Pjanta

Pjanta jew xitla hija organiżmu ewkarjotiku fir-renju Plantae. Il-pjanti huma fil-biċċa l-kbira fotosintetiċi, li jfisser li jiksbu l-enerġija tagħhom mid-dawl tax-xemx. Dan jagħmluh billi jużaw il-pigment aħdar magħruf bħala klorofilla fil-kloroplasti tagħhom biex jipproduċu z-zokkor mid-diossidu tal-karbonju u mill-ilma. Xi eċċezzjonijiet huma l-pjanti parassitiċi li tilfu l-ġeni għall-klorofilla u għall-fotosinteżi, u dawn jiksbu l-enerġija tagħhom minn pjanti jew fungi oħra. Il-biċċa l-kbira tal-pjanti huma multiċellolari għajr għal xi algi ħodor.
Storikament, bħal fil-bijoloġija ta' Aristotli, ir-renju tal-pjanti kien jinkludi l-affarijiet ħajjin kollha li ma kinux annimali, u kien jinkludi l-algi u l-fungi. Id-definizzjonijiet djiequ minn dak iż-żmien 'l hawn; id-definizzjonijiet attwali jeskludu l-fungi u wħud mill-algi. Skont id-definizzjoni użata f'dan l-artiklu, il-pjanti jiffurmaw ir-raggruppament Viridiplantae (pjanti ħodor), li jikkonsisti mill-algi ħodor u mill-embrijofiti jew mill-pjanti tal-art (ċeratofilli, epatiki, muski, likofiti, felċi, koniferi u ġimnospermi oħra, u pjanti li jarmu l-fjuri jew anġjospermi). Definizzjoni bbażata fuq il-ġenomi tinkludi l-Viridiplantae, flimkien mal-algi ħomor u l-glawkofiti, fir-raggruppament Archaeplastida.
Hemm madwar 380,000 speċi magħrufa ta' pjanti, li minnhom il-maġġoranza, xi 260,000 speċi, jipproduċu ż-żrieragħ. Dawn ivarjaw bħala daqs minn uniċellolari għall-ogħla siġar. Il-pjanti ħodor jipprovdu proporzjon sostanzjali tal-ossiġenu molekolari tad-dinja; iz-zokkor li joħolqu jipprovdu l-enerġija għall-biċċa l-kbira tal-ekosistemi tad-dinja, u organiżmi oħra, inkluż l-annimali, jew jieklu l-pjanti direttament jew jiddependu fuq organiżmi li jagħmlu dan.
Il-qmuħ, il-frott u l-ħxejjex huma ikel bażiku għall-bniedem u ilhom iddomestikati għal millenji. In-nies jużaw il-pjanti għal bosta skopijiet, bħall-materjali għall-bini, l-ornamenti, materjali għall-kitba, u b'varjetà kbira, għall-mediċini. L-istudju xjentifiku tal-pjanti huwa magħruf bħala l-botanika, li hija fergħa tal-bijoloġija.
Definizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Storja tassonomika
[immodifika | immodifika s-sors]Tradizzjonalment, l-affarijiet ħajjin kollha kienu jitpoġġew f'wieħed minn żewġ gruppi, il-pjanti u l-annimali. Din il-klassifikazzjoni tmur lura għal żmien Aristotli (384–322 Q.K.), li ddistingwa livelli differenti ta' ħlejqiet fil-bijoloġija tiegħu, abbażi tal-ħsieb dwar jekk il-ħlejqiet kellhomx "ruħ sensittiva" jew bħall-pjanti "ruħ veġetattiva" biss. Teofrastu, student ta' Aristotli, komplu x-xogħol tiegħu fit-tassonomija u fil-klassifikazzjoni tal-pjanti. Ferm wara, Carl Linnaeus (1707–1778) ħoloq il-bażi tas-sistema moderna tal-klassifikazzjoni xjentifika, iżda żamm ir-renji tal-annimali u tal-pjanti, u r-renju tal-pjanti tah l-isem ta' Vegetabilia.[1][2]
Kunċetti alternattivi
[immodifika | immodifika s-sors]Meta l-isem "pjanta" jew Plantae jiġi applikat għal grupp speċifiku ta' organiżmi jew taksa, normalment jirreferi għal wieħed minn erba' kunċetti. Mill-inqas sal-iżjed inklużivi, dawn l-erba' raggruppamenti huma:
| Isem/Ismijiet | Ambitu | Organizzazzjoni | Deskrizzjoni |
|---|---|---|---|
| Pjanti tal-art, magħrufa wkoll bħala embrijofiti | Plantae sensu strictissimo | Multiċellolari | Il-pjanti fl-iktar sens strett jinkludu l-epatiki, iċ-ċeratofilli, il-muski u l-pjanti vaskulari, kif ukoll il-pjanti fossili simili għal dawn il-gruppi ħajjin (eż. il-metafiti, Whittaker, 1969, il-Plantae, Margulis, 1971). |
| Pjanti ħodor, magħrufa wkoll bħala Viridiplantae, viridifiti, klorobijonti jew kloroplastidi | Plantae sensu stricto | Uħud uniċellolari, uħud multiċellolari | Il-pjanti f'sens strett jinkludu l-algi ħodor u l-pjanti tal-art li feġġew fi ħdanhom, inkluż il-kari. Ir-relazzjonijiet bejn il-gruppi tal-pjanti għadhom qed jiġu analizzati, u l-ismijiet mogħtija jvarjaw b'mod konsiderevoli. Ir-raggruppament tal-Viridiplantae jinkludi grupp ta' organiżmi biċ-ċelluloża fil-ħitan taċ-ċelloli tagħhom, għandhom il-klorofilli a u b, u għandhom plastidi miżmuma b'żewġ membrani biss li kapaċi jagħmlu l-fotosinteżi u jaħżnu l-lamtu. Dan ir-raggruppament huwa s-suġġett prinċipali ta' dan l-artiklu (eż. il-Plantae, Copeland, 1956). |
| Arkeoplastidi, magħrufa wkoll bħala plastidi jew Primoplantae | Plantae sensu lato | Uħud uniċellolari, uħud multiċellolari | Il-pjanti f'sens wiesa' jinkludu l-pjanti ħodor elenkati hawn fuq flimkien mal-algi ħomor (rodofiti) u l-algi glawkofiti (Glaucophyta) li jaħżnu l-lamtu Floridean 'il barra mill-plastidi, fiċ-ċitoplażma. Dan ir-raggruppament jinkludi l-organiżmi kollha li minn ewl id-dinja kisbu l-kloroplasti primarji tagħhom direttament billi inkorporaw iċ-ċjanobatterji (eż. il-Plantae, Cavalier-Smith, 1981). |
| Definizzjonijiet antiki ta' pjanta (antikwati) | Plantae sensu amplo | Uħud uniċellolari, uħud multiċellolari | Il-pjanti fl-iktar sens wiesa' kienu jinkludu l-gruppi mhux relatati ta' algi, fungi u batterji f'klassifikazzjonijiet antikwati tal-imgħoddi (eż. il-Plantae jew il-Vegetabilia, Linnaeus, 1751, il-Plantae, Haeckel, 1866, il-Metaphyta, Haeckel, 1894, il-Plantae, Whittaker, 1969). |

Diversità
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm madwar 382,000 speċi aċċettati ta' pjanti, li minnhom il-maġġoranza l-kbira, xi 283,000 speċi, jipproduċu ż-żrieragħ. It-tabella ta' hawn taħt turi xi stimi tal-għadd ta' speċijiet ta' diviżjonijiet differenti ta' pjanti ħodor (Viridiplantae). Madwar 85–90 % tal-ispeċijiet kollha ta' pjanti huma pjanti li jarmu l-fjuri. Attwalment diversi proġetti qed jippruvaw jiġbru rekords dwar it-taksa kollha tal-pjanti fil-bażijiet tad-data online, eż. il-Flora Dinjija Online.[3]
Il-pjanti jvarjaw bħala skala minn organiżmi uniċellolari bħad-desmidi (minn 10 mikrometri (μm)) u l-pikożoa (inqas minn 3 μm), sal-ikbar siġar (megaflora) bħall-konifera Sequoia sempervirens (għolja sa 120 metru (380 pied)) u l-anġjosperma Eucalyptus regnans (għolja sa 100 metru (325 pied)).[4]
| Grupp informali | Isem tad-diviżjoni
(Phylum) |
Isem komuni | Nru ta' speċijiet ħajjin |
|---|---|---|---|
| Algi ħodor | Chlorophyta | Algi ħodor (klorofiti) | 3,800–4,300 |
| Charophyta | Algi ħodor (eż. desmidi u kari) | 2,800–6,000 | |
| Brijofiti
(muski, ċeratofilli u epatiki) |
Marchantiophyta | Epatiki | 6,000–8,000 |
| Anthocerotophyta | Ċeratofilli | 100–200 | |
| Bryophyta | Muski | 12,000 | |
| Pteridofiti
(felċi u alleati) |
Lycopodiophyta | Likopodi | 1,200 |
| Polypodiophyta | Felċi, felċi frosta u rasparelli | 11,000 | |
| Spermatofiti
(pjanti taż-żrieragħ) |
Cycadophyta | Ċikadi | 160 |
| Ginkgophyta | Ginkgo | 1 | |
| Pinophyta | Koniferi | 630 | |
| Gnetophyta | Gnetofiti | 70 | |
| Angiospermae | Pjanti li jarmu l-fjuri | 258,650 |
It-tismija tal-pjanti hija rregolata skont il-Kodiċi Internazzjonali tan-Nomenklatura għall-algi, għall-fungi u għall-pjanti u l-Kodiċi Internazzjonali tan-Nomenklatura għall-Pjanti Kkultivati.
Storja evoluzzjonarja
[immodifika | immodifika s-sors]
L-antenati tal-pjanti tal-art evolvew fl-ilma. Gruppi ta' algi ffurmaw fuq l-art xi 1,200 miljun sena ilu, iżda ma kienx qabel il-perjodu Ordoviċjan, madwar 450 miljun sena ilu, li feġġew l-ewwel pjanti tal-art, b'livell ta' organizzazzjoni bħal dak tal-brijofiti. Madankollu, il-fossili ta' organiżmi b'tallu ċċattjat fil-blat Pre-Kambrijan jissuġġerixxu li l-ewkarjoti multiċellolari tal-ilma ħelu diġà kienu jeżistu iktar minn 1,000 mya ilu.
Il-pjanti tal-art primittivi bdew jiddiversifikaw fil-perjodu Silurjan aħħari, madwar 420 miljun sena ilu. Imbagħad feġġew il-brijofiti, il-likopodi u l-felċi fir-rekord tal-fossili. L-anatomija tal-pjanti bikrin hija ppreservata f'dettall ċellolari f'ġabra ta' fossili tal-perjodu Devonjan bikri miċ-chert ta' Rhynie. Dawn il-pjanti bikrin ġew ippreservati billi ġew ippetrifikati fiċ-chert li fforma f'fawwariet termali vulkaniċi li kienu rikki bis-siliċe.
Sal-aħħar tal-perjodu Devonjan, il-biċċa l-kbira tal-karatteristiċi bażiċi tal-pjanti kienu preżenti, inkluż l-għeruq, il-weraq u l-injam sekondarju fis-siġar bħall-Archaeopteris. Fil-perjodu Karboniferu kien hemm l-iżvilupp ta' foresti f'ambjenti bassasa ddominati mil-likopodi u mir-rasparelli, fosthom uħud li kien kbar daqs is-siġar, u feġġew l-ewwel ġimnospermi, jiġifieri l-ewwel pjanti biż-żrieragħ. L-estinzjoni fil-perjodu Permo-Trijassiku biddlet b'mod radikali l-istrutturi tal-komunitajiet. Din jaf wittiet it-triq għall-evoluzzjoni tal-pjanti li jarmu l-fjuri fit-Trijassiku (~200 miljun sena ilu), b'radjazzjoni adattiva fil-Kretaċju li tant kienet rapida li Charles Darwin iddeskriviha bħala "misteru abominevoli". Il-koniferi ddiversifikaw mit-Trijassiku Aħħari 'l quddiem, u saru parti dominanti mill-flora fil-Ġurassiku.
Filoġenija
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2019 ġiet proposta filoġenija bbażata fuq il-ġenomi u t-transkriptomi minn 1,153 speċi ta' pjanti. It-tqegħid tal-gruppi ta' algi huwa appoġġat mill-filoġeniji bbażati fuq il-ġenomi mill-Mesostigmatophyceae u mill-Chlorokybophyceae li issa laħqu ġew sekwenzjati. Kemm l-"algi klorofiti" kif ukoll l-"algi streptofiti" jiġu ttrattati bħala parafiletiċi (kolonni vertikali maġenb dijagramma filoġenetika) f'din l-analiżi, peress li l-pjanti tal-art feġġew minn ġo dawk il-gruppi. Il-klassifikazzjoni tal-brijofiti hija appoġġata kemm minn Puttick et al. fl-2018 kif ukoll mill-filoġeniji li jinvolvu l-ġenomi taċ-ċeratofilli li issa laħqu ġew sekwenzjati wkoll.
Fiżjoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Ċelloli tal-pjanti
[immodifika | immodifika s-sors]
Iċ-ċelloli tal-pjanti għandhom karatteristiċi distintivi li ċelloli ewkarjotiċi oħra (bħal dawk tal-annimali) ma għandhomx. Dawn jinkludu l-vakwolu ċentrali mimli bl-ilma, il-kloroplasti, u l-ħajt taċ-ċelloli flessibbli u b'saħħtu, li jinsab 'il barra mill-membrana taċ-ċelloli. Il-kloroplasti jirriżultaw minn dik li xi darba kienet simbjożi ta' ċellola mhux fotosintetika u ċjanobatterju fotosintetiku. Il-ħajt taċ-ċelloli, li fil-biċċa l-kbira huwa magħmul miċ-ċelluloża, jippermetti liċ-ċelloli tal-pjanti jintefħu bl-ilma mingħajr ma jinfaqgħu. Il-vakwolu jippermetti liċ-ċellola tibdel id-daqs tagħha filwaqt li l-ammont ta' ċitoplażma jibqa' l-istess.
Struttura tal-pjanti
[immodifika | immodifika s-sors]Il-biċċa l-kbira tal-pjanti huma multiċellolari. Iċ-ċelloli tal-pjanti jistgħu jinqasmu f'tipi ta' ċelloli multipli differenti, u jiffurmaw tessuti bħat-tessuti vaskolari bil-ksilema u bil-floema speċjalizzati tal-vini u taz-zkuk tal-weraq, u organi b'funzjonijiet fiżjoloġiċi differenti bħall-għeruq biex jassorbu l-ilma u l-minerali, iz-zkuk għall-irfid u għat-trasport tal-ilma u l-molekoli sintetizzati, il-weraq għall-fotosinteżi u l-fjuri għar-riproduzzjoni.
Fotosinteżi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-pjanti jagħmlu l-fotosinteżi, jimmanifatturaw il-molekoli tal-ikel (zokkor) u jużaw l-enerġija miksuba mid-dawl. Iċ-ċelloli tal-pjanti fihom il-klorofilli fi ħdan il-kloroplasti tagħhom, li huma pigmenti ħodor li jintużaw għall-qbid tal-enerġija mid-dawl. L-ekwazzjoni kimika minn tarf sa tard għall-fotosinteżi hija:
6CO2 + 6H2O + dawl --> C6H12O6 + 6O2.
Dan iwassal biex il-pjanti jirrilaxxaw l-ossiġenu fl-atmosfera. Il-pjanti ħodor jipprovdu proporzjon sostanzjali tal-ossiġenu molekolari tad-dinja, flimkien mal-kontributi mill-algi fotosintetiċi u ċ-ċjanobatterji.
Il-pjanti li sekondarjament adottaw stil ta' ħajja parassitiku jaf jitilfu l-ġeni involuti fil-fotosinteżi u l-produzzjoni tal-klorofilla.
Tkabbir u tiswija
[immodifika | immodifika s-sors]It-tkabbir jiġi ddeterminat mill-interazzjoni ta' ġenoma tal-pjanta mal-ambjent fiżiku u bijotiku tagħha. Fost il-fatturi tal-ambjent fiżiku jew abijotiku hemm it-temperatur, l-ilma, id-dawl, id-diossidu tal-karbonju u n-nutrijenti fil-ħamrija. Il-fatturi bijotiċi li jaffettwaw it-tkabbir tal-pjanti jinkludu l-iffullar, ir-ragħa, il-batterji u l-fungi simbjotiċi benefiċi, u l-attakki mill-insetti jew mill-mard tal-pjanti.
Il-ġlata u d-diżidratazzjoni jistgħu jagħmlu ħsara jew joqtlu l-pjanti. Xi pjanti għandhom proteini kontra l-iffriżar, proteini kontra x-xokk termali u zokkor fiċ-ċitoplażma tagħhom li jippermettulhom jittolleraw dan l-istress. Il-pjanti jiġu esposti b'mod kontinwu għal stress fiżiku u bijotiku li jikkawża ħsara lid-DNA, iżda jistgħu jittolleraw u jsewwu ħafna minn din il-ħsara.
Riproduzzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-pjanti jirriproduċu biex jiġġeneraw in-nisel tagħhom, sew sesswalment bil-gameti, sew asesswalment, bit-tkabbir ordinarju. Bosta pjanti jużaw iż-żewġ mekkaniżmi.
Sesswali
[immodifika | immodifika s-sors]Meta jirriproduċu sesswalment, il-pjanti jkollhom ċikli tal-ħajja kumplessi li jinvolvu l-alternanza tal-ġenerazzjonijiet. Ġenerazzjoni, l-isporofit, li jkun diplojde (b'żewġ settijiet ta' kromożomi), tnissel il-ġenerazzjoni ta' wara, il-gametofit, li jkun aplojde (b'sett wieħed ta' kromożomi). Xi pjanti jirriproduċu wkoll asesswalment permezz tal-ispori. F'xi pjanti li ma jarmux fjuri bħall-muski, il-gametofit sesswali jifforma l-biċċa l-kbira tal-pjanta viżibbli. Fil-pjanti biż-żrieragħ (ġimnospermi u pjanti li jarmu l-fjuri), l-isporofit jifforma l-biċċa l-kbira tal-pjanta viżibbli, u l-gametofit ikun żgħir ħafna. Il-pjanti li jarmu l-fjuri jirriproduċu sesswalment bl-użu tal-fjuri, li fihom il-partijiet maskili u femminili: dawn jaf ikunu fl-istess fjura (ermafrodit), fi fjuri differenti fl-istess pjanta, jew fi pjanti differenti. L-istami (stamens) joħolqu t-trab dakkari, li jipproduċi l-gameti maskili li jidħlu fl-ovulu biex jiffertilizzaw iċ-ċellola tal-bajda tal-gametofit femminili. Il-fertilizzazzjoni sseħħ fil-karpelli jew fl-ovarji, li jiżviluppaw fi frott li jkun fih iż-żrieragħ. Id-dispersjoni tal-frott jaf isseħħ b'mod sħiħ jew jaf jinqasmu u d-dispersjoni taż-żrieragħ isseħħ individwalment.
Asesswali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-pjanti jirriprodċu asesswalment bit-tkabbir ta' varjetà wiesgħa ta' strutturi li kapaċi jikbru fi pjanti ġodda. Bl-iktar mod sempliċi, il-pjanti bħall-muski jew il-likopodi jistgħu jinkisru f'biċċiet, u kull biċċa tista' terġa' tikber fi pjanta sħiħa. Il-propagazzjoni tal-pjanti li jarmu l-fjuri bil-biċċiet hija proċess simili. L-istrutturi bħall-elementi xeblikija jippermettu lill-pjanti jikbru u jiksu roqgħda sħiħa u jiffurmaw klonu. Bosta pjanti jkabbru strutturi tal-ħżin tal-ikel bħal tuberi jew basal li lkoll jistgħu jiżviluppaw fi pjanta ġdida.
Xi pjanti li ma jarmux il-fjuri, bħal bosta likopodi, muski u xi rasparelli, flimkien ma' xi pjanti li jarmu l-fjuri, ikabbru ċapep żgħar ta' ċelloli msejħa gemmae li jistgħu jinqalgħu u jikbru.
Reżistenza għall-mard
[immodifika | immodifika s-sors]Il-pjanti jużaw riċetturi biex jagħrfu patoġeni bħall-batterji li jikkawżaw il-mard tal-pjanti. Dan l-għarfien jiskatta rispons protettiv. L-ewwel riċetturi tal-pjanti ta' dan it-tip ġew identifikati fir-ross u fl-Arabidopsis thaliana.
Ġenomika
[immodifika | immodifika s-sors]Il-pjanti għandhom uħud mill-ikbar ġenomi fost l-organiżmi kollha. L-ikbar ġenoma tal-pjanti (f'termini ta' għadd ta' ġeni) hija dik tal-qamħ (Triticum aestivum), li huwa mbassar li jinkorpora ≈94,000 ġen, għaldaqstant kważi ħames darbiet iktar mill-ġenoma tal-bniedem. L-ewwel ġenoma tal-pjanti li ġiet sekwenzjata kienet dik tal-Arabidopsis thaliana li tinkorpora madwar 25,500 ġen. F'termini ta' sekwenza tad-DNA, l-iżgħar ġenoma ppubblikata hija dik tal-pjanta karnivora Utricularia gibba bi 82 Mb (għalkemm xorta tinkorpora 28,500 ġen) filwaqt li l-ikbar ġenoma, mill-abit tan-Norveġja (Picea abies), fiha iktar minn 19.6 Gb (tinkorpora madwar 28,300 ġen).

Distribuzzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-pjanti huma mifruxin kważi mad-dinja kollha. Filwaqt li jgħixu f'bosta bijomi li jistgħu jinqasmu f'diversi ekoreġjuni, huma biss il-pjanti tal-flora tal-Antartika, magħmula minn algi, muski, ċeratofilli, likeni u żewġ pjanti biss li jarmu l-fjuri, li adattaw għall-kundizzjonijiet prevalenti f'dak il-kontinent fin-Nofsinhar.
Sikwit il-pjanti huma l-komponent fiżiku u strutturali dominanti tal-ħabitats fejn jokkorru. Ħafna mill-bijomi tad-dinja ngħataw isem it-tip ta' veġetazzjoni minħabba li l-pjanti huma l-organiżmi dominanti f'dawk il-bijomi, bħall-bwar tal-ħaxix, is-savanna u l-foresta pluvjali tropikali.
Produtturi primarji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-fotosinteżi li ssir mill-pjanti tal-art u mill-algi hija s-sors aħħari ta' enerġija u ta' materjal organiku f'kważi l-ekosistemi kollha. Il-fotosinteżi, għall-ewwel biċ-ċjanobatterji u iktar 'il quddiem bl-ewkarjoti fotosintetiċi, biddlet b'mod radikali l-kompożizzjoni tal-atmosfera anossika bikrija tad-dinja, li b'hekk issa fiha 21 % ossiġenu. L-annimali u l-biċċa l-kbira tal-organiżmi l-oħra huma aerobiċi, jiġifieri jiddependu fuq l-ossiġenu; dawk li ma jiddependux fuq l-ossiġenu huma kkonfinati f'ambjenti anaerobiċi relattivament rari. Il-pjanti huma l-produtturi primarji fil-biċċa l-kbira tal-ekosistemi terrestri u jiffurmaw il-bażi tax-xibka tal-ikel f'dawk l-ekosistemi. Il-pjanti jiffurmaw madwar 80 % tal-bijomassa tad-dinja b'madwar 450 gigatunnellata (4.4×1011 tunnellati twal; 5.0×1011 tunnellati qosra) ta' karbonju.
Relazzjonijiet ekoloġiċi
[immodifika | immodifika s-sors]
Bosta annimali wettqu koevoluzzjoni mal-pjanti; il-pjanti li jarmu l-fjuri evolvew sindromi tad-dakkir u sensiela ta' karatteristiċi tal-fjuri li jiffavurixxu r-riproduzzjoni tagħhom. Bosta, inkluż l-insetti u l-għasafar huma dakkara, u jżuru l-fjuri u bi żball jittrasferixxu t-trab dakkari meta jgħaddu għall-ikel f'forma ta' trab dakkari jew nektar.
Ħafna annimali jferrxu ż-żrieragħ li huma adattati għal dan l-iskop. Evolvew diversi mekkaniżmi ta' tifrix. Xi tipi ta' frott joffru saffi esterni nutrittivi li jattiraw lill-annimali, filwaqt li ż-żrieragħ adattaw biex jibqgħu ħajjin meta jgħaddu mill-kanal alimentari tal-annimal; oħrajn għandhom qishom ganċijiet biex ikunu jistgħu jaqbdu mal-pil tal-mammiferi. Il-mirmekofiti huma pjanti li wettqu koevoluzzjoni man-nemel. Il-pjanti jipprovdu l-kenn u xi kultant l-ikel għan-nemel. Min-naħa tiegħu n-nemel jiddefendi l-pjanti mill-erbivori u xi kultant mill-pjanti kompetituri. Il-ħmieġ tan-nemel iservi ta' fertilizzant organiku.
Il-maġġoranza tal-ispeċijiet ta' pjanti jkollhom fungi assoċjati mas-sistemi tal-għeruq tagħhom f'simbjożi reċiproka magħrufa bħala mycorrhiza. Il-fungi jgħinu lill-pjanti jiksbu l-ilma u n-nutrijenti minerali mill-ħamrija, filwaqt li l-pjanti jagħtu lill-fungi l-karboidrati prodotti fil-fitosinteżi. Xi pjanti joffru l-kenn lill-fungi endofitiċi li jipproteġu l-pjanti mill-erbivori billi jipproduċu t-tossini. L-endofit fungali Neotyphodium coenophialum fiż-żwien twil ingħata l-istatus ta' organiżmu qerriedi fl-industrija Amerikana tal-bhejjem tal-ifrat.
Bosta legumi jkollhom batterji Rhizobium li jassimilaw in-nitroġenu fin-noduli tal-għeruq tagħhom, li jassimilaw in-nitroġenu mill-arja għall-użu tal-pjanti; min-naħa tagħhom il-pjanti jipprovdu z-zokkor lill-batterji. In-nitroġenu assimilat b'dan il-mod jista' jsir disponibbli għal pjanti oħra, u huwa importanti fl-agrikoltura; pereżempju, il-bdiewa jistgħu jagħmlu n-newba ta' għelejjel jew legumi bħall-fażola, segwita minn ċerali bħall-qamħ, biex jipprovdu għelejjel prinċipali għall-bejgħ b'input imnaqqas ta' fertilizzant tan-nitroġenu.
Xi 1 % tal-ispeċijiet ta' pjanti huma parassitiċi. Dawn ivarjaw mill-viskju semiparassitiku li bilkemm jieħu nutrijenti mill-ospitant tiegħu, iżda xorta waħda jkollu weraq fotosintetiku, għall-budebbus u l-latrea parassitiċi għalkollox li jiksbu n-nutrijenti kollha tagħhom permezz ta' konnessjonijiet mal-għeruq ta' pjanti oħra, u b'hekk ma jkollhomx klorofilla. Il-parassiti jaf jikkawżaw ħsara kbira lill-pjanti ospitanti tagħhom.
Il-pjanti li jikbru fuq pjanti oħra, normalment is-siġar, mingħajr ma jkunu parassitiċi fuqhom, jissejħu epifiti. Dawn jistgħu jsostnu diversità ta' ekosistemi tas-siġar. Uħud jaf jikkawżaw ħsara indiretta lill-pjanti ospitanti tagħhom, pereżempju bl-interċettazzjoni tad-dawl. L-emipifeti bħat-tin strangolatur jibdew bħala epifiti, iżda eventwalment jistabbilixxu l-għeruq tagħhom stess u jegħlbu u joqtlu lill-ospitant tagħhom. Bosta orkidej, bromeliadi, felċi u muski jikbru bħala epifiti. Fost l-epifiti, il-bromeliadi jakkumulaw l-ilma fl-axxelli tal-weraq tagħhom; dawn l-elementi mimlijin bl-ilma jistgħu jsostnu xibkiet tal-ikel akkwatiċi kumplessi.
Xi 630 speċi ta' pjanti huma karnivori, bħad-Dionaea muscipula u l-ispeċijiet Drosera. Dawn jaqbdu f'nassa lil annimali żgħar u jiddiġeruhom biex jiksbu nutrijenti minerali, speċjalment in-nitroġenu u l-fosfru.
Kompetizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kompetizzjoni għar-riżorsi kondiviżi tnaqqas it-tkabbir tal-pjanti. Ir-riżorsi kondiviżi jinkludu d-dawl tax-xemx, l-ilma u n-nutrijenti. Id-dawl huwa riżorsa kritika minħabba li huwa neċessarju għall-fotosinteżi. Il-pjanti jużaw il-weraq tagħhom biex jagħmlu dell fuq pjanti oħra mid-dawl tax-xemx u jikbru malajr biex jimmassimizzaw kemm ikunu esposti huma stess. L-ilma wkoll huwa essenzjali għall-fotosinteżi; l-għeruq jikkompetu biex jimmassimizzaw kemm jieħdu ilma mill-ħamrija. Xi pjanti għandhom għeruq fil-fond li kapaċi jsibu l-ilma maħżun sew taħt l-art, u oħrajn għandhom għeruq inqas fil-fond li kapaċi jestendu fuq distanzi itwal biex jiġbru l-ilma tax-xita reċenti. Il-minerali huma importanti għat-tkabbir u għall-iżvilupp tal-pjanti. In-nutrijenti komuni li jikkompetu għalihom il-pjanti jinkludu n-nitroġenu, il-fosfru u l-potassju.
Importanza għall-bniedem
[immodifika | immodifika s-sors]Ikel
[immodifika | immodifika s-sors]Il-kultivazzjoni tal-pjanti min-naħa tal-bniedem hija l-qalba tal-agrikoltura, li kellha rwol ewlieni fl-istorja taċ-ċivilizzazzjonijiet dinjin. Il-bniedem jiddependi fuq il-pjanti li jarmu l-fjuri għall-ikel, jew direttament jew għall-għalf fit-trobbija tal-annimali. B'mod iktar wiesgħa, l-agrikoltura tinkludi l-agronomija għall-għelejjel li jinħartu, l-ortikoltura għall-ħxejjex u għall-frott, u l-forestrija, inkluż kemm il-pjanti li jarmu l-fjuri kif ukoll il-koniferi, għall-injam. Madwar 7,000 speċi ta' pjanti ntużaw għall-ikel, għalkemm il-biċċa l-kbira tal-ikel tal-lum jirriżulta minn 30 speċi biss. Il-prodotti bażiċi ewlenin jinkludu ċ-ċereali bħar-ross u l-qamħ, l-għeruq illamtati u t-tuberi bħall-kassava u l-patata, u l-legumi bħall-piżelli u l-fażola. Iż-żjut veġetali bħaż-żejt taż-żebbuġa u ż-żejt tal-palm jipprovdu l-lipidi, filwaqt li l-frott u l-ħxejjex jikkontribwixxu għall-vitamini u l-minerali fl-ikel. Il-kafè, it-te u ċ-ċikkulata huma l-għelejjel ewlenin bi prodotti bil-kaffeina li jintużaw bħala stimulanti ħfief. L-istudju tal-użi tal-pjanti mill-bniedem jissejjaħ botanika ekonomika jew etnobotanika.
Mediċini
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-pjanti mediċinali huma sors primarju ta' komposti organiċi, kemm għall-effetti mediċinali u fiżjoloġiċi, kif ukoll għas-sinteżi industrijali ta' firxa wiesgħa ta' sustanzi kimiċi organiċi. Bosta mijiet ta' mediċini, kif ukoll narkotiċi, jirriżultaw mill-pjanti, kemm mediċini tradizzjonali li jintużaw fl-erbaliżmu, kif ukoll sustanzi kimiċi ppurifikati mill-pjanti jew identifikati għall-ewwel darba fihom, xi kultant permezz tat-tfittxija etnobotanika, u li mbagħad jiġu sintetizzati għall-użu fil-mediċina moderna. Il-mediċini moderni li jirriżultaw mill-pjanti jinkludu l-aspirina, it-taksol, il-morfina, il-kwinina, ir-reserpin, il-kolċisin, id-diġitalis u l-vinkristin. Il-pjanti li jintużaw fl-erbaliżmu jinkludu l-ginkgo, l-ekinaċea, l-arċmisa u l-ħaxix ta' San Ġwann. Il-farmakopeja ta' Dijoskoride, De materia medica, li tiddeskrivi xi 600 pjanta mediċinali, inkitbet bejn il-50 u s-70 W.K. u baqgħet tintuża fl-Ewropa u fil-Lvant Nofsani sal-ħabta tal-1600 W.K.; din kienet il-prekursur tal-farmakopej moderni kollha.
Prodotti mhux tal-ikel
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-pjanti li jitkabbru bħala għelejjel industrijali huma s-sors ta' firxa wiesgħa ta' prodotti li jintużaw fil-manifattura. Il-prodotti mhux tal-ikel jinkludu ż-żjut essenzjali, il-koloranti naturali, il-pigmenti, ix-xama', ir-reżini, it-tannini, l-alkalojdi, l-ambra u s-sufra. Il-prodotti li jirriżultaw mill-pjanti jinkludu s-sapun, ix-xampù, il-fwejjaħ, il-kożmetiċi, iż-żebgħa, il-verniċ, it-trementina, il-lastku, il-latex, il-lubrifikanti, il-linolju, il-plastik, il-linka u l-gomma. Il-fjuwils rinnovabbli li jiġu mill-pjanti jinkludu l-ħatab, il-pit u bijofjuwils oħra. Il-fjuwils fossili bħall-faħam, il-petroleum u l-gass naturali joriġinaw mill-fdalijiet tal-organiżmi akkwatiċi, inkluż il-fitoplankton fiż-żmien ġeoloġiku. Ħafna mill-meded tal-faħam imorru lura għall-perjodu Karboniferu tal-istorja tad-Dinja. Il-pjanti terrestri jiffurmaw ukoll il-keroġen tat-tip III li huwa sors ta' gass naturali.
Ir-riżorsi strutturali u l-fibri mill-pjanti jintużaw għall-kostruzzjoni tal-abitazzjonijiet u għall-manifattura tal-ħwejjeġ. L-injam jintuża għall-binjiet u għall-għamara, kif ukoll għal oġġetti iżgħar bħall-istrumenti mużikali u t-tagħmir sportiv. L-injam jiġi kkonvertit f'polpa għall-produzzjoni tal-karta u tal-kartonċin. Id-drapp spiss ikun magħmul mill-qoton, mill-għażel, mir-rami jew mill-fibri sintetiċi bħar-rejon, miċ-ċelluloża tal-pjanti. Il-ħjut li jintużaw għat-tħejjija tad-drapp bl-istess mod fil-biċċa l-kbira jiġu mill-qoton.
Pjanti ornamentali
[immodifika | immodifika s-sors]Eluf ta' speċijiet ta' pjanti jiġu kkultivati għas-sbuħija tagħhom u jipprovdu d-dell, jimmodifikaw it-temperaturi, jilqgħu kontra r-riħ, itaffu l-istorbju, jipprovdu l-privatezza u jnaqqsu l-erożjoni tal-ħamrija. Il-pjanti huma l-bażi ta' industrija tat-turiżmu multibiljunarja kull sena, li tinkludi l-ivvjaġġar lejn ġonna storiċi, parks nazzjonali, foresti pluvjali, foresti b'siġar b'weraq ikkulurit fil-ħarifa, u festivals bħall-inwar taċ-ċirasa fil-Ġappun u fl-Amerka.
Il-pjanti jistgħu jitkabbru fuq ġewwa bħala pjanti tad-dar, jew f'binjiet speċjalizzati bħas-serer. Il-pjanti karnivori, sensittivi u tal-irxoxt jinbiegħu bħala pjanti innovattivi. Forom tal-arti li jispeċjalizzaw fl-arranġament ta' pjanti maqtugħin jew ħajjin jinkludu l-bonsaj, l-ikebana u l-arranġament ta' fjuri nexfin jew maqtugħin. Xi kultant il-pjanti ornamentali bidlu l-andament tal-istorja, bħal fil-każ tat-tulipanomanija.
Fix-xjenza
[immodifika | immodifika s-sors]
L-istudju tradizzjonali tal-pjanti huwa x-xjenza tal-botanika. Ir-riċerka bijoloġika bażika spiss użat il-pjanti bħala l-organiżmi mudell tagħha. Fil-ġenetika, it-tnissil tal-pjanti tal-piżelli ppermetta lil Gregor Mendel jasal għal-liġijiet bażiċi li jirregolaw l-eredità, u l-eżaminazzjoni tal-kromożomi fil-qamħirrum ippermettiet lil Barbara McClintock turi l-konnessjoni tagħhom mal-karatteristiċi li jintirtu. Il-pjanta Arabidopsis thaliana tintuża fil-laboratorji bħala organiżmu mudell biex wieħed jifhem kif il-ġeni jikkontrollaw it-tkabbir u l-iżvilupp tal-istrutturi tal-pjanti. Iċ-ċrieki tas-siġar jipprovdu metodu ta' datazzjoni fl-arkeoloġija, u reġistru tal-klimi tal-imgħoddi. L-istudju tal-fossili tal-pjanti, jew il-paleobotanika, jipprovdi informazzjoni dwar l-evoluzzjonijiet tal-pjanti, rikostruzzjonijiet paleoġeografiċi, u t-tibdil fil-klima tal-imgħoddi. Il-fossili tal-pjanti jistgħu jgħinu wkoll biex tiġi ddeterminata l-età tal-blat.
Fil-mitoloġija, fir-reliġjon u fil-kultura
[immodifika | immodifika s-sors]Il-pjanti, inkluż is-siġar, jidhru fil-mitoloġija, fir-reliġjon u fil-letteratura. F'diversi reliġjonijiet Indo-Ewropej, Siberjani u Amerikani Nattivi, il-motiv tas-siġra dinjija joħroġ fid-dieher bħala siġra kolassali li tikber fuq id-dinja, tirfed is-smewwiet, u bl-għeruq tagħha tasal taħt l-art fl-infern. Ġieli tidher ukoll bħala siġra kożmika jew siġra b'ajkla u b'serp. Fost il-forom tas-siġra dinjija hemm is-siġra tal-ħajja arketipali, li hija kkollegata mal-kunċett Ewrasjatiku tas-siġra sagra. Motiv tal-qedem ieħor mifrux, li jinstab pereżempju fl-Iran, jinkludi siġra tal-ħajja b'par annimali.
Spiss il-fjuri jintużaw għall-imfakar, bħala rigali u għat-tfakkir ta' okkażjonijiet speċjali bħal twelid, mewt, tieġ u btala. L-arranġamenti tal-fjuri jistgħu jintużaw biex jintbagħtu messaġġi moħbijin. Il-pjanti u speċjalment il-fjuri jintużaw bħala s-suġġetti ta' bosta pitturi.
Effetti negattivi
[immodifika | immodifika s-sors]Kummerċjalment jew estetikament il-ħaxix ħażin jinkludi pjanti mhux mixtieqa li jikbru f'ambjenti ġestiti bħal fl-agrikoltura u fil-ġonna. Bosta pjanti ġew mifruxa mill-bniedem lil hinn mill-firxiet nattivi tagħhom; uħud minn dawn il-pjanti saru invażivi, ikkawżaw ħsara lil ekosistemi eżistenti bl-ispostament ta' speċijiet nattivi, u xi kultant isiru problema serja għall-kultivazzjoni.
Xi pjanti li jipproduċu t-trab dakkari li jittajjar bir-riħ, inkluż il-ħaxix, iqabbdu reazzjonijiet alleġiċi f'dawk li jbatu mill-allerġiji. Bosta pjanti jipproduċu tossini biex jipproteġu lilhom infushom mill-erbivori. Il-klassijiet ewlenin ta' tossini tal-pjanti jinkludu l-alkalojdi, it-terpenojdi u l-fenoliċi. Dawn jistgħu jikkawżaw ħsara lill-bniedem u lill-bhejjem jekk jibilgħuhom, jew jekk imissuhom bħal fil-każ tal-edera velenuża. Xi pjanti jkollhom effettivi negattivi fuq pjanti oħra, u jipprevjenu t-tkabbir tan-nebbieta jew it-tkabbir ta' pjanti fil-qrib billi jirrilaxxaw sustanzi kimiċi allopatiċi.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ Leroi, Armand Marie (2014). The Lagoon: How Aristotle Invented Science. Bloomsbury Publishing. pp. 111–119. ISBN 978-1-4088-3622-4.
- ↑ Hull, David L. (2010). Science as a Process: An Evolutionary Account of the Social and Conceptual Development of Science. University of Chicago Press. p. 82. ISBN 978-0-226-36049-2.
- ↑ Dasgupta, Shreya (2016-05-12). "How many plant species are there in the world? Scientists now have an answer" (bl-Ingliż). Miġbur 2026-04-10.
- ↑ Hall, John D.; McCourt, Richard M. (2014). "Chapter 9. Conjugating Green Algae Including Desmids". In Wehr, John D.; Sheath, Robert G.; Kociolek, John Patrick (eds.). Freshwater Algae of North America: Ecology and Classification (2 ed.). Elsevier. ISBN 978-0-12-385876-4.