Port Royal
| Port Royal | |
|---|---|
|
| |
|
| |
| Amministrazzjoni | |
| Commonwealth realm | Ġamajka |
| County of Jamaica | Kontea ta' Surrey |
| Parish of Jamaica | Parroċċa ta' Kingston |
| Isem uffiċjali | Port Royal |
| Ismijiet oriġinali | Port Royal |
| Ġeografija | |
| Koordinati | 17°56′15″N 76°50′29″W / 17.9375°N 76.8414°WKoordinati: 17°56′15″N 76°50′29″W / 17.9375°N 76.8414°W |
| Demografija | |
Port Royal (bil-Patois tal-Ġamajka: Puot Rayal) kienet belt li tinsab fit-tarf tal-Palisadoes, fil-bokka tal-Port ta' Kingston, fix-Xlokk tal-Ġamajka. Ġiet stabbilita fl-1494 mill-Ispanjoli, u fl-imgħoddi kienet l-ikbar belt u l-iżjed waħda prosperuża fil-Karibew, peress li kienet iċ-ċentru tat-trasport marittimu u tal-kummerċ fil-Baħar Karibew sat-tieni nofs tas-seklu 17. Il-belt inqerdet b'terremot fis-7 ta' Ġunju 1692 u t-tsunami ta' warajh, u dan wassal għall-istabbiliment ta' Kingston bħala l-belt kapitali u l-iżjed belt popolata u prosperuża fil-Ġamajka. Diversi uragani kkawżaw ħsara regolari fl-inħawi. Fl-1907 seħħ terremot qawwi ieħor.
Port Royal saret il-port ewlieni għall-kursari sponsorjati mill-gvernijiet Brittaniċi u Olandiżi li ġew imħeġġa jattakkaw il-bastimenti Spanjoli, fi żmien meta bosta nazzjonijiet Ewropej qagħdu lura milli jattakkaw direttament il-flotta Spanjola daqstant setgħana. Bħala belt portwali, kienet magħrufa għal-lussu u għan-nuqqas ta' morali, u bosta ekwipaġġi tal-kursari kienu jonfqu t-teżori tagħhom fil-bosta taverni, fil-postijiet tal-logħob tal-azzard u fil-briedel li kienu jilqgħu lill-baħħara. Meta l-gvernijiet Brittaniċi u Olandiżi abbandunaw uffiċjalment il-prattika tal-ħruġ ta' ittri ta' tħeġġiġ tal-attakki kursari kontra l-flotot Spanjoli tat-trasport tat-teżori fl-Amerka t'Isfel fl-aħħar tas-seklu 16, bosta mill-ekwipaġġi saru pirati biex jibqgħu jisirqu b'mod illegali. Effettivament, Port Royal saret repubblika tal-pirati, u dawn baqgħu jużaw il-belt bħala l-bażi prinċipali tagħhom matul is-seklu 17. Il-pirati minn madwar id-dinja kollha nġemgħu f'Royal, saħansitra minn postijiet imbiegħda bħal Madagascar. Il-belt saret magħrufa fil-folklor bħala "l-iżjed belt tal-ħażen fid-dinja".
Wara d-diżastru tal-1692, ir-rwol kummerċjali ta' Port Royal kulma jmur beda jittieħed mill-belt ta' Kingston li baqgħet tikber. Fl-1999 tħejjew pjanijiet biex ir-raħal żgħir tas-sajjieda jiġi żviluppat mill-ġdid bħala destinazzjoni ta' wirt turistiku għat-turisti tal-kruċieri. Il-pjan ried jikkapitalizza l-wirt uniku u affaxxinanti ta' Port Royal, b'sejbiet arkeoloġiċi miż-żminijiet prekolonjali u tal-kursari bħala l-bażi ta' attrazzjonijiet possibbli.
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Port Royal għandha klima ta' savanna tropikali (Aw skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen) bi staġun tan-nixfa qasir minn Jannar sa April u bi staġun tax-xita twil minn Mejju sa Ottubru. It-temperaturi jibqgħu stabbli matul is-sena kollha, għalkemm l-istaġun tan-nixfa jkun kemxejn iktar frisk b'temperaturi li jvarjaw minn 25.5 °C (77.9 °F) f'Jannar għal 27.7 °C (81.9 °F) f'Mejju. Il-preċipitazzjoni annwali medja tkun ta' 1,345 millimetru (53 pulzier).

Il-poplu indiġenu Taino tal-Karibew okkupa dawn l-inħawi għal sekli sħaħ qabel l-insedjament Ewropew. Kien juża dawn l-inħawi, li kienu jsejħulhom Caguay jew Caguaya, matul l-ispedizzjonijiet tas-sajd tiegħu. Għalkemm mhux magħruf jekk qatt insedjawx fil-pożizzjoni speċifika tal-belt, huma insedjaw partijiet oħra tal-Ġamajka.
Kolonizzazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]L-Ispanjoli żbarkaw fil-Ġamajka fl-1494 taħt it-tmexxija ta' Kristofru Kolombu, u wasslu għall-qerda tal-poplu Taino. L-insedjament permanenti seħħ meta Juan de Esquivel ġab miegħu grupp ta' insedjaturi fl-1509. Dawn kienu qed ifittxu artijiet ġodda u riżorsi ta' valur, bħad-deheb u l-fidda. Minflok bdew jikkultivaw u jipproċessaw il-kannamiela. Bħall-poplu Taino qabilhom, l-Ispanjoli donnhom ma tantx sabu wisq użu għall-inħawi ta' Port Royal. Madankollu, żammew l-isem li kien tahom il-poplu Taino. Spanja żammet il-kontroll tal-Ġamajka l-iktar biex tkun tista' tipprevjeni li pajjiżi oħra jiksbu aċċess għall-gżira, li kienet tinsab strateġikament fir-rotot kummerċjali tal-Karibew. Spanja żammet il-kontroll tal-gżira għal 146 sena, sa meta l-Brittaniċi ħatfu l-kontroll wara l-invażjoni tagħhom tal-1655.
Il-belt inħatfet mill-Ingilterra fl-1655 matul l-invażjoni tal-Ġamajka. Sal-1659 mitejn dar, ħwienet u mħażen inbnew madwar il-forti; sal-1692 kien hemm ħames fortijiet jiddefendu l-port. Il-Brittaniċi inizjalment lill-belt semmewha Cagway iżda wara ftit semmewha Port Royal. Għall-biċċa l-kbira tal-perjodu bejn il-ħakma tal-Brittaniċi u t-terremot tal-1692, Port Royal intużat bħala l-belt kapitali mhux uffiċjali tal-Ġamajka, filwaqt li l-belt Spanjola baqgħet il-belt kapitali uffiċjali. Fl-1872 il-gvern iddeżinja lil Kingston, l-ikbar belt, bħala l-belt kapitali tal-Ġamajka.
Kursari
[immodifika | immodifika s-sors]Port Royal ipprovdiet il-kenn inizjalment għall-kursari u sussegwentement għall-pirati li kienu jagħmlu ħerba mir-rotot tat-trasport marittimu bejn Spanja u l-Panama. Il-kursari ġew attirati minn Port Royal għal diversi raġunijiet. Il-prossimità tagħha mar-rotot kummerċjali ppermettiet li jkollhom aċċess faċli għas-serq, iżda l-iżjed vantaġġ importanti kien il-prossimità tal-port ma' diversi mill-passaġġi jew mill-fliegi sikuri li kienu jagħtu aċċess dirett lill-Ispanjoli mill-Oċean Atlantiku. Il-port kien kbir biżżejjed biex jakkomoda l-bastimenti tagħhom u l-ilmijiet baxxi kienu jipprovdu post biex ikunu jistgħu jissewwew bla diffikultà ta' xejn. Kien jinsab ukoll f'post ideali għat-tnedija ta' attakki kontra l-insedjamenti Spanjoli. Minn Port Royal, Christopher Myngs seraq ir-rikkezzi ta' Campeche u Henry Morgan attakka l-Panama, Portobelo, u Maracaibo. Barra minn hekk, il-kursari Roche Brasiliano, John Davis u Edward Mansvelt użaw lil Port Royal bħala bażi għall-operazzjonijiet tagħhom.
Fl-1657, bħala soluzzjoni għat-tħassib tad-difiża tiegħu, il-Gvernatur Edward D'Oyley stieden l-Aħwa tal-Kosta biex imorru joqogħdu f'Port Royal. L-Aħwa kienu grupp ta' pirati dixxendenti mill-boucaniers li kienu jikkaċċjaw il-bhejjem tal-ifrat, li kellhom imorru għall-piraterija wara li serquhom l-Ispanjoli (u sussegwentement tkeċċew minn Hispaniola). Dawn il-pirati kkonċentraw l-attakki tagħhom fuq it-trasport marittimu Spanjol, peress li l-interessi tagħhom kienu meqjusa bħala l-ikbar theddida għall-belt.

Il-kursari Brittaniċi kienu jiġu mħeġġa jagħmlu l-attakki permezz ta' ittri mill-gvernatur tal-Ġamajka. Għall-ħabta tal-istess żmien li l-pirati ġew mistiedna jgħixu f'Port Royal, l-Ingilterra nediet sensiela ta' attakki kontra l-bastimenti tat-trasport marittimu u l-bliet kostali Spanjoli. Billi bagħtet il-kursari biex jattakkaw il-bastimenti u l-insedjamenti Spanjoli, l-Ingilterra rnexxielha tistabbilixxi sistema ta' difiża għal Port Royal. Spanja ġiet imġiegħla l-ħin kollu tiddefendi l-assi tagħha mill-attakki, u b'hekk ma kellhiex l-opportunità u l-mezzi biex tipprova terġa' taħtaf l-art.
Minħabba l-kursari, Spanja ma rnexxilhiex terġa' taħtaf l-art, u b'hekk ma setgħetx tibqa' tipprovdi l-kolonji tagħha fid-Dinja l-Ġdida regolarment b'oġġetti manifatturati. L-irregolarità progressiva tal-flotot annwali Spanjoli, flimkien mad-domanda dejjem tiżdied mill-kolonji għall-oġġetti manifatturati, xprunaw it-tkabbir ta' Port Royal. Il-merkanti u l-kursari ħadmu flimkien f'dak li issa jitqies bħala "kummerċ sfurzat". Il-merkanti kienu jisponsorjaw il-kummerċ mal-Ispanjoli, filwaqt li fl-istess ħin kienu jisponsorjaw lill-kursari biex jattakkaw il-bastimenti Spanjoli u jisirqu l-bliet kostali Spanjoli. Filwaqt li l-merkanti ċertament kienu minn fuq, il-kursari kienu parti integrali tal-operazzjoni.
Nuala Zahedieh, lekċerer fl-Università ta' Edinburgu, kitbet dan li ġej: "Kemm dawk li huma kontra kif ukoll dawk li huma favur l-hekk imsejjaħ "kummerċ sfurzat" iddikjaraw li x-xorti tal-belt kienet pjuttost distinta peress li kienet stabbilita għalkollox fuq l-issodisfar tal-ħtiġijiet tal-kursari u l-kummerċ f'materja prima ta' valur kbir". "Rapport li jsostni li 300 raġel li akkumpanjaw lil Henry Morgan sa Portobelo fl-1668 reġgħu lura lejn il-belt b'teżor fejn setgħu jonfqu mill-inqas £60 kull wieħed (darbtejn jew tliet darbiet iktar mill-paga annwali tas-soltu għall-pjantaġġuni) ma jħalli l-ebda dubju li kellhom raġun".
Il-kummerċ sfurzat sar kważi stil ta' ħajja f'Port Royal. Michael Pawson u David Busseret kitbu dan li ġej: "...b'xi mod jew ieħor kważi l-abitanti kollha li kellhom proprjetà f'Port Royal donnhom kellhom interess fl-attività tal-kursari". Il-kummerċ sfurzat f'qasir żmien wassal biex Port Royal issir waħda mill-iżjed komunitajiet sinjuri fit-territorji Brittaniċi tal-Amerka ta' Fuq, u qabżet sew kwalunkwe profitt mill-produzzjoni tal-kannamiela. Zahedieh kitbet dan li ġej: "L-attakk ta' Portobelo [fl-1668] waħdu wassal għal serq b'valur ta' £75,000, jiġifieri iktar minn seba' darbiet il-valur annwali tal-esportazzjonijiet taz-zokkor tal-gżira, li skont il-prezzijiet ta' Port Royal ma kienx jaqbeż l-£10,000 dak iż-żmien".
Peress li l-Brittaniċi ma kellhomx biżżejjed truppi biex jipprevjenu li l-Ispanjoli jew il-Franċiżi jaħtfuha, il-gvernaturi Ġamajkani eventwalment daru lejn il-pirati biex jiddefendu l-belt. Sas-snin 60 tas-seklu 17, il-belt skont uħud kienet saret post utopiku għall-pirati u kienet kisbet ir-reputazzjoni ta' "Sodoma tad-Dinja l-Ġdida", fejn il-biċċa l-kbira tar-residenti kienu pirati, qattiela jew prostituti. Meta Charles Leslie kiteb l-istorja tal-Ġamajka tiegħu, huwa daħħal deskrizzjoni tal-pirati ta' Port Royal:
L-inbid u n-nisa tant xorbulhom il-ġid li kellhom li [...] uħud minnhom spiċċaw jittalbu. Kien magħruf li kienu jonfqu 2,000 jew 3,000 biċċa ta' tmienja f'lejla; u kien hemm minn saħansitra kien iħallas 500 biċċa biex jara mara għerwiena. Kienu jixtru pajp tal-inbid, jarmawh fit-triq, u jobbligaw lil kull min kien jgħaddi minn hemm biex jixrob minnu.
It-taverni ta' Port Royal kienu magħrufa għall-konsum eċċessiv tal-alkoħol, tant li saħansitra jeżistu rekords tal-annimali selvaġġi tal-inħawi li kienu jixorbu mill-alkoħol ukoll. Matul żjara tiegħu, l-esploratur Olandiż famuż Jan van Riebeeck jingħad li ddeskriva dak li ra b'dan il-mod:
Il-pappagalli ta' Port Royal jinġemgħu biex jixorbu mill-ħażniet kbar tal-birra bl-istess mod bħax-xurbana li jinġabru fit-taverni fejn tinbigħ.
Ir-riċerka ġenealoġika tindika li Daqna Sewda (Edward Teach) u l-familja tiegħu marru jgħix fil-Ġamajka fejn Edward Thatch Jr. ġie elenkat bħala baħri fil-Flotta Navali Rjali abbord l-HMS Windsor fl-1706. Port Royal gawdiet minn din ir-reputazzjoni ta' post mimli ħajja u kibret f'waħda mill-ikbar żewġ bliet u l-iżjed port importanti ekonomikament fil-kolonji Brittaniċi. Fl-aqwa tal-popolarità tagħha, il-belt kellha post għax-xorb għal kull 10 residenti. F'Lulju 1661 biss, 40 liċenzja ġdida ngħataw lit-taverni. Matul perjodu ta' 20 sena sal-1692, kważi 10,000 ruħ kienu jgħixu f'Port Royal. Minbarra l-prostituti u l-kursari, kien hemm erba' arġentiera tad-deheb, 44 sid tat-taverni, u varjetà ta' artiġjani u merkanti li kienu jgħixu f'2,000 binja ffollati f'51 akru (21 ettaru) ta' proprjetà immobbli. 213-il bastiment żaru l-port marittimu fl-1688. Il-ġid tal-belt tant kien kbir li l-metodu ta' pagament kienu l-muniti minflok is-sistema iktar komuni tat-tpartit tal-oġġetti għas-servizzi.
Wara l-ħatra ta' Henry Morgan bħala logutenent gvernatur, Port Royal bdiet tinbidel. Il-pirati ma kinux meħtieġa iktar biex jiddefendu l-belt. Il-bejgħ tal-iskjavi ħa importanza akbar. Iċ-ċittadini iktar imlaħħqin ma kinitx togħġobhom ir-reputazzjoni li kienet kisbet il-belt. Fl-1687, il-Ġamajka għaddiet liġijiet kontra l-piraterija. B'hekk, minflok baqgħet post ta' kenn għall-pirati, Port Royal saret magħrufa bħala l-post fejn kienu jiġu ġustizzjati. Bosta ġew ġustizzjati bil-forka, filwaqt li Charles Vane u John Rackham ġew mgħallqa fl-1720. Madwar ħames xhur wara, il-pirata mara famuża Mary Read mietet fil-ħabs Ġamajkan fil-belt Spanjola. Sentejn wara, 41 pirata nqatlu fi żmien xahar.
Flotta Navali Rjali
[immodifika | immodifika s-sors]
Taħt it-tmexxija tal-Brittaniċi, il-Flotta Navali Rjali użat baċir tat-tiswija tal-bastimenti f'Port Royal u kriet binja max-xatt biex tużaha bħala maħżen. Mill-1675, Uffiċal Navali residenti nħatar biex jissorvelja dawn il-faċilitajiet; madankollu, l-iżvilupp intemm ħesrem minħabba t-terremot tal-1692. Wara t-terremot, sar tentattiv biex tiġi stabbilita bażi navali f'Port Antonio minflok, iżda l-klima hemmhekk ma kinitx l-istess. Mill-1735, Port Royal għal darb'oħra nxteħtet taħt l-attenzjoni tal-Ammirallat. Inbnew binjiet u mħażen ġodda matul dan iż-żmien, kif ukoll residenzi għall-uffiċjali tal-Flotta Navali Rjali. Matul it-tletin 30 ta' wara, żdiedu iktar faċilitajiet: faċilità tal-btieti, postijiet tax-xogħol, faċilitajiet tal-ipproċessar tal-injam u akkomodazzjoni (inkluż post għall-ikel) għall-ekwipaġġi tal-bastimenti mtellgħin għat-tiswija hemmhekk. Ġie stabbilit ukoll Sptar tal-Flotta Navali Rjali fuq l-art ftit lejn il-Punent tal-baċir navali; u sal-aħħar tas-seklu 18 żdied baċir żgħir ieħor lejn il-Lvant (qabel ma sar dan, il-bastiment kellhom joqogħdu jmorru lejn Kingston u insedjamenti oħra biex jieħdu l-provvisti).
Fil-bidu tas-seklu 19, seħħ ammont sinifikanti ta' kostruzzjoni mill-ġdid f'dik li sa dak iż-żmien laħqet saret Tarzna sostanzjali tal-Flotta Navali Rjali fil-Karibew. Fin-nofs tagħha kien hemm maħżen imdaqqas b'torri tal-arloġġ, u mogħdija msaqqfa li minnu tagħti għall-baċiri tat-tiswija tal-bastimenti. Biswit kien hemm ir-Residenza tal-Ammirall tal-Port li kienet tinkludi torri tal-għassa, sabiex jilqa' kontra t-theddida tal-kursari. It-tarzna baqgħet tespandi sabiex tissodisfa r-rekwiżiti l-ġodda tal-bastimenti li kienu jaħdmu bl-istim: il-maħżen tal-ikel sar maħżen tal-faħam fis-snin 40 tas-seklu 19, u għoxrin sena wara nbena kumpless żgħir tal-inġinerija. It-tarzna baqgħet tespandi sal-bidu tas-seklu 20, iżda mbagħad (peress li l-Ammirallat iffoka iktar u iktar fuq is-sitwazzjoni fl-Ewropa), il-Flotta Navali rtirat mill-Ġamajka u t-tarzna ngħalqet fl-1905. Minkejja dan, it-tarzna u l-isptar tal-Flotta Navali Rjali baqgħu taħt is-sjieda tal-Ammirallat sa wara t-Tieni Gwerra Dinjija, u parti mit-tarzna ntużat mid-Dipartiment tal-Gwerra.
Sussegwentement, bosta mill-binjiet tat-tarzna (li l-biċċa l-kbira minnhom kienu tal-injam) twaqqgħu jew inqerdu (uħud fit-terremot ta' Kingston tal-1907, u oħrajn mill-Uragan Charlie fl-1951). Madankollu, għad hemm uħud li baqgħu jeżistu, inkluż il-kumpless tal-Isptar tal-Flotta Navali Rjali, uħud mill-binjiet tal-inġinerija u għadd ta' djar tal-uffiċjali. Hemm ukoll skal, li tlesta fl-1904, li flimkien ma' xi binjiet oħra, kien maħsub biex jilqa' u jvara l-bastimenti tat-torpedos, li kien stazzjonati hemmhekk biex jipproteġu t-tarzna. Fl-2014 ġie mħabbar li wħud mill-binjiet tal-Isptar Storiku tal-Flotta Navali Rjali kienu se jiġu rrestawrati biex jospitaw mużew bħala parti minn proġett usa' tal-wirt turistiku ta' Port Royal.
Terremot tal-1692
[immodifika | immodifika s-sors]Il-belt kibret malajr u laħqet popolazzjoni ta' madwar 6,500 ruħ u bejn wieħed u ieħor 2,000 abitazzjoni sal-1692. Iktar ma bdiet tonqos l-art għall-kostruzzjoni, iktar saret prattika komuni li jintuża r-radam fuq żoni bl-ilma u tinbena infrastruttura ġdida fuqhom, jew sempliċement jinbnew binjiet ogħla. Gradwalment il-binjiet saru itqal peress li r-residenti adottaw id-djar bl-istil bil-brikks tal-Ingilterra nattiva tagħhom. Il-popolazzjoni bdiet titħeġġeġ ukoll tadotta l-istil tal-kostruzzjoni ta' binjiet baxxi tal-injam tal-abitanti Spanjoli preċedenti, iżda bosta rrifjutaw. Fl-aħħar mill-aħħar, dawn il-fatturi separati kollha kkontribwew għad-diżastru li seħħ.
Fis-7 ta' Ġunju 1692, terremot devastanti heżżeż il-belt u l-biċċa l-kbira tas-sezzjoni tat-Tramuntana tagħha ntilfet, flimkien ma' bosta mid-djar u mill-binjiet l-oħra tal-belt. Ħafna mill-fortijiet inqerdu wkoll. Il-Fort ta' Karlu rreżista, iżda l-Fortijiet ta' Ġakbu u ta' Carlisle sfrondaw fil-baħar, il-Forti ta' Rupert ġie mgħerreq bl-ilma, u żona magħrufa bħala Morgan's Line ġarrbet ħsarat estensivi.

Għalkemm it-terremot laqat il-gżira kollha tal-Ġamajka, iċ-ċittadini ta' Port Royal kellhom iktar sogru ta' mewt minħabba r-ramel perikoluż, il-binjiet li ġġarrfu, u t-tsunami li ġie wara. Għalkemm l-awtoritajiet lokali ppruvaw ineħħu jew jgħerrqu l-katavri kollha minn wiċċ l-ilma, ma rnexxilhomx; uħud tneħħew filwaqt li oħrajn inqabdu f'postijiet li ma kinux aċċessibbli. L-abitazzjonijiet abużivi, in-nuqqas ta' mediċini jew ta' ilma nadif, u l-fatt li l-biċċa l-kbira ta' dawk li baqgħu ħajjin ma kellhomx saqaf fuq rashom wassal biex bosta nies imutu b'deni kbir. It-terremot u t-tsunami qatlu bejn 1,000 u 3,000 ruħ f'daqqa, jiġifieri kważi nofs il-popolazzjoni tal-belt. Il-mard infirex sew fix-xhur ta' wara, u huwa stmat li qatel xi 2,000 ruħ oħra.

Il-kronoloġija tat-terremot storiku tal-Ġamajka tas-7 ta' Ġunju 1692 setgħet tiġi segwita mhux biss bid-data, iżda anke bil-ħin speċifiku. Dan ġie ddokumentat permezz ta' rkupru mill-qiegħ tal-baħar fis-snin 60 tas-seklu 20 ta' arloġġ tal-idejn li kien waqaf eżatt fil-11:43 ta' filgħodu, u b'hekk irreġistra l-ħin preċiż tat-terremot devastanti.
It-terremot wassal biex ir-ramel ta' taħt Port Royal jiġi likwifikat u jnixxi lejn il-Port ta' Kingston. L-ilma tal-pjan ġeneralment kien jinsab f'fond ta' żewġ piedi biss qabel l-impatt, u l-belt kienet mibnija fuq saff ta' xi 65 pied (20 metru) ta' ramel saturat bl-ilma. Din ix-xorta ta' żona ma kinitx tipprovdi pedament sod li fuqu setgħet tinbena l-belt kollha. Għad-differenza tal-Ispanjoli ta' qabilhom, il-Brittaniċi kienu ddeċidew li jinsedjaw u li jiżviluppaw din ir-roqgħa żgħira ta' art, minkejja li kienu jafu li ż-żona kienet magħmula biss minn "ramel sfuż sħun".
Skont Mulcahy, "ix-xjenzati [moderni] u l-arkeologi ta' taħt il-baħar issa jemmnu li t-terremot kien wieħed qawwi u li l-biċċa l-kbira tal-ħsara li ġarrbet Port Royal irriżultat minn proċess magħruf bħala likwifikazzjoni". Il-likwifikazzjoni sseħħ meta t-terremoti jaffettwaw art li tkun sfuża, ramlija u saturata bl-ilma, u b'hekk tiżdied il-pressa tal-ilma u l-partikoli jispiċċaw jisseparaw minn xulxin u jiffurmaw ħama simili għal ramel mobbli. Xi xhieda rrakkontaw li l-binjiet iżżerżqu fl-ilma, iżda x'aktarx li sempliċement sfrondaw f'saff li ma baqax stabbli iktar.
L-arkeoloġija ta' taħt l-ilma, pereżempju dik li ntweriet fil-programm tan-National Geographic Wicked Pirate City, żvelat il-pedamenti tal-binjiet taħt l-ilma, u wriet li kien hemm ċediment tal-art, l-istess bħalma wera t-tqabbil tal-mapep ta' qabel u ta' wara t-terremot.
Saru xi tentattivi ta' rikostruzzjoni tal-belt, l-ewwel u qabel kollox bit-terz li ma sfrondax, iżda r-riżultati kienu jvarjaw u kien hemm ukoll bosta diżastri. Tentattiv inizjali ta' rikostruzzjoni reġa' nqered fl-1703 min-nirien. Rikostruzzjoni sussegwenti ġiet imxekkla minn diversi uragani fl-ewwel nofs tas-seklu 18, inkluż għargħar mill-baħar fl-1722, nirien oħra fl-1750, u uragan kbir fl-1774, u f'qasir żmien Kingston ħadet post Port Royal bħala belt importanti. Fl-1815, it-tiswijiet li kien laħqu saru nqerdu minħabba nirien kbar oħra, filwaqt li l-gżira kollha ġiet affettwata minn epidemija tal-kolera fl-1850.
Terremot tal-1907 u storja reċenti
[immodifika | immodifika s-sors]
Terremot li seħħ fl-14 ta' Jannar 1907 wassal għal-likwifikazzjoni tal-istmu tar-ramel, u qered kważi l-belt rikostruwita kollha, sfrondaw iktar sezzjonijiet, u għelbet il-Giddy House (Dar Eżuberanti), maħżen tal-artillerija li nbena għall-ħabta tal-1880 u li llum huwa attrazzjoni turistika minuri.
Iż-żona kollha tal-belt issa ma għandha x'taqsam xejn ma' li kienet qabel, b'popolazzjoni ta' inqas minn 2,000 ruħ bi ftit li xejn importanza kummerċjali jew politika. Iżuruha t-turisti, iżda tinsab fi stat mitluq. Il-gvern Ġamajkan wiegħed li se jiżvilupp iż-żona fid-dawl tal-valur storiku u turistiku tagħha. Dan parzjalment huwa frott l-abbandun tal-pjanijiet ta' żvilupp tal-bidu tas-snin 60 tas-seklu 20 biex il-belt tkun port u destinazzjoni tal-kruċieri. Il-pjanijiet stimolaw l-esplorazzjonijiet arkeoloġiċi fis-sit, li min-naħa tagħhom wasslu għas-sospensjoni tal-iżvilupp unikament bħala port, u issa jinkludu attrazzjonijiet arkeoloġiċi u attrazzjonijiet oħra.
Fl-1981, il-Programm tal-Arkeoloġija Nawtika fl-Università A&M ta' Texas bdiet investigazzjoni arkeoloġika taħt l-ilma ta' 10 snin fir-rigward tal-parti ta' Port Royal li għerqet taħt l-ilma matul is-seklu 17. Il-programm iffoka fuq żona li kienet għerqet direttament fil-baħar u ġarrbet ftit li xejn ħsara. Minħabba l-livelli baxxi ħafna ta' ossiġenu, ammont kbir ta' materjal organiku seta' jiġi rkuprat. L-isforzi mwettqa mill-programm wasslu għar-rikostruzzjoni dettaljata sew tal-ħajja ta' kuljum fil-belt portwali kolonjali Brittanika.
Fl-1998, il-Kumpanija tal-Iżvilupp ta' Port Royal ikkummissjonat ditta arkitettonika msejħa The Jerde Partnership biex toħloq pjan ewlieni għall-iżvilupp mill-ġdid ta' Port Royal, u dan tlesta fis-sena 2000. Il-pjan iffoka fuq attrazzjoni tas-seklu 17 li tirrifletti l-wirt tal-belt. Hemm żewġ żoni tal-ankraġġ: iċ-ċentru storiku ta' Port Royal u t-Tarzna tal-Flotta Navali Rjali tar-Re. Iċ-ċentru storiku ta' Port Royal jinkludi moll tal-kruċieri estiż minn port rikostruwit ta' Chocolata Hole u Fisher's Row, grupp ta' kafetteriji u ħwienet max-xatt tal-baħar. It-Tarzna tal-Flotta Navali Rjali tar-Re fiha mużew tal-bini tal-bastimenti u akkwarju ta' taħt il-baħar b'dijorami biex wieħed ikun jista' jara l-ħlejqiet tropikali nattivi tal-baħar. It-Tarzna tal-Flotta Navali Rjali tinkludi wkoll il-kwartieri ġenerali tal-Ammirall tal-Flotta Navali Rjali. Il-pjan ta' żvilupp mill-ġdid jinkludi wkoll lukanda ta' ħames stilel.
Illum il-ġurnata, Port Royal hija magħrufa fost l-arkeologi postmedjevali bħala l-"Belt li Sfrondat".
Sal-2019 inbena moll li joqgħod f'wiċċ l-ilma għall-irmiġġ tal-kruċieri; l-ewwel vapur wasal fl-20 ta' Jannar 2020. It-turisti minn xi bastimenti (wara li ntemmu l-effetti tal-pandemija tal-COVID-19) jaf kienu ta' benefiċċju għall-belt, iżda "għad fadal ħafna xogħol xi jsir biex tassew il-belt issir "attrazzjoni ambjentali, kulturali u ta' wirt dinji" skont rapport ta' BBC Travel ippubblikat f'Settembru 2020. Rapport ieħor dak ix-xahar iddiskuta l-Programm Living Heritage (Wirt Ħaj) iffinanzjat sew, li kien qed ifittex li "jittrasforma l-belt f'komunità intelliġenti, sikura u sigura, b'ekonomija lokali vibranti, wirt kulturali ppreservat u ambjent naturali protett".
Fl-2025, Port Royal tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kumpless Arkeoloġiku ta' Port Royal tas-Seklu 17 ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2025.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iv) "Eżempju straordinarju ta' tip ta' bini, ta' grupp ta' siti jew ta' pajsaġġ arkitettoniku jew teknoloġiku li joħroġ fid-dieher stadju/i sinifikanti fl-istorja tal-bniedem"; u l-kriterju (vi) "Assoċjazzjoni diretta jew tanġibbli ma' avvenimenti jew ma' tradizzjonijiet ħajjin, ma' ideat jew ma' twemmin, jew ma' xogħlijiet artistiċi jew letterarji ta' valur universali straordinarju".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "The Archaeological Ensemble of 17th Century Port Royal". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-18.