien għoli 2 metri (6.6 piedi) iżda l-istele tkissret fil-qedem, milli jidher apposta, fil-livell tal-irkopptejn. L-għajn tax-xellug fir-ritratt tal-mexxej ġiet mibruxa u mħassra apposta; ħsara karatteristika li kienu jagħmlu l-ġellieda invażuri. Ġew irkuprati żewġ biċċiet biss, parti ta' fuq li fiha metru (3.3 piedi) u parti t'isfel li fiha 0.6 metri (2 piedi).
  • Il-Monument 29 u l-Monument 30 huma kolonni tax-xist imnaqqxin, mikulin sew u twal ftit iktar minn metru. Dawn instabu flimkien f'foss modern tad-drenaġġ lejn it-Tramuntana u l-Majjistral taċ-ċentru ċerimonjali ta' Quiriguá. Milli jidher kienu skulturi antropomorfiċi jew ta' xadini bilwieqfa fuq pedestalli b'idejhom fuq sidirhom. Huwa maħsub abbażi tal-istil tagħhom li dawn iż-żewġ monumenti jmorru lura għall-Pre-Klassiku Aħħari.
  1. 1 2 Centre, UNESCO World Heritage. "Archaeological Park and Ruins of Quirigua". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-12-05.