Peniżola Valdés

Il-Peniżola Valdés (bl-Ispanjol: Península Valdés) hija peniżola fl-Oċean Atlantiku fid-Dipartiment ta' Viedma tal-Provinċja ta' Chubut fil-Grigal tal-Arġentina. Magħha jmiss il-Golf ta' San Matías lejn it-Tramuntana. Il-peniżola hija riżerva naturali importanti li tniżżlet fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]
Il-peniżola għandha daqs ta' madwar 3,625 km2 (1,400 mil kwadru) mingħajr ma jitqies l-Istmu ta' Carlos Ameghino li jikkollega l-peniżola mal-art kontinentali. L-eqreb belt kbira hi Puerto Madryn. L-uniku raħal fil-peniżola hu l-insedjament żgħir ta' Puerto Pirámides. Hemm ukoll għadd ta' estancias għat-trobbija tan-nagħaġ.
Il-biċċa l-kbira tal-peniżola hija art mhux maħduma b'xi lagi tal-melħ. L-ikbar wieħed minn dawn il-lagi għandu elevazzjoni ta' madwar 40 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, u sa reċentement kien maħsub bħala l-iżjed elevazzjoni baxxa fl-Arġentina u fl-Amerka t'Isfel (l-iżjed punt baxx effettivament huwa Laguna del Carbón, l-Arġentina, li huwa wkoll l-iżjed punt baxx fl-Amerka t'Isfel kollha).

Fil-kosta jgħixu mammiferi tal-baħar bħall-iljuni tal-baħar, il-foki iljunfanti u l-otarji. L-ilmijiet ta' biswit fihom l-iżjed post importanti għat-tnissil tal-balieni tan-Nofsinhar fid-dinja. Dawn jistgħu jinstabu f'Golfo Nuevo u f'Golfo San José, li huma korpi tal-ilma protetti bejn il-peniżola u l-art kontinentali tal-Patagonja. Dawn il-balieni jaslu bejn Mejju u Diċembru, fejn jitgħammru u jwelldu, minħabba li l-ilma fil-golf huwa ferm iktar kwiet u sħun mill-baħar miftuħ. Mal-kosta u fil-baħar miftuħ jgħixu wkoll l-orki. B'mod partikolari, hawnhekk iġibu ruħhom b'mod uniku għaliex jużaw il-mewġ biex joqorbu lejn il-kosta u jikkaċċjaw l-iljuni tal-baħar u l-foki iljunfanti.
Fin-naħa ta' ġewwa tal-peniżola jgħixu r-rea, il-gwanako u l-maras. Barra minn hekk, fil-peniżola jgħixu varjetà wiesgħa ta' għasafar, b'mill-inqas 181 speċi rreġistrati, inkluż il-kanġu tal-Kap. Il-peniżola flimkien ma' Punta León u Punta Loma ġew iddeżinjati bħala Żona Importanti għall-Għasafar mill-BirdLife International peress li jsostnu popolazzjonijiet sinifikanti ta' pingwini ta' Magellan (madwar 150,000 par li jitnisslu), marguni tal-blat u marguni imperjali, gawwin tal-laminarja, ċirlewwi tal-Amerka t'Isfel, ċirlewwi ta' Cabot u ċirlewwi rjali.[2]
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Peniżola Valdes għandha klima kiesħa tad-deżert (BWk skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen) u kważi klima kiesħa semideżertika (BSk skont il-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen). Għandha klima tipika tat-Tramuntana tal-Patagonja li tiġi mmodifikata bl-interazzjonijiet bejn ix-xejriet taċ-ċirkolazzjoni atmosferika u l-oċean biswit. Il-peniżola tinsab bejn medda subtropikali ta' pressjoni għolja (li tinsab f'30oS) u medda subpolari ta' pressjoni baxxa (li tinsab bejn 60o u 70oS), u b'hekk ir-riħ dejjem jonfoħ mill-Punent. It-temperatura annwali medja tkun 10.6 °C (51.1 °F), u tvarja bejn temperatura medja fix-xahar ta' 8 °C (46.4 °F) fix-xitwa u 18 °C (64.4 °F) fis-sajf. Matul ix-xitwa, it-temperaturi jvarjaw bejn 0 u 15 °C (32.0 u 59.0 °F) u spiss ikun hemm il-ġlata, b'medja ta' 12–20 jum. It-temperaturi fis-sajf ivarjaw bejn 15 u 35 °C (59.0 u 95.0 °F).[3]
Il-preċipitazzjoni annwali medja tkun baxxa, b'medja ta' 240 millimetru (9.4 pulzieri), għalkemm tvarja minn sena għal oħra. In-naħa ta' ġewwa tal-peniżola tesperjenza kemxejn inqas preċipitazzjoni miż-żoni kostali, b'bejn 200 u 225 millimetru (bejn 7.9 u 8.9 pulzieri) fis-sena. Il-preċipitazzjoni tinżel b'mod pjuttost uniformi matul is-sena, għalkemm bejn April u Ġunju ikun hemm l-ogħla preċipitazzjoni. L-Oxxillazzjoni tan-Nofsinhar ta' El Niño tinfluwenza ferm il-klima tal-peniżola. Matul sena bil-fenomenu ta' El Niño, il-preċipitazzjoni tkun ogħla bejn Novembru u Frar.
| Data klimatika fejn il-Fanal ta' Punta Delgada, il-Peniżola Valdes | |||||||||||||
|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|---|
| Xahar | Jan | Fra | Mar | Apr | Mej | Ġun | Lul | Aww | Set | Ott | Nov | Diċ | Sena |
| Temp. għolja rekord °C (°F) | 35.9 (96.6) |
35.6 (96.1) |
34.9 (94.8) |
30.1 (86.2) |
24.5 (76.1) |
20.9 (69.6) |
17.9 (64.2) |
21.9 (71.4) |
26.9 (80.4) |
30.4 (86.7) |
34.9 (94.8) |
37.2 (99.0) |
37.2 (99.0) |
| Medja massima kuljum °C (°F) | 22.8 (73.0) |
23.2 (73.8) |
21.1 (70.0) |
18.6 (65.5) |
14.6 (58.3) |
12.2 (54.0) |
11.2 (52.2) |
11.6 (52.9) |
13.7 (56.7) |
17.2 (63.0) |
19.4 (66.9) |
21.8 (71.2) |
17.3 (63.1) |
| Medja kuljum °C (°F) | 17.4 (63.3) |
17.6 (63.7) |
16.1 (61.0) |
13.7 (56.7) |
10.8 (51.4) |
8.2 (46.8) |
7.1 (44.8) |
7.7 (45.9) |
9.2 (48.6) |
11.5 (52.7) |
13.8 (56.8) |
15.7 (60.3) |
12.4 (54.3) |
| Medja minima kuljum °C (°F) | 13.1 (55.6) |
13.3 (55.9) |
12.0 (53.6) |
10.2 (50.4) |
7.0 (44.6) |
4.3 (39.7) |
3.6 (38.5) |
3.2 (37.8) |
5.5 (41.9) |
7.4 (45.3) |
9.8 (49.6) |
12.0 (53.6) |
8.5 (47.3) |
| Temp. baxxa rekord °C (°F) | 5.1 (41.2) |
5.4 (41.7) |
4.3 (39.7) |
0.3 (32.5) |
−0.1 (31.8) |
−3.4 (25.9) |
−3.5 (25.7) |
−2.9 (26.8) |
−4.9 (23.2) |
−2.4 (27.7) |
1.6 (34.9) |
2.7 (36.9) |
−4.9 (23.2) |
| Preċipitazzjoni medja cm (pulzieri) | 13.9 (0.55) |
10.5 (0.41) |
23.5 (0.93) |
25.9 (1.02) |
25.0 (0.98) |
25.2 (0.99) |
27.9 (1.10) |
14.8 (0.58) |
16.5 (0.65) |
12.1 (0.48) |
13.1 (0.52) |
15.1 (0.59) |
223.5 (8.80) |
| Medja tal-umdità relattiva (%) | 68.0 | 68.5 | 68.5 | 68.5 | 72.5 | 76.5 | 77.0 | 72.5 | 72.5 | 68.0 | 69.0 | 67.5 | 70.8 |
| Sors: Secretaria de Mineria | |||||||||||||
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Peniżola Valdés ġiet iddeżinjata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1999.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Peniżola Valdés - UNESCO".
- ^ "BirdLife DataZone". datazone.birdlife.org (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-16.
- ^ "Puerto Pirámides - Península Valdés - Patagonia Argentina - Sitio Oficial". www.puertopiramides.gov.ar. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-07-03. Miġbur 2025-08-16.