Aqbeż għall-kontentut

Pjanura ta' Bărăgan

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Pjanura ta' Bărăgan:(1) Bărăganul Călmățuiului;(2) Bărăganul Ialomiței.

Il-Pjanura ta' Bărăgan (bir-Rumen: Câmpia Bărăganului; pronunzja: [kɨmˈpi.a bərəˈɡanuluj]) hija pjanura bi steppa fix-Xlokk tar-Rumanija. Tifforma parti mill-biċċa l-kbira tal-parti tal-Lvant tal-Pjanura tal-Wallakkja. Ir-reġjun huwa magħruf għall-ħamrija sewda u għammiela tiegħu, u fil-biċċa l-kbira huwa post fejn jitkabbru ċ-ċereali.

Fin-Nofsinhar u fil-Lvant id-Danubju jmiss mal-Pjanura ta' Bărăgan, u fit-Tramuntana x-xmajjar Buzău u Călmățui, żewġ tributarji tad-Danubju, imissu magħha. Il-konfini tal-Punent jinkludu linja li tgħaqqad il-bliet ta' Buzău, Urziceni, Budești u Oltenița. Prattikament, il-pjanura tkopri l-kontej ta' Ialomița u Călărași, u tibqa' sejra san-naħa tan-Nofsinhar tal-kontej ta' Buzău u Brăila.

Il-belt kapitali ta' Bucharest ma tagħmilx parti mill-Pjanura ta' Bărăgan iżda tagħmel parti mill-Pjanura ta' Vlăsiei.

Ċentri urbani ewlenin

[immodifika | immodifika s-sors]
  • Brăila – 180,302 ruħ (2011);
  • Călărași – 65,181 ruħ (2011);
  • Slobozia – 48,241 ruħ (2011);
  • Fetești – 30,217-il ruħ (2011).

Il-bliet ta' Buzău, Urziceni u Oltenița jmissu mal-Pjanura, iżda mhumiex meqjusa bħala parti minnha.

Il-bhejjem jirgħu fil-pjanura.

Minħabba n-nuqqas ta' foresti fl-imgħoddi, il-Pjanura ta' Bărăgan kienet rotta importanti għall-popli migratorji li kienu jgħixu fl-inħawi li llum huma parti mix-Xlokk tar-Rumanija. L-iSteppa ta' Bărăgan tradizzjonalment kienet tintuża għar-ragħa mir-rgħajja fil-muntanji tal-Karpazji (inkluż it-Transilvanja) matul it-transumanza, iżda ġiet ikkonvertita f'raba' li jinħadem fit-tieni nofs tas-seklu 19.

Kienet tintuża bħala depot għad-deportazzjonijiet tal-massa mill-awtoritajiet Komunisti matul is-snin 50 tas-seklu 20. Madwar 40,000 priġunier politiku, inkluż Swabjani Banat, ġew rilokati hawnhekk mill-Punent tal-pajjiż.[1]

Għalqa fil-pjanura.

Il-Pjanura ta' Bărăgan għandha klima iebsa bi sjuf sħan u nexfin, u tinkludi l-post fejn ġiet irreġistrata l-ogħla temperatura fl-istorja fir-Rumanija: 44.5 °C (112.1 °F), f'Ion Sion, f'Awwissu 1951. Ix-xtiewi jkunu kesħin, u jkunu soġġetti għall-effetti ta' riħ tas-sirda, magħruf bħala "crivăț" (isem il-pjanura joriġina minn din il-karatterestika wkoll, li ġej mil-lingwa Kumana u li jfisser "post fejn taħkem is-sirda").

Minħabba l-klima tagħha, din il-pjanura hija waħda mill-iżjed postijiet inospitabbli fir-Rumanija.

Għalqa fil-Kontea ta' Călărași.

Fir-rumanz tiegħu, Ciulinii Bărăganului, il-kittieb Rumen Panait Istrati jiddeskrivi l-Pjanura ta' Bărăgan kif ġej:[2]

Hawnhekk ma jikbrux siġar, u tant hemm bogħod bejn bir tal-ilma għall-ieħor li nofs triq jaf tmut bl-għatx. L-abitanti ta' Bărăgan b'mod kostanti jittamaw li xi darba jiġi xi ħadd biex jgħallimhom kif jistgħu jgħixu aħjar fil-Pjanura ta' Bărăgan, f'dan l-ambjent daqstant iebes fejn l-ilma huwa mistur fil-fond tal-ħamrija u fejn ma jikber xejn għajr xewk li jiksi l-wiċċ tal-art f'inqas minn ġimgħa. Il-Pjanura ta' Bărăgan tittollera x-xewk biss, apparti n-nagħaġ li jitpaxxew bih u jikluh bil-qalb. Meta tasal ix-xitwa, ir-rgħajja jabbandunaw din l-art minsija minn Alla u jerġa' lura lejn daru. Imbagħad il-Pjanura ta' Bărăgan tinkesa bl-abjad tas-silġ u tistrieħ għal 6 xhur u ma jikber xejn iktar. Dik hija l-Pjanura ta' Bărăgan.

  1. ^ "Deportation to the Bărăgan 1951-1956". www.dvhh.org. Miġbur 2025-06-05.
  2. ^ Panait Istrati, The Thistles of the Bărăgan, Vanguard Press, New York, 1930.