Portiċi ta' Bologna

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Portiċi ta' Bologna f'Via Saragozza

Il-Portiċi ta' Bologna jirrappreżentaw wirt arkitettoniku u kulturali importanti għall-belt ta' Bologna, l-Italja, u huma s-simbolu tal-belt flimkien ma' diversi torrijiet. Fid-dinja kollha ma teżisti l-ebda belt oħra li għandha għadd ta' portiċi daqstant kbir daqs Bologna: kollha f'daqqa, il-portiċi għandhom tul ta' iżjed minn 38 kilometru fiċ-ċentru storiku tal-belt biss[1], u jlaħħqu tul ta' 53 kilometru jekk wieħed iqis dawk li jinsabu 'l barra miċ-ċentru storiku.

Bħala rikonoxximent tal-importanza artistika u kulturali tagħhom, il-maġġoranza tal-portiċi ta' Bologna ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021.[2][3][4][5]

Storja[immodifika | immodifika s-sors]

«Spiss, fis-sagħtejn ta' filgħodu, jien u dieħel lura d-dar fejn qed noqgħod, f'Bologna, għaddej mill-portiċi twal, ruħi mqanqla minn dak li kienu għadhom kemm raw għajnejja, jien u miexi minn quddiem dawk il-binjiet, bid-dellijiet kbar tagħhom iffurmati bid-dawl tal-qamar, kien jiġrili li nieqaf, mimli hena, biex ngħid lili nnifsi: Xi ġmiel!»
(Stendhal, Voyages en Italie, 1826)
Il-Portiċi ta' Bologna bid-djar bir-riffieda tal-injam fuqhom

Il-Portiċi ta' Bologna bdew jinbnew kważi b'mod spontanju, x'aktarx fl-aħħar tal-Medju Evu, bħala twessigħ (fil-bidu b'mod illegali) ta' binjiet privati fuq art pubblika[6], bl-iskop li jitwessa' l-ispazju tal-għajxien fi ħdanhom. L-ewwel dokumentazzjoni storika tmur lura għall-1041.[7] Fil-bidu d-djar kienu jitwessgħu bit-twessigħ tas-sulari ta' fuq, li kienu jserrħu fuq riffieda tal-injam li min-naħa tagħhom kienu jirfdu fuq xorok imtawlin sal-attiku, u fil-każ ta' twessigħ sinifikanti b'riffieda qishom xkaffi msejħa "beccadelli". Maż-żmien, ir-riffieda baqgħu jikbru u kien meħtieġ li jinbnew kolonni ta' sostenn mill-baxx biex ma jikkrollawx, u dan wassal għall-ħolqien tal-portiċi.[8]

Il-portiċi kienu joffru l-kenn mill-maltemp u mix-xemx qawwija, u wieħed seta' jimxi minn triq għal oħra fi kwalunkwe tip ta' temp. Barra minn hekk, il-portiċi kienu wkoll mezz ta' tkabbir tal-attivitajiet kummerċjali u artiġjanali, u bis-saħħa tagħhom l-għajxien fil-pjan terran kien ferm aħjar, peress li kien ikun hemm distanza ta' iżolament mill-iskart u mid-dranaġġ fit-toroq.

Fis-sekli ta' wara, is-suċċess tal-portiċi ġie ddeterminat mill-ħtieġa li tiġi indirizzata ż-żieda kbira fil-popolazzjoni minħabba l-wasla tal-istudenti u tal-istudjużi fl-Università ta' Bologna, iżda anke minħabba l-immigrazzjoni mill-kampanja lejn il-belt. It-tkabbir massiċ tal-portiċi seħħ mill-bidu tal-1288, meta sejħa muniċipali stabbiliet li d-djar ġodda kollha kellhom jinbnew bil-portiċi, filwaqt li dawk li diġà kienu eżistenti u ma kellhomx portiċi kellhom iżiduhom, u b'hekk il-piż tal-manutenzjoni waqa' s-sidien, iżda ġie ggarantit l-użu tal-art pubblika mill-pubbliku inġenerali. Is-sejħa kienet tispeċifika li d-djar kellhom ikunu għoljin u wesgħin mill-inqas daqs 7 piedi ta' Bologna (2,66 metri), biex b'hekk setgħu jgħaddu kemm in-nies kif ukoll iż-żwiemel. Dawn id-direttivi ma ġewx irrispettati fl-ifqar żoni, u l-portiċi hemmhekk inbnew inqas għoljin milli suppost. L-istatuti tal-1352 imponew għoli u wisa' ta' 10 piedi (3,60 metri) għall-binjiet il-ġodda.[9]

Fil-bidu l-portiċi kienu nbnew bl-injam, iżda mbagħad maż-żmien, speċjalment wara li nħareġ digriet fis-26 ta' Marzu 1568 mill-gvernatur Papali, il-Mons. Giovanni Battista Doria u mill-Bandalor Camillo Paleotti, il-portiċi nbnew bil-brikks jew bil-ġebel. Minkejja dan, fil-belt għad hemm binjiet bil-portiċi tal-injam; uħud minnhom imorru lura għall-Medju Evu, filwaqt li oħrajn ġew rikostruwiti fil-bidu tas-seklu 20.

Fit-tieni nofs tas-seklu 16 tfaċċaw uħud mill-iżjed portiċi-loġoġ importanti ta' Bologna: il-portiku li jirfed u jaħbi l-Knisja ta' San Bartilmew u San Gejtanu fit-triq ewlenija Strada Maggiore, mibni minn Andrea da Formigine, u l-loġġa tal-Palazzo del Monte f'Via Galliera. Madankollu, xi familji nobbli tal-belt riedu jiddistingwu ruħhom u jsegwu l-hekk imsejħa "moda Rumana" u staqsew biex ma jkollhom għalfejn jibnu d-djar tagħhom bil-portiċi. Minħabba f'hekk f'Bologna nbnew binjiet mingħajr il-portiċi, pereżempju l-Palazzi Davia-Bargellini, Fantuzzi, Bevilacqua, u Bentivoglio.

Casa Isolani

Portiċi rilevanti[immodifika | immodifika s-sors]

Portiċi Medjevali[immodifika | immodifika s-sors]

Eżempju famuż ħafna ta' portiku Medjevali hija l-binja ta' Casa Isolani fi Strada Maggiore. Il-portiku, mirfud fuq travi għoljin ħafna tal-injam (bejn wieħed u ieħor disa' metri), inbena għall-ħabta tal-1250. Huwa wieħed mill-ftit eżempji li waslu sa żminijietna ta' kostruzzjonijiet ċivili ta' Bologna tas-seklu 13 u bi stil Rumanesk-Gotiku. It-travi huma tal-ballut u jsostnu r-riffieda tat-tielet sular tal-binja. Eżempji oħra ta' portiċi Medjevali tal-injam huma l-binjiet ta' Casa Grassi u d-djar ta' faċċata f'Via Marsala, Casa Azzoguidi f'Via San Nicolò u Casa Ramponesi f'Via del Carro.

Portiċi Rinaxximentali[immodifika | immodifika s-sors]

F'Bologna hemm diversi eżempji ta' arkitettura Rinaxximentali, bħall-portiku tal-ġenb tal-Bażilika ta' San Giacomo Maggiore f'Via Zamboni, il-Palazzo Bolognini-Isolani u Case Beccadelli f'Piazza Santo Stefano, l-arkati mżejnin b'motivi bil-fjuri tal-Palazzo del Podestà u l-portiku għoli ħafna magħruf bħala "Portico dei Bastardini" f'Via D'Azeglio, li ssejjaħ hekk għaliex taħt il-volti tiegħu sal-1797 kien hemm l-orfanatrofju tal-belt.

Il-Portiku tal-Paviljun[immodifika | immodifika s-sors]

Portiku mimli nies jippassiġġaw f'Bologna

Il-Portiku tal-Paviljun (Portico del Pavaglione) huwa fil-fatt loġġa estiża minn Via De' Musei sa Via Luigi Carlo Farini, maġenb Via dell'Archiginnasio u Piazza Luigi Galvani. Fl-aħħar biċċa tal-portiku hemm il-binja storika tal-Archiginnasio, l-ewwel sede unifikata tal-istudji ta' Bologna, li nbniet lejn nofs is-seklu 16 fuq ordni tal-Papa Piju IV u skont il-pjanta ta' Terribilia. Il-portuku huwa twil 139 metru fuq 30 arkata u jirrappreżenta passiġġata tradizzjonali eleganti tal-belt. Isem il-portiku ġej minn isem il-Piazza del Pavaglione (attwalment Piazza Galvani) fejn kien jarma s-suq tad-dud tal-ħarir (Pavajon bid-djalett ta' Bologna tfisser Paviljun jew Padiglione bit-Taljan).

Il-Portiku tal-Paviljun inizjalment kien magħmul b'kostruzzjoni tal-injam (u mhux b'tinda kbira kif ġieli jingħad). Fis-27 ta' Ġunju 1449, il-Kamra tal-Kummerċ stabbiliet li s-suq jibda jsir b'mod perpetwu f'waħda mid-djar tal-"Fabbrica di San Petronio" (organizzazzjoni li kienet tieħu ħsieb il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tal-binja) fuq in-naħa ta' wara tal-knisja.

Fl-1563, Papa Piju IV ordna li wħud minn dawn id-djar jitwaqqgħu biex minflokhom ikun hemm pjazza għas-suq u ordna wkoll li fl-20 ta' Novembru ta' kull sena jintużaw 150 skud tad-deheb mir-rikavat tal-ġustizzja bħala kumpens għall-istess "Fabbrica di San Petronio".

Il-pjazza l-ġdida fil-bidu ssejħet "Piazza dell’Accademia", u mbagħad "Piazza dell’Archiginnasio", "Piazza delle Scuole" u "Piazza del Pavaglione".

Fl-1566 twaqqgħet ukoll id-dar ta' Floriano Dolfi biex jiżdied l-ispazju disponibbli.

Portiċi 'l barra miċ-ċentru storiku[immodifika | immodifika s-sors]

Portiku tal-Alemanni[immodifika | immodifika s-sors]

Dan il-portiku huwa l-eqdem portiku ta' Bologna li nbena 'l barra miċ-ċentru storiku tal-belt u huwa t-tieni l-itwal wara l-portiku li jwassal sas-Santwarju ta' San Luqa. Il-portiku huwa twil 650 metru u għandu 167 arkata; inbena bejn l-1619 u l-1631 fuq ordni tal-Karmelitani tal-Knisja ta' Santa Maria Lacrimosa degli Alemanni. Il-portiku jikkollega l-knisja, fil-Via Mazzini attwali (li qabel kienet Via Emilia), ma' Porta Maggiore, waħda mit-12-il bieb jew daħla ta' aċċess tat-tielet grupp ta' swar (li nbnew fis-seklu 13).[10]

Il-Portiku ta' San Luqa

Portiku ta' San Luqa[immodifika | immodifika s-sors]

L-itwal portiku fid-dinja huwa l-Portiku ta' San Luqa, b'tul ta' 3,796 metru u b'666 arkata: jibda mill-Arkata ta' Bonaccorsi ta' Porta Saragozza u jwassal sal-quċċata tal-għolja msejħa Colle della Guardia, fejn hemm is-Santwarju famuż tal-Madonna ta' San Luqa. Dan il-post huwa post fejn il-pellegrini jqimu l-ikona tal-Verġni Mqaddsa bil-Bambin.

Il-portiku nbena bejn l-1674 u l-1721 bis-saħħa tal-kontribut taċ-ċittadini kollha. Il-proġett ta' Camillo Saccenti u ta' Gian Giacomo Monti ġie konkluż minn Carlo Francesco Dotti, li pproġetta wkoll l-arkata msejħa "Arco del Meloncello".[11] Tul il-portiku wieħed jista' jammira l-ewwel arkata pproġettata mill-arkitett Monti, l-istatwi tal-Madonna ħoxna u tal-Bambin ta' Andrea Ferreri u ħmistax-il kappella żgħira fejn hemm pitturi tal-misteri tar-Rużarju li fil-biċċa l-kbira kważi ntilfu għalkollox.

Portiku tal-Monasteru Kartesjan[immodifika | immodifika s-sors]

Il-portiku taċ-Ċimiterju Monumentali tal-Monasteru Kartesjan ta' Bologna beda jinbena fl-1811 u ġie pproġettat minn Ercole Gasparini, li kien ipproġetta wkoll l-arkata tad-daħla. Fl-ewwel arkata hemm ukoll skulturi ta' Cesare Ghibelli u ta' Giovanni Putti, filwaqt li epigrafu jfakkarna li taħt dan il-portiku Ugo Bassi kien inqatel mit-truppi Awstrijaċi fit-8 ta' Awwissu 1849.

Rekords[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Portiku ta' Santa Maria dei Servi

L-usa' portiku tal-belt[immodifika | immodifika s-sors]

Lejn l-aħħar tas-seklu 14 inbena l-Portiku ta' Santa Maria dei Servi fi Strada Maggiore, li llum il-ġurnata jitqies bħala l-usa' portiku tal-belt. Il-proġett oriġinali ġie attribwit lill-arkitett famuż Antonio di Vincenzo u l-kostruzzjoni tiegħu nbdiet fl-1393 u ntemmet saħansitra fl-1855 bil-bini tal-kwadriportiku quddiem il-faċċata.[12]

L-ogħla portiku tal-belt[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Portiku tal-Palazzo dell'Arcidiocesi ta' Bologna f'Via Altabella huwa l-ogħla portiku tal-belt u jlaħħaq għoli ta' kważi għaxar metri.

L-idjaq portiku tal-belt[immodifika | immodifika s-sors]

L-idjaq portiku tal-belt, b'wisa' ta' 95 ċentimetru, jinsab f'Via Senzanome, fil-kwartier ta' Saragozza. Din it-triq, flimkien ma' dik qribha msejħa Via del Fossato, baqgħu magħrufa għall-imgħoddi pjuttost "turbolenti" taż-żona, minħabba l-bosta burdelli li kien hemm fihom.[13]

L-itwal portiku fid-dinja[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Portiku ta' San Luqa, b'tul ta' 3,796 metru, huwa l-itwal portiku fid-dinja.[14]

Sit ta' Wirt Dinji[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Portiċi ta' Bologna ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2021.[3] Is-sit huwa magħmul minn 12-il sensiela ta' portiċi, b'tul totali ta' 62 kilometru:[3][15]

Map
  1. Il-portiċi residenzjali ta' Santa Katerina
  2. Il-pjazza bil-portiċi ta' San Stiefnu
  3. Il-portiċi ta' Via Galliera
  4. Il-Portiku tal-Baraccano
  5. Il-portiċi kummerċjali tal-Paviljun u dei Banchi
  6. Il-portiku devozzjonali ta' San Luqa
  7. Il-portiċi akkademiċi ta' Via Zamboni
  8. Il-Portiku tal-Monasteru Kartesjan
  9. Il-portiku ta' Piazza Cavour u Via Farini
  10. Il-portiku trijonfali ta' Strada Maggiore
  11. Il-binja bil-portiċi tal-kwartier ta' Barca
  12. Il-binja bil-portiċi tal-MAMbo.

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem".[3]

Gallerija ta' stampi[immodifika | immodifika s-sors]

Biblijografija[immodifika | immodifika s-sors]

  • Wanda Bergamini, Nuovissima guida ai monumenti di Bologna, Bologna, Cappelli, 1986.
  • Francesca Bocchi, I Portici di Bologna e l'edilizia civile medievale, Bologna, Grafis Edizioni, 1990.
  • Francesca Bocchi, Bologna e i suoi portici. Storia dell'origine e dello sviluppo, Bologna, Grafis Edizioni, 1995.
  • Francesca Bocchi e Rosa Smurra (a cura di), I portici di Bologna nel contesto europeo, Bologna, luca sossella, 2015.
  • Degli Esposti C., Roversi G., Tassinari Clò O., Zanasi F., Bologna, Alma Mater Studiorum, Bologna, Italcards, 1988.
  • Gigli P., Gigli M., Per le vie e le piazze di Bologna, Bologna, Edizioni del Borgo, 2005.
  • Sergio Nepoti e Brian Ward-Perkins, The medieval houses with wooden supports of Bologna and its province, in Archeologia dell’architettura, n. 14, 2009, pp. 141-154.
  • Ricci C., Zucchini G., Guida di Bologna, Bologna, Zanichelli, 1976.

Referenzi[immodifika | immodifika s-sors]

  1. ^ "A spasso per Bologna sotto i suoi 40 Km di portici — Emilia Romagna Turismo". web.archive.org. 2012-07-17. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-07-17. Miġbur 2022-03-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  2. ^ "I Portici di Bologna - Storia & arte - Bologna Welcome". web.archive.org. 2012-05-05. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2012-05-05. Miġbur 2022-03-02.
  3. ^ a b ċ d Centre, UNESCO World Heritage. "The Porticoes of Bologna". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2022-03-02.
  4. ^ "Regioni.it - n. 3761 del 22-01-2020 - Portici Bologna candidati a lista Patrimonio mondiale Unesco - Regioni.it". www.regioni.it. Miġbur 2022-03-02.
  5. ^ "Certosa | I Portici di Bologna". comune.bologna.it. Miġbur 2022-03-02.
  6. ^ Francesco Ceccarelli, L'architettura del portico bolognese tra Medioevo e prima età moderna, in Francesca Bocchi e Rosa Smurra (a cura di), I portici di Bologna nel contesto europeo, Bologna, luca sossella, 2015, p. 21.
  7. ^ "I portici di Bologna? La storica bacchetta Wikipedia: "Non nacquero nel tardo medioevo"". la Repubblica (bit-Taljan). 2016-02-10. Miġbur 2022-03-02.
  8. ^ "I Portici di Bologna". web.archive.org. 2008-07-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-07-03. Miġbur 2022-03-02.
  9. ^ Francesca Bocchi, I Portici di Bologna e l'edilizia civile medievale, Bologna, Grafis Edizioni, 1990.
  10. ^ "B&B Bologna nel cuore, Bed & Breakfast Camere Appartamenti in centro città". Bologna nel cuore B&B (bit-Taljan). Miġbur 2022-03-02.
  11. ^ "Ricerca Itinerari - Segretariato regionale del Ministero dei beni e delle attività culturali e del turismo per l'Emilia-Romagna". www.emiliaromagna.beniculturali.it. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2021-12-07. Miġbur 2022-03-02.
  12. ^ Ricci C., Zucchini G., Guida di Bologna, Bologna, Zanichelli, 1976.
  13. ^ "Il Fossato | centro studi opìfice". web.archive.org. 2014-10-27. Arkivjat mill-oriġinal fl-2014-10-27. Miġbur 2022-03-02.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  14. ^ "I Portici di Bologna". web.archive.org. 2008-07-03. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2008-07-03. Miġbur 2022-03-02.
  15. ^ "WHC document".