Prolattinoma
Il-prolattinoma hija tumur (adenoma) tal-glandola pitwitarja li tipproduċi l-ormon prolattina. Hija l-iktar tip ta’ tumur pitwitarju komuni attiv. Is-sintomi tal-prolattinoma huma kkawżati minn livelli għolja anormali tal-prolattina fid-demm (iperprolattinemija), jew kawża tal-pressjoni tat-tumur fuq it-tessut ta’ madwar il-moħħ u/jew in-nervituri ottiċi. Abbażi tad-daqs tagħha, il-prolattinoma tista’ tkun klassifikata bħala mikroprolattinoma (dijametru ta’ <10mm) jew makroprolattinoma (dijametru ta’ >10mm).
Is-sinjali u s-sintomi
[immodifika | immodifika s-sors]L-iktar sintomi komuni fil-mument tad-dijanjosi jvarjaw ta’ spiss bejn l-irġiel u n-nisa. In-nisa għandhom tendenza li jesperjenzaw iktar sintomi relatati direttament ma’ livelli għolja anormali tal-prolattina, bħall-produzzjoni inapproprjata tal-ħalib (li sseħħ barra miż-żmien tat-treddigħ jew twelid riċenti) jew nuqqas ta’ menstruwazzjoni. B’kuntrast, l-irġiel x’aktarx għall-ewwel jippreżentaw ruħhom bis-sintomi tat-tumur jagħfas fuq it-tessut ta’ moħħhom, bħal uġigħ ta’ ras u tibdil fil-vista, kif ukoll juru problemi ta’ fertilità u tħarbit ormonali bħan-nuqqas ta’ libido.
Is-sintomi kkawżati mill-prolattinoma huma ġeneralment maqsumin f’dawk li huma kkawżati minn żieda fil-livelli tal-prolattina u dawk ikkawżati direttament mill-massa nfisha. Dawk li huma kkawżati minn żieda fil-livelli tal-prolattina huma:
- amonerrea (nuqqas ta’ perjodi menstruwali)
- galattorea (il-produzzjoni tal-ħalib fis-sider; inqas komuni fl-irġiel)
- nuqqas ta’ pil taħt l-idejn u pil pubiku
- ipogonadiżmu (nuqqas ta’ funzjoni tal-gonadi)
- ġinekomastja (żieda fid-daqs tas-sider fl-irġiel)
- disfunzjoni erettili
Dawk li huma kkawżati direttament mill-massa nfisha huma:
- uġigħ ta’ ras
- tibdil fil-vista (defiċit taż-żona viżwali, vista mċajpra, nuqqas ta’ akutezza viżwali)
- paralisijiet tan-nervituri kranjali, speċjalment f’tumuri invażivi jew f’puplesiji pitwitarji
- rarament, seizures, idroċefalu, u esoftalmu unilaterali
- ipopitwitriżmu
- puplesija pitwitarja (Emerġenza medika kkawżata minn emorraġija spontanja tat-tumur jew minn provvista dgħajfa tad-demm għal għarrieda lejn il-glandola pitwitarja. Is-sintomi jinkludu wġigħ ta’ ras sever, tibdil fil-vista, u panipopitwitariżmu akut. Jekk ma tkunx ikkurata, ir-riżultat tan-nuqqas ta’ kortisol fil-ġisem – kriżi adrenali – jista’ jwassal għall-mewt.)
L-infertilità
[immodifika | immodifika s-sors]Il-prolattinoma tista’ tikkawża l-infertilità, b’mod temporanju jew permanenti, kemm fil-pazjenti rġiel kif ukoll nisa. Hija waħda mill-iktar kawżiet komuni ta’ infertilità fin-nisa, b’xi sorsi jistmaw li daqs 20% tal-infertilità tan-nisa hija kkawżata mill-iperprolattinemija. Il-prolattinoma tirrappreżenta proporzjon iżgħar ta’ infertilità fl-irġiel. Madankollu, fost il-persuni li għandhom il-prolattinomi, x’aktarx l-irġiel jesperjenzaw iktar l-infertilità għax it-tumuri tagħhom spiss huma iktar aggressivi u b’mod iktar frekwenti jikkawżaw l-ipogonadiżmu.
Il-kawżi
[immodifika | immodifika s-sors]Ta’ spiss, il-prolattinoma hija tumur sporadiku, li jfeġġ f’persuni mingħajr ebda fatturi konkreti ta’ riskju jew membri tal-familja b’kundizzjonijiet simili. Fi ftit każijiet, il-ġenetika tippredisponi lill-pazjenti għal tumur wieħed jew iktar tal-glandola pitwitarja matul ħajjithom. F’ħafna mill-każijiet tal-prolattinoma l-ebda kawża jew fattur ta’ riskju mhuma magħrufa.