Petroglifiċi ta' Bangudae

Il-Petroglifiċi ta' Bangudae (bil-Korean: 반구대 암각화, b'ittri Rumani: Daegok-ri) huma tinqix preistoriku fuq uċuħ vertikali tal-blat max-xtut tan-nixxiegħa ta' Daegokcheon (Bangucheon), li hija fergħa tax-xmara Taehwa,[1] li tibqa' għaddejja lejn il-Lvant u tingħaqad mal-Baħar tal-Lvant f'Ulsan. Il-Petroglifiċi ta' Bangudae huma t-Teżor Nazzjonali Nru 285 tal-Korea t'Isfel u tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2025.[2][3]
Dan is-sit juri xbihat ċari u elaborati tal-kaċċa tal-balieni, li ma hemmx bħalhom fuq livell globali. It-tinqix juri figuri ta' annimali, ta' bnedmin, ta' xeni tal-kaċċa, ta' ċrieki konċentriċi, ta' disinni b'għamla ta' djamant, u ta' inċiżjonijiet. Dawn joħorġu fid-dieher realiżmu u enerġija notevoli, u huma rranġati f'taħlita distintiva ta' immaġnijiet figurattivi u simboli miktuba. B'mod partikolari, il-petroglifiċi ta' annimali — kemm tal-baħar kif ukoll tal-art — tant fihom dettall fin li l-ispeċijiet differenti jistgħu jiġu identifikati. Dawn saru tul perjodu twil mill-ħabta tal-5000 Q.K. sas-seklu 9 W.K.
Il-blat ta' Bangudae huwa wiesa' madwar 8 metri u għoli madwar 5 metri. L-għaxar uċuħ tal-blat tal-madwar fihom għadd żgħir ta' tinqix ukoll. L-isem "Bangudae" ġej mill-Korean ban (반), li tfisser qoxra tal-baħar, gu (구), li tfisser fekruna tal-ilma, u dae (대), li tfisser struttura jew sit peress li s-sit stess tat-tinqix għandu l-għamla simili ta' dahar fekruna tal-ilma.
Il-blat jikkonsisti minn shale u hornfels orjentati lejn it-Tramuntana u jleqqu sew f'inżul ix-xemx. Peress li jinsabu ma' rdum, attwalment jinsabu fi struttura ta' post imkenni fil-blat. Huwa maħsub li n-nies kienu jinġemgħu madwar dan il-blat enormi u kienu jsiru diversi ritwali.[4]
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
B'kollox hemm iktar minn 300 petroglifiċi minquxa.[5] Mit-304 figura viżibbli, 166 figura huma ta' annimali u 108 figuri huma ta' motivi mhux identifikati. L-iżjed frekwenti huma l-figuri ta' ċetaċji, tant li hemm 14.4 % tal-figuri. Bħala tema, il-figuri huma antropomorfiċi, b'ġisem jew b'wiċċ ta' bniedem; żoomorfiċi, b'annimali tal-baħar u tal-art; tal-kaċċa u ta' għodod tas-sajd; kif ukoll markaturi b'temi jew b'għamliet li diffiċli biex jiġu identifikati.
It-tinqix tal-balieni u taċ-ċriev fil-biċċa l-kbira saru billi tnaqqax ġisimhom, filwaqt li t-tinqix tal-annimali tal-art l-oħra fil-biċċa l-kbira jikkonsistu minn kontorni u disinni mpinġijin fuq wiċċ il-blat. Din id-differenza tagħti x'tifhem li saru fi żminijiet differenti, anke minħabba t-trikkib tar-rappreżentazzjonijiet fuq xulxin. Fis-sit, l-iżjed importanti huma ċ-ċetaċji, segwiti miċ-ċriev u annimali tal-art oħra f'dik l-ordni, u hemm għadd żgħir ta' fkieren tal-ilma, foki, ħut u għasafar. Kemm l-annimali tal-baħar kif ukoll l-annimali tal-art huma deskritti bħala annimali fit-tqala, b'referenza għax-xewqa tan-nies tal-qedem li jkollhom l-ikel u l-fertilità. Peress li dawn it-tipi ta' xbihat diffiċli jinstabu madwar id-dinja, il-valur tal-Petroglifiċi ta' Bangudae jitqies bħala wieħed enormi.
Figuri umani
[immodifika | immodifika s-sors]Il-figuri jagħtu ħarsa laterali tal-ġisem kollu, b'pene pjuttost esaġerat, jew ħarsa minn quddiem ta' nies b'uċuħ qishom lebsin maskri b'dirgħajhom u b'riġlejhom stirati. Hemm tinqix ta' nies jikkaċċjaw l-annimali b'qaws, jgħollu idejhom, u jdoqqu strument mużikali qisu qasba twila, xi ħaġa li tfakkar f'atti tal-kaċċa u reliġjużi.
Figuri ta' annimali
[immodifika | immodifika s-sors]L-għamliet u l-karatteristiċi tal-annimali jippermettu l-identifikazzjoni tal-ispeċijiet. Il-biċċa l-kbira minnhom huma balieni u huma kkonċentrati fuq il-wiċċ tal-blat prinċipali fuq ix-xellug. Mammiferi bid-dwiefer bħaċ-ċriev u annimali predaturi bħal tigri, leopardi u lupi jinsabu l-iktar fuq il-wiċċ tal-blat prinċipali tal-lemin. Fost l-annimali bi speċijiet identifikabbli hemm ċetaċji kbar bħall-balieni tat-Tramuntana, il-balieni tal-ġwienaħ kbar, il-balieni franki, il-balieni griżi, u l-gabdoll. Hemm ukoll annimali tal-baħar bħal fkieren tal-baħar, foki, ħut qisu salamun; għasafar tal-baħar; u annimali tal-art bħal ċrievi ħomor, ċriev tal-misk, ċriev tal-boskijiet, ċriev tal-ilma, tigri, leopardi, lupi, volpijiet, klieb selvaġġi u ċingjali.
Annimali tal-baħar
[immodifika | immodifika s-sors]
Inġenerali t-tinqix tal-balieni huma twal bejn 20 u 30 ċentimetru u għoljin bejn 10 u 80 ċentimetru. Il-biċċa l-kbira juru balieni jgħumu bħala grupp minn fuq. It-tinqix laterali tal-balieni huwa magħmul b'"metodu mgħawweġ" fejn id-denb tnaqqax laġenba biex jintwera d-denb orizzontali tal-balieni, li huma differenti mill-ħut. Arti oħra fuq il-blat turi baliena omm bil-ferħ tagħha fuq daharha, xeni ta' balieni jaqbżu, u l-migrazzjoni ta' ċetaċji kbar lejn il-baħar remot u minnu, u kollha joħorġu fid-dieher b'mod ċar l-imġiba tal-balieni. Il-baliena li orizzontalment teqleb dgħajsa b'ġisimha tidher qisha mejta, u l-istrixxi mnaqqxin fuq ġisimha x'aktarx li huma linji ta' distribuzzjoni jew ta' qsim, li jixbħu materjal etnografiku li jiddeskrivi d-distribuzzjoni tal-baliena f'biċċiet mill-poplu nattiv. Ġie vvalutat li dan it-tinqix jipprovdi tagħrif importanti dwar il-kaċċa u d-distribuzzjoni sussegwenti ta' annimali kbar.
It-tliet fkieren tal-ilma fuq in-naħa ta' fuq lejn ix-xelluh tal-wiċċ tal-blat prinċipali donnhom qed jiggwidaw lill-balieni li jidhru qed jgħumu bħala grupp. Ladarba l-fkieren tal-baħar jitilgħu l-art biex ibidu bejn il-bidu tar-rebbiegħa u s-sajf, spiss jitqiesu bħala annimali simboliċi fil-ġrajjiet tal-qedem li jaqsmu l-konfini tal-baħar u tal-art. Fil-każ tal-ħut, l-irjus ta' ħut qishom klieb il-baħar tnaqqxu b'mod laterali, u hemm salamun jaqbeż 'il fuq minn wiċċ il-baħar. Fuq tinqix li sar iktar 'il quddiem, hemm ħjiel ta' ċint tal-injam, iżda ladarba l-kontorni interni jixbħu l-għamliet ta' ħut u mhumiex preżenti annimali tal-art, tqieset il-possibbiltà ta' għadira bil-ħut.
Fost il-figuri sħaħ, l-ogħla prijorità ngħatat lill-balieni, peress li n-nies li kienu jgħixu fl-inħawi kienu jiddependu fuq il-balieni għall-għajxien tagħhom, u b'hekk il-balieni kienu jitqiesu anke bħala xi ħaġa tal-fidi. F'Ulsan għadu jeżisti santwarju ddedikat lill-balieni.
Annimali tal-art
[immodifika | immodifika s-sors]Il-biċċa l-kbira tal-annimali tal-art jidhru mill-ġenb, biex tiġi espressa bl-aqwa mod l-għamla tal-annimali tal-art b'erba' saqajn. Xi speċijiet jistgħu jiġu kklassifikati skont l-għamla tal-ġisem, id-disinni fuq il-ġilda, it-tul tad-denb u tas-saqajn, u l-linja tal-ispalla. Dawn jinkludu ċ-ċriev sika, iċ-ċriev ħomor, iċ-ċriev tal-misk, iċ-ċriev tal-boskijiet u ċ-ċriev tal-ilma, li l-biċċa l-kbira minnhom kellhom valur kbir bħala priża tal-kaċċa.[6]
L-għasafar tal-baħar dejjem tnaqqxu madwar il-balieni huma u jikkaċċjaw il-priża. Xi tinqix juri xeni ta' riproduzzjoni u ta' tibdil tar-rix tal-annimali tal-art. Minħabba d-disinni differenti u l-angolu tal-waqgħa, ġie ssuġġerit li x'aktarx dawn jirrappreżentaw il-bidla annwali tal-istaġun u l-istaġun tat-tnissil.
Għodod
[immodifika | immodifika s-sors]L-għodod relatati mal-kaċċa u mas-sajd, bħal dgħajjes, ċattri, foxxni, xbieki tas-sajd, bagi tas-sajd u qwies, jipprovdu tagħrif dwar l-età tal-art fuq il-blat u l-għajxien ta' dak iż-żmien. Dan is-sit fih ukoll xeni ta' balieni u tigri jinqabdu permezz tax-xbieki. Għalkemm ma ġiet skavata l-ebda xibka preistorika, marki fini tax-xbieki fuq il-bċejjeċ tal-fuħħar skoperti fis-saff tal-qxur tal-baħar ta' Dongsam-dong jissuġġerixxu li dak iż-żmien ix-xbieki kienu jintużaw b'mod wiesa' mhux biss għas-sajd iżda wkoll għall-kaċċa.
Is-sit fih xeni li juru l-attivitajiet tal-balieni b'dettall kbir. Madwar 5–17-il persuna jidhru fuq dgħajjes madwar il-balieni. Il-poppa u l-pruwa tad-dgħajjes huma semiċirkolari u huma kkollegati ma' foxxna mdaħħla f'ġisem il-balieni u ma' bagi f'wiċċ l-ilma marbuta b'ħabel. L-għodod huma kważi identiċi għal dawk li jintużaw min-nies nattivi llum il-ġurnata għall-kaċċa tal-balieni.
Figuri mhux identifikabbli
[immodifika | immodifika s-sors]It-tinqix b'kontenut inċert u mhux identifikabbli ġie kklassifikat f'żewġ tipi: dak ta' tema mhux magħrufa li jinsab f'kundizzjoni tajba, u dak b'għamla mhux magħrufa li ttieklu u ġarrbu xi ħsarat biż-żmien u għalhekk diffiċli li jiġu identifikati. Uħud fihom sinjali b'ċerti disinni, iżda iebsa li jiġu kklassifikati abbażi tat-tinqix fuq il-blat biss. Is-sinjali huma espressjonijiet kunċettwali li impossibbli li jinstabu fil-ħajja reali iżda huma espressjonijiet ripetuti ta' disinn partikolari.
Datazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
Skont ir-riżultati ta' analiżi tal-għadam tal-annimali li ġie skopert f'saff bil-qxur tal-baħar f'Ulsan u mifrux tul il-kosti tax-Xlokk, u tar-riċerka dwar l-ambjent arkeoloġiku tal-Bajja ta' Ulsan, is-sit imur lura għas-6,000 sal-1,000 Q.K. Bosta fdalijiet relatati mat-temi tal-arti fuq il-blat instabu fis-siti Neolitiċi, u dawn jinkludu bċejjeċ tal-fuħħar b'disinni ta' ċriev, bċejjeċ tal-fuħħar b'disinni ta' xbieki, u maskri tal-qxur tal-baħar li ġew skoperti fis-saff bil-qxur tal-baħar f'Dongsam-dong, Busan, figura b'uċuħ umani f'Osan-ri, Yangyang, ċingjal żgħir tat-tafal skavat mis-saff bil-qxur tal-baħar fil-gżira ta' Yokjido, Tongyeong, figura tat-tafal ta' mara f'Sinam-ri, Ulsan, u foka żgħira tat-tafal skavata mis-saff bil-qxur tal-baħar f'Sejuk-ri, Ulsan. Barra minn hekk, ġiet skavata dgħajsa mis-saff bil-qxur tal-baħar f'Bibong-ri, Changnyeong, u waqt il-proġett tar-riċerka u l-iskavi tas-sit ta' Hwangseong-dong imwettqa mill-Istitut tar-Riċerka dwar l-Arkeoloġija u l-Istorja tal-Arti tal-Korea, instabet għadma ta' baliena b'foxxna ġo fiha, evidenza ċara tal-kaċċa tal-balieni.
Is-saffi li fihom l-għadam tal-balieni maqbuda jmorru lura għal 5,500 sa 4,700 sena qabel il-preżent. B'hekk, meta jitqies l-għajxien f'dak il-perjodu, l-għodod tal-kaċċa u tas-sajd, fdalijiet relatati u kontenuti kontemporanji, jidher li l-arti fuq il-blat saret bejn il-bidu u nofs l-era Neolitika. Qabel ma ġie skopert is-sit, kien maħsub li l-ewwel kaċċa tal-balieni seħħet bejn is-sekli 10 u 11.
Mir-rappreżentazzjonijiet abbundanti ta' annimali tal-baħar, is-sit jidher li għandu rabta mill-qrib mal-kaċċaturi-sajjieda tal-era Neolitika (bejn 8,000 u 3,500 sena qabel il-preżent). Għaldaqstant, is-sit ta' Bangudae fih l-iżjed evidenza tal-qedem tal-kaċċa tal-balieni fid-dinja u jitqies bħala importanti ferm mhux biss bħala l-ewwel rappreżentazzjoni tal-kaċċa tal-balieni, iżda anke għall-fehim tal-kultura marittima preistorika fit-Tramuntana tal-Paċifiku.
Siti simili
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-evalwazzjoni tal-importanza global tas-sit, l-ICOMOS qabblitu ma' sitt siti oħra tal-arti fuq il-blat fil-Lvant tal-Asja (mifruxa fir-Russja, fil-Mongolja, fil-Ġappun u fiċ-Ċina). Fosthom, il-petroglifiċi ta' Sikachi-Alyan u l-arti fuq il-blat ta' Tsagaan Salaa biss jirriflettu storja kulturali daqstant twila. Madankollu, ma għandhomx id-diversità ikonografika u d-densità ta' tinqix li nstabu fil-Petroglifiċi ta' Bangudae. Il-motivi tas-sajd u taċ-ċetaċji preżenti f'Ulsan huma assenti fil-Ġappun u fiċ-Ċina, u jidhru biss b'mod komparabbli fis-sit ta' Pegtymel f'Chukotka u fir-reġjun ta' Karelia fir-Russja Ewropea.[7]
Preservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Id-Diga ta' Sayeon, li nbniet mill-1962 sal-1965 u li tkabbret bejn l-1999 u l-2002, tgħin fil-provvista tal-ilma tajjeb għax-xorb f'Ulsan iżda kkawżat l-għargħar tal-blat li fuqu tnaqqxu l-petroglifiċi għal kważi tmien xhur fis-sena. Dan l-għargħar perjodiku jqajjem it-tħassib rigward l-erożjoni u l-ħsara mill-ilma fuq il-motivi tal-arti fuq il-blat, li jitqiesu bħala kapulavuri tal-arti preistorika u sors imprezzabbli ta' tagħrif preistoriku. Il-gvern tal-Korea t'Isfel qed iqis il-kostruzzjoni ta' "diga" tal-polikarbonat biex l-uċuħ tal-blat jiġu protetti.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Fl-2025, il-Petroglifiċi tul in-Nixxiegħa ta' Bangudae ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2][8]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (i) "Rappreżentazzjoni ta' kapulavur frott il-kreattività tal-bniedem"; u l-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[2]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ Service (KOCIS), Korean Culture and Information. "Ancient petroglyphs captivate archeologists : Korea.net : The official website of the Republic of Korea". www.korea.net (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-01.
- 1 2 3 "Petroglyphs along the Bangucheon Stream - UNESCO".
- ↑ "Special dam to protect Bangudae engravings - The Korea Times". www.koreatimes.co.kr (bl-Ingliż). 2013-06-16. Miġbur 2025-08-01.
- ↑ KTO, Korea Tourism Organization. "Petroglyphs of Bangudae Terrace in Daegok-ri [UNESCO World Heritage] (울주 대곡리 반구대 암각화 [유네스코 세계유산]) : VISITKOREA". Petroglyphs of Bangudae Terrace in Daegok-ri [UNESCO World Heritage] (울주 대곡리 반구대 암각화 [유네스코 세계유산]) (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-01.
- ↑ Herald, Korea (2013-05-07). "Culture officials call for preservation of Bangudae engravings in Ulsan". The Korea Herald (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-01.
- ↑ Archaeology, Current World (2014-01-24). "CWA travels to The Petroglyphs of Bangudae" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-01.
- ↑ Lee, Sang-Mog; Robineau, Daniel (January–March 2004). "The cetaceans of the Neolithic rock carvings of Bangu-dae (South Korea) and the beginning of whaling in the North-West Pacific". L'Anthropologie. 108 (1): 137–151. doi:10.1016/j.anthro.2004.01.001.
- ↑ Sun-ah, Shim (2025-07-12). "S. Korea's prehistoric petroglyphs inscribed on UNESCO World Heritage list | Yonhap News Agency" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-01.