Patoloġija

Il-patoloġija hija l-istudju tal-mard. Il-kelma patoloġija tirreferi wkoll għall-istudju tal-mard inġenerali, u tinkorpora firxa wiesgħa ta' oqsma tar-riċerka bijoloġika u ta' prattiċi mediċi. Madankollu, meta jintuża fil-kuntest tat-trattament mediku modern, it-terminu spiss jintuża b'mod idjaq biex jirreferi għall-proċessi u għat-testijiet marbuta mal-qasam mediku kontemporanju tal-"patoloġija ġenerali", qasam li jinkludi għadd ta' speċjalizzazzjonijiet mediċi distinti iżda interrelatati li jiddijanjostikaw il-mard, l-iktar permezz tal-analiżi tal-kampjuni tat-tessuti u taċ-ċelloli umani. Il-patoloġija huwa qasam sinifikanti fid-dijanjożi medika moderna u fir-riċerka medika. Tabib li jipprattika l-patoloġija jissejjaħ patologu.[1]
Bħala qasam tal-inkjesti u tar-riċerka ġenerali, il-patoloġija tindirizza l-komponenti tal-mard: il-kawża, il-mekkaniżmi tal-iżvilupp (patoġenesi), l-alterazzjonijiet strutturali taċ-ċelloli (bidliet morfoloġiċi), u l-konsegwenzi tal-bidliet (manifestazzjonijiet kliniċi).[2] Fil-prattika medika komuni, il-patoloġija ġenerali tittratta l-iktar l-analiżi tal-abnormalitajiet kliniċi magħrufa li huma markaturi jew prekursuri kemm tal-mard infettiv kif ukoll tal-mard mhux infettiv, u ssir minn esperti f'waħda miż-żewġ speċjalizzazzjonijiet ewlenin, il-patoloġija anatomika u l-patoloġija klinika.[3] Diviżjonijiet ulterjuri fl-ispeċjalizzazzjonijiet jeżistu abbażi tat-tipi tal-kampjuni involuti bħal fiċ-ċitopatoloġija, fl-ematopatoloġija u fl-istopatoloġija), tal-organi (bħal fil-patoloġija renali) u tas-sistemi fiżjoloġiċi (il-patoloġija orali), kif ukoll abbażi tal-enfasi tal-eżaminazzjoni (bħal fil-patoloġija forensika).
Idjomatikament, "patoloġija" jaf tirreferi wkoll għall-progressjoni prevista jew effettiva ta' mard partikolari (bħal fl-istqarrija "il-forom differenti tal-kanċer ikollhom diversità ta' patoloġiji", fejn kelma iktar preċiża jaf tkun "patofiżjoloġiji"). Is-suffiss -patija xi kultant jintuża biex jiġi indikat stat tal-mard f'każijiet ta' mard fiżiku (bħal fil-kardjomijopatija) u ta' kundizzjonijiet psikoloġiċi (bħal fil-psikopatija).[4]
It-terminu Latin pathologia oriġina mill-għerq Grieg Antik pathos (πάθος), li tfisser "esperjenza" jew "tbatija", u -logia (-λογία), li tfisser "studju ta'". It-terminu għandu oriġini li tmur lura għall-bidu tas-seklu 16, u kulma jmur sar iktar popolarizzat wara s-snin 30 tas-seklu 16.[5]

L-istudju tal-patoloġija, inkluż l-eżaminazzjoni dettaljata tal-ġisem, id-dissezzjoni u l-inkjesti rigward mard speċifiku, imur lura għal żmien il-qedem. Il-fehim rudimentali ta' bosta kundizzjonijiet kien preżenti fil-biċċa l-kbira tas-soċjetajiet bikrin u ġie rreġistrat fir-rekords tal-iżjed soċjetajiet storiċi bikrin, fosthom dawk tal-Lvant Nofsani, tal-Indja u taċ-Ċina.[6] Sal-perjodu Elleniku tal-Greċja Antika, sar studju kawżali maqbul tal-mard, u bosta tobba notevoli bikrin (bħal Ippokrate, li għalih jissemma l-ġurament Ippokratiku modern) żviluppaw metodi ta' dijanjożi u ta' pronjożi għal għadd ta' mardiet. Il-prattiċi mediċi tar-Rumani u dawk tal-Biżantini komplew minn dawn l-għeruq Griegi, iżda bħal f'bosta oqsma tal-inkjesti xjentifiċi, it-tkabbir fil-fehim tal-mediċina staġna kemxejn wara l-Era Klassika, iżda baqa' jiżviluppa bil-mod fost bosta kulturi. B'mod partikolari, saru bosta avvanzi fl-era Medjevali tal-Iżlam, u matul dan iż-żmien ġew żviluppati bosta testi ta' patoloġiji kumplessi, ibbażati wkoll fuq it-tradizzjoni Griega. Minkejja dan, it-tkabbir fil-fehim kumpless tal-mard fil-biċċa l-kbira waqaf sa ma l-għarfien u l-isperimentazzjoni reġgħu bdew jiżdiedu fir-Rinaxximent, fl-Illuminiżmu u fil-Barokk, wara li reġa' feġġ il-metodu empiriku f'ċentri ġodda tal-istudju. Sas-seklu 17, l-istudju tal-mikroskopija rudimentali u l-eżaminazzjoni tat-tessuti wasslu biex il-membru tas-Soċjetà Rjali Brittanika Robert Hooke joħroġ bil-kelma "ċellola", u b'hekk witta t-triq għat-teorija suċċessiva tal-ġermi.

Il-patoloġija moderna bdiet tiżviluppa bħala qasam distint ta' stħarriġ matul is-seklu 19 permezz tal-filosfi naturali u tat-tobba li studjaw il-mard u l-istudju informali tal-hekk imsejħa "anatomija patoloġika" jew "anatomija tal-mard". Madankollu, il-patoloġija bħala qasam formali speċjalizzat ma ġietx żviluppata għalkollox qabel l-aħħar tas-seklu 19 u l-bidu tas-seklu 20, bil-wasla tal-istudju dettaljat tal-mikrobijoloġija. Fis-seklu 19, it-tobba bdew jifhmu li jeżistu l-patoġeni li jikkawżaw il-mard, jew il-"ġermi" (terminu kumplessiv għall-mikrobi "patoġeniċi" jew li jikkawżaw il-mard, bħall-batterji, viruses, fungi, amibi, mofof, protisti u prijoni) u li kienu kapaċi jirriproduċu u jimmultiplikaw. Dan il-fehim ħa post it-twemmin iktar bikri fl-umuri jew saħansitra fl-aġenti spiritwali, li kien iddomina fil-biċċa l-kbira tal-1,500 sena ta' qabel fil-mediċina Ewropea. Bil-fehim il-ġdid tal-aġenti kawżattivi, it-tobba bdew iqabblu l-karatteristiċi tas-sintomi tal-ġermi skont kif żviluppaw f'xi individwu affettwat u mqabbla mal-karatteristiċi u tal-ġermi u s-sintomi. Dan l-approċċ wassal għall-fehim fundamentali li l-mard kapaċi jirreplika ruħu, u li jista' jkollu bosta effetti profondi u varjati fuq l-ospitant uman. Sabiex jiġu ddeterminati l-kawżi tal-mardiet, l-esperti mediċi wżaw l-iżjed suppożizzjonijiet jew sintomi komuni u aċċettati b'mod wiesa' ta' żminijiethom, li huwa prinċipju ġenerali tal-approċċ li għadu jippersisti fil-mediċina moderna.[7][8]
Il-mediċina moderna avvanzat b'mod partikolari bl-iżviluppi ulterjuri tal-mikroskopju għall-analiżi tat-tessuti, bil-kontribut sinifikanti ta' Rudolf Virchow, li wassal għal bosta żviluppi fir-riċerka. Sal-aħħar tas-snin 20 u l-bidu tas-snin 30 tas-seklu 20, il-patoloġija kienet meqjusa bħala speċjalizzazzjoni medika.[9] Flimkien mal-iżviluppi fil-fehim tal-fiżjoloġija ġenerali, sal-bidu tas-seklu 20, l-istudju tal-patoloġija beda jinqasam f'għadd ta' oqsma distinti, li wassal għall-iżvilupp ta' għadd kbir ta' speċjalizzazzjonijiet moderni fi ħdan il-patoloġija u dixxiplini relatati tal-mediċina dijanjostika.[10]
Patoloġija ġenerali
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-prattika moderna tal-patoloġija hija maqsuma f'għadd ta' sottodixxiplini fi ħdan l-għanijiet distinti iżda ferm interkonnessi tar-riċerka bijoloġika u l-prattika medika. Ir-riċerka bijomedika dwar il-mard tinkorpora x-xogħol ta' varjetà vasta ta' speċjalisti tax-xjenza tal-ħajja, billi, fil-biċċa l-kbira tal-partijiet tad-dinja, sabiex wieħed ikun liċenzjat biex jipprattika l-patoloġija bħala speċjalizzazzjoni medika, wieħed irid ikun temm l-iskola medika u kiseb liċenzja biex jipprattika l-mediċina. Strutturalment, l-istudju tal-mard huwa maqsum f'bosta oqsma differenti li jistudjaw jew jiddijanjostikaw il-markaturi għall-mard bl-użu ta' metodi u teknoloġiċi partikolari għal tipi speċifiċi ta' skali, organi u tessuti.
Patoloġija anatomika
[immodifika | immodifika s-sors]Il-patoloġija anatomika (fil-Commonwealth jew fl-Istati Uniti) hija speċjalizzazzjoni medika li għandha x'taqsam mad-dijanjożi tal-mard abbażi tal-eżaminazzjoni grossa, mikroskopika, kimika, immunoloġika u molekolari tal-organi, tat-tessuti u tal-iġsma sħaħ (bħal fl-eżaminazzjoni ġenerali jew fl-awtopsja). Il-patoloġija anatomika fiha nnifisha hija maqsuma f'sottooqsma, fosthom il-patoloġija kirurġika, iċ-ċitopatoloġija u l-patoloġija forensika. Il-patoloġija anatomika hija waħda miż-żewġ oqsma prinċipali tal-prattika medika tal-patoloġija, u l-oħra hija l-patoloġija klinika, id-dijanjożi tal-mard permezz tal-analiżi fil-laboratorju tal-fluwidi u tat-tessuti tal-ġisem. Xi kultant, il-patologi jipprattikaw kemm il-patoloġija anatomika kif ukoll dik klinika, kombinament magħruf bħala patoloġija ġenerali.
Ċitopatoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Iċ-ċitopatoloġija (xi kultant magħrufa bħala ċ-"ċitoloġija") hija l-fergħa tal-patoloġija li tistudja u tiddijanjostika l-mard fuq il-livell ċellolari. Normalment tintuża biex tgħin fid-dijanjożi tal-kanċer, iżda tgħin ukoll fid-dijanjożi ta' ċertu mard infettiv u kundizzjonijiet infjammatorji oħra, kif ukoll leżjonijiet tat-tirojde, mard li jinvolvi l-kavitajiet sterili tal-ġisem (peritoneali, plewrali u ċerebrospinali), u firxa wiesgħa ta' siti oħra tal-ġisem. Iċ-ċitopatoloġija ġeneralment tintuża fuq kampanji ta' ċelloli liberi jew frammenti tat-tessuti (b'kuntrast mal-istopatoloġija, li tistudja t-tessuti sħaħ) u testijiet ċitopatoloġiċi li jistgħu jingħaddu fuq slide tal-ħġieġ tal-mikroskopju għal tebgħat u eżaminazzjoni mikroskopiku sussegwenti. Madankollu, il-kampjuni ċitoloġiċi jistgħu jitħejjew b'modi oħra, inkluż b'ċitoċentrifugazzjoni.
Dermatopatoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]
Id-dermatopatoloġija hija sottospeċjalizzazzjoni tal-patoloġija anatomika li tiffoka fuq il-ġilda u l-bqija tas-sistema integumentarja bħala organu. Hija unika, peress li hemm żewġ modi kif tabib jista' jikseb speċjalizzazzjoni. Il-patologi ġenerali u d-dermatologi ġenerali kollha jitħarrġu fil-patoloġija tal-ġilda, għaldaqstant it-terminu dermatopatologu jirreferi għalihom it-tnejn skont ċertu livell ta' akkreditazzjoni u esperjenza; fl-Istati Uniti, patologu ġenerali jew dermatologu jistgħu jagħmlu apprendistat ta' sena sa sentejn fil-qasam tad-dermatopatoloġija. It-tlestija ta' dan l-apprendistat twassal għall-possibbiltà li wieħed jagħmel eżami quddiem bord ta' sottospeċjalizzazzjoni biex isir dermatopatologu ċċertifikat mill-bord. Id-dermatologi kapaċi jagħrfu l-biċċa l-kbira tal-mardiet tal-ġilda abbażi tad-dehra, id-distribuzzjonijiet anatomiċi u l-imġiba. Madankollu, xi kultant dawk il-kriterji ma jwasslux għal dijanjożi konklużiva, u ssir bijopsija tal-ġilda biex tiġi eżaminata taħt il-mikroskopju bl-użu ta' testijiet istoloġiċi tas-soltu. F'xi każijiet, ikun meħtieġ li jsir ittestjar speċjalizzat fuq il-bijopsiji, fosthom l-immunofluworexxenza, l-immunoistokimika, il-mikroskopija bl-elettroni, iċ-ċitometrija bil-fluss u l-analiżi patoloġika molekolari. Waħda mill-ikbar sfidi tad-dermatopatoloġija hija l-kobor tagħha. Jeżistu iktar minn 1,500 diżordni differenti tal-ġilda, inkluż raxx tal-ġilda u neoplażmi. Għaldaqstant, id-dermatopatologi jrid ikollhom bażi wiesgħa ta' għarfien fid-dermatoloġija klinika, u jkunu midħla ta' diversi oqsma oħra ta' speċjalizzazzjoni fil-mediċina.
Patoloġija forensika
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-patoloġija forensika tiffoka fuq li tiġi ddeterminata l-kawża tal-mewt b'eżaminazzjoni post mortem tal-katavru jew ta' fdalijiet parzjali. Tipikament issir awtopsja minn eżaminatur mediku, spiss waqt l-investigazzjonijiet kriminali; f'dan ir-rwol, l-eżaminaturi mediċi sikwit jiġu mistoqsija jikkonfirmaw l-identità ta' katavru. Ir-rekwiżiti biex wieħed isir prattikant liċenzjat tal-patoloġija forensika jvarjaw minn pajjiż għal ieħor (u saħansitra fl-istess nazzjon xi kultant) iżda tipikament rekwiżit minimu huwa dottorat mediku bi speċjalizzazzjoni fil-patoloġija ġenerali jew anatomika bi studju sussegwenti fil-mediċina forensika. Il-metodi li jużaw ix-xjenzati forensiċi biex jiddeterminaw il-mewt jinkludu l-eżaminazzjoni tal-eżemplari tat-tessuti sabiex tiġi identifikata l-preżenza jew l-assenza ta' mard naturali u sejbiet mikroskopiċi oħra, l-interpretazzjonijiet tat-tossikoloġija fuq it-tessuti u l-fluwidi tal-ġisem biex tiġi ddeterminata l-kawża kimika ta' dożi eċċessivi, avvelenamenti jew każijiet oħra li jinvolvu aġenti tossiċi, u eżaminazzjonijiet ta' trawmi fiżiċi. Il-patoloġija forensika hija komponent ewlieni fil-qasam transdixxiplinari tax-xjenza forensika.
Istopatoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]
L-istopatoloġija tirreferi għall-eżaminazzjoni mikroskopika ta' diversi forom ta' tessuti umani. B'mod speċifiku, fil-mediċina klinika, l-istopatoloġija tirreferi għall-eżaminazzjoni ta' bijopsija jew eżemplar kirurġiku minn patologu, wara li l-eżemplar ikun ġie pproċessat u s-sezzjonijiet istoloġiċi jkunu tpoġġew fuq slides tal-ħġieġ. Dan jikkuntrasta mal-metodi taċ-ċitopatoloġija, li tuża ċ-ċelloli liberi jew il-frammenti tat-tessuti. L-eżaminazzjoni istopatoloġika tat-tessuti tibda b'operazzjoni, b'bijopsija jew b'awtopsija. It-tessuti jitneħħew mill-ġisem ta' organiżmu u mbagħad jitpoġġew f'fissativ li jistabbilizza t-tessuti biex jiġi evitat id-deterjorament. L-iżjed fissativ komuni huwa l-formalin, għalkemm l-iffissar ta' sezzjoni ffriżata huwa komuni wkoll. Sabiex wieħed jara t-tessuti b'mikroskopju, is-sezzjonijiet jittebbgħu b'pigment wieħed jew iktar. L-għan ta' dan hu li jiġu żvelati l-komponenti ċellolari; il-kontrotebgħat jintużaw biex jipprovdu kuntrast. L-istokimika tirreferi għax-xjenza tal-użu tar-reazzjonijiet kimiċi bejn is-sustanzi kimiċi tal-laboratorju u l-komponenti fi ħdan it-tessuti. Is-slides istoloġiċi mbagħad jiġu interpretati b'mod dijanjostiku u r-rapport patoloġiku li jirriżulta jiddeskrivi s-sejbiet istoloġiċi u l-opinjoni tal-patologu. Fil-każ tal-kanċer, dan jirrappreżenta d-dijanjożi tat-tessuti meħtieġa għall-biċċa l-kbira tal-protokolli tat-trattamenti.
Newropatoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]
In-newropatoloġija hija l-istudju tal-mard fit-tessuti tas-sistema nervuża, normalment fil-forma ta' bijopsiji kirurġiċi jew xi kultant imħuħ sħaħ fil-każ ta' awtopsija. In-newropatoloġija hija sottospeċjalizzazzjoni tal-patoloġija anatomika, tan-newroloġija u tan-newrokirurġija. F'bosta pajjiżi, in-newropatoloġija titqies bħala sottoqasam tal-patoloġija anatomika. Tabib li jispeċjalizza fin-newropatoloġija, normalment wara li jlesti apprendistat fil-patoloġija anatomika jew ġenerali, jissejjaħ newropatologu. Fil-prattika klinika ta' kuljum, newropatologu jiġġenera d-dijanjożi għall-pazjenti. Jekk ikun hemm suspett ta' mard fis-sistema nervuża, u d-dijanjożi ma tkunx tista' ssir b'metodi inqas invażivi, issir bijopsija tat-tessuti nervużi mill-moħħ jew jiġi estratt fluwidu ċerebrospinali mis-sinsla biex jgħin fid-dijanjożi. Bijopsija normalment tintalab wara li tinstab massa bl-immaġnijiet mediċi. Bl-awtopsji, ix-xogħol prinċipali tan-newropatologu hu li jgħin fid-dijanjożi post mortem ta' diversi kundizzjonijiet li jaffettwaw is-sistema nervuża ċentrali. Il-bijopsiji jistgħu jikkonsistu wkoll mill-ġilda. L-ittestjar tad-densità tal-fibri nervużi epidermali (ENFD) huwa test tan-newropatoloġija li ġie żviluppat iktar reċentement fejn issir bijopsija biex jiġu identifikati newropatiji tal-fibri nervużi żgħar bl-analiżi tal-fibri nervużi tal-ġilda. Dan it-test qed isir disponibbli f'għadd ta' laboratorji kif ukoll f'bosta universitajiet; jissostitwixxi t-test tal-bijopsija nervuża tradizzjonali peress li huwa inqas invażiv.

Patoloġija pulmonari
[immodifika | immodifika s-sors]Il-patoloġija pulmonari hija sottospeċjalizzazzjoni tal-patoloġija anatomika (u speċjalment kirurġika) li tittratta d-dijanjożi u l-karatterizzazzjoni tal-mard neoplastiku u mhux neoplastiku tal-pulmuni u tal-plewra toraċika. L-eżemplari dijanjostiċi spiss jinklisbu permezz ta' bijopsija transbronkjali bronkoskopika, bijopsija perkutanja ggwidata b'CT scan jew kirurġija toraċika assistita bil-filmati. Dawn it-testijiet jaf ikunu meħtieġa għal dijanjożi bejn infezzjoni, infjammazzjoni jew kundizzjonijiet fibrotiċi.

Patoloġija renali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-patoloġija renali hija sottospeċjalizzazzjoni tal-patoloġija anatomika li tittratta d-dijanjożi u l-karatterizzazzjoni tal-mard tal-kliewi. F'ambjent mediku, il-patologi renali jaħdmu mill-qrib man-nefrologi u mal-kirurgi tat-trapjanti, li tipikament jiksbu eżemplari dijanjostiċi permezz ta' bijopsija renali perkutanja. Il-patologu renali jrid jissintetizza s-sejbiet mill-istoloġija mikroskopika tradizzjonali, mill-mikroskopija bl-elettroni u bl-immunofluworexxenza biex jikseb dijanjożi definittiva. Il-mard renali mediku jista' jaffettwa l-glomerulu, it-tubuli u l-interstizju, il-vażi jew taħlita ta' dawn il-kompartimenti.
Patoloġija kirurġika
[immodifika | immodifika s-sors]Il-patoloġija kirurġika hija waħda mill-oqsma primarji tal-prattika tal-biċċa l-kbira tal-patologi anatomiċi. Il-patoloġija kirurġika tinvolvi l-eżaminazzjoni grossa u mikroskopika tal-eżemplari kirurġiċi, kif ukoll bijopsiji li jsiru minn kirurgi u persunal mhux kirurġiku bħal internisti ġenerali, sottospeċjalisti mediċi, dermatologi u radjologi intervenzjonali. Spiss il-qtugħ ta' kampjun ta' tessut huwa l-aqwa evidenza u l-iktar waħda definittiva ta' marda (jew ta' nuqqas tagħha) f'każijiet fejn it-tessuti jitneħħew b'mod kirurġiku minn pazjent. Dawn id-determinazzjonijiet normalment jitwettqu permezz ta' taħlita ta' eżaminazzjonijiet grossi (jiġifieri makroskopiċi) u istoloġiċi (jiġifieri mikroskopiċi) tat-tessuti, u jistgħu jinvolvu evalwazzjonijiet tal-proprjetajiet molekolari tat-tessuti bl-immunoistokimika jew b'testijiet oħra tal-laboratorju.

Hemm żewġ tipi ewlenin ta' eżemplari li jitressqu għal analiżi tal-patoloġija kirurġika: il-bijopsiji u l-intersezzjoni kirurġika. Bijopsija hija t-tneħħija ta' biċċa żgħira ta' tessut primarjament għal analiżi tal-patoloġija kirurġika, spiss sabiex twassal għal dijanjożi definittiva. Fost it-tipi ta' bijopsiji hemm il-bijopsiji bil-labar, li jinkisbu bl-użu ta' labar kbar, xi kultant bil-gwida ta' tekniki radjoloġiċi bħall-ultrasound, CT scan, jew immaġnijiet ta' risonanza manjetika. Il-bijopsiji b'inċiżjoni jinkisbu permezz ta' proċeduri kirurġiċi dijanjostiċi fejn titneħħa parti minn leżjoni suspettuża, filwaqt li fil-bijopsiji bil-qtugħ titneħħa leżjoni sħiħa, u jkunu simili għal intersezzjonijiet kirurġiċi terapewtiċi. Il-bijopsiji intersezzjonali tal-leżjonijiet tal-ġilda u tal-polipi gastrointestinali huma komuni ħafna. L-interpretazzjoni tal-patologu rigward bijopsija hija kritika biex tiġi stabbilita dijanjożi ta' tumur benevoli jew malinn, u tista' tiddistingwi bejn it-tipi u l-livelli differenti ta' kanċer, kif ukoll tiddetermina l-attività ta' mogħdijiet molekolari speċifiċi fit-tumur. L-eżemplari tal-intersezzjonijiet kirurġiċi jinkisbu bit-tneħħija kirurġika terapewtika ta' żona marida sħiħa jew organu sħiħ (u okkażjonalment ta' diversi organi). Dawn il-proċeduri spiss huma maħsuba bħala trattament kirurġiku definittiv ta' marda fejn id-dijanjożi tkun ġa magħrufa jew suspettata sew, iżda l-analiżi patoloġika ta' dawn l-eżemplari tibqa' importanti biex tiġi kkonfermata d-dijanjożi preċedenti.
Patoloġija klinika
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-patoloġija klinika hija speċjalizzazzjoni medika marbuta mad-dijanjożi tal-mard abbażi tal-analiżi fil-laboratorju tal-fluwidi tal-ġisem bħad-demm u l-awrina, kif ukoll tat-tessuti, bl-użu tal-għodda tal-kimika, tal-mikrobijoloġija klinika, tal-ematoloġija u tal-patoloġija molekolari. Il-patologi kliniċi jaħdmu b'kollaborazzjoni mill-qrib mat-teknoloġisti mediċi, mal-amministrazzjonijiet tal-isptarijiet u mat-tobba speċjalizzati. Il-patologi kliniċi jitgħallmu jagħmlu għadd ta' testijiet viżivi u mikroskopiċi, kif ukoll għadd tassew kbir ta' testijiet tal-proprjetajiet bijofiżiċi tal-kampjuni tat-tessuti li jinvolvu l-analizzaturi u l-kulturi awtomatizzati. Xi kultant jintuża t-terminu "speċjalist mediku tal-laboratorju" biex jirreferi għal min jaħdem fil-patoloġija klinika, fosthom it-tobba mediċi, l-ispeċjalisti bid-dottorati u dawk b'dottorati fil-farmakoloġija. L-immunopatoloġija, l-istudju tar-rispons immunoloġiku ta' organiżmu għal infezzjoni, xi kultant titqies li tagħmel parti mid-dominju tal-patoloġija klinika.
Ematopatoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]L-ematopatoloġija hija l-istudju tal-mard taċ-ċelloli tad-demm (inkluż il-kostitwenti bħaċ-ċelloli tad-demm bojod, iċ-ċelloli tad-demm ħomor u l-pjastrini) u tat-tessuti, kif ukoll tal-organi li jagħmlu parti mis-sistema ematopojetika. Dan it-terminu tal-aħħar jirreferi għat-tessuti u għall-organi li jipproduċu u/jew primarjament jospitaw iċ-ċelloli ematopojetiċi u jinkludi l-mudullun tal-għadam, in-nodi linfatiċi, it-timus, il-milsa u tessuti linfojdi oħra. Fl-Istati Uniti, l-ematopatoloġija hija sottospeċjalizzazzjoni ċċertifikata minn bord (liċenzjata skont il-Bord Amerikan tal-Patoloġija) li tiġi pprattikata minn dawk it-tobba li jkunu lestew l-istudji tal-patoloġija ġenerali (anatomika, klinika jew it-tnejn) u sena addizzjonali ta' apprendistat fl-ematoloġija. L-ematopatologu jirrieżamina l-bijopsiji tan-nodi linfatiċi, tal-mudullun tal-għadam u ta' tessuti oħra involuti b'infiltrazzjoni ta' ċelloli tas-sistema ematopojetika. Barra minn hekk, l-ematopatologu jaf ikun inkarigat li jwettaq studji ċitometriċi tal-fluss u/jew tal-ematopatoloġija molekolari.
Patoloġija molekolari
[immodifika | immodifika s-sors]Il-patoloġija molekolari hija ffukata fuq l-istudju u d-dijanjożi tal-mard permezz tal-eżaminazzjoni tal-molekoli fi ħdan l-organi, it-tessuti jew il-fluwidi tal-ġisem. Il-patoloġija molekolari hija multidixxiplinari min-natura tagħha u tikkondividi xi aspetti tal-prattika mal-patoloġija anatomika, mal-patoloġija klinika, mal-bijoloġija molekolari, mal-bijokimika, mal-proteomika u mal-ġenetika. Spiss tiġi applikata f'kuntest li jkun xjentifiku u mediku, u tinvolvi l-iżvilupp ta' approċċi molekolari u ġenetiċi għad-dijanjożi u għall-klassifikazzjoni tal-mard tal-bniedem, għad-disinn u għall-validazzjoni ta' bijomarkaturi ta' previżjoni għar-rispons għat-trattamenti u għall-progressjoni tal-mard, u għas-suxxettibbiltà tal-individwi ta' kostituzzjoni ġenetika differenti għal diżordnijiet partikolari. It-trikkib bejn il-patoloġija molekolari u l-epidemjoloġija huwa rrappreżentat b'qasam relatat, jiġifieri l-"epidemjoloġija patoloġika molekolari". Il-patoloġija molekolari spiss tintuża fid-dijanjożi tal-kanċer u ta' mard infettiv. Il-patoloġija molekolari tintuża primarjament għad-detezzjoni tal-kanċer, bħall-melanoma, glijoma fiz-zokk enċefaliku, tumuri fil-moħħ kif ukoll bosta tipi oħra ta' kanċer u ta' mard infettiv. Hemm bosta tekniki li jinkludu r-reazzjoni katina kwantitattiva bil-polimerażi (qPCR), reazzjoni katina multiplex bil-polimerażi, mikrosekwenza tad-DNA, ibridizzazzjoni fil-post, sekwenzar tad-DNA, assaġġi tat-tessuti bl-immunofluworexxenza bbażati fuq l-antikorpi, profili molekolari tal-patoġeni, u analiżi tal-ġeni batterjali għar-reżistenza antimikrobika. It-tekniki li jintużaw huma bbażati fuq l-analiżi tal-kampjuni tad-DNA u tal-RNA. Il-patoloġija tintuża b'mod wiesa' għat-terapija tal-ġeni u għad-dijanjożi tal-mard.
Patoloġija orali u maksillofaċċali
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-patoloġija orali u maksillofaċċali hija waħda mid-disa' speċjalizzazzjoni dentali rikonoxxuti mill-Assoċjazzjoni Dentali Amerikana, u xi kultant titqies bħala speċjalizzazzjoni kemm tad-dentistrija kif ukoll tal-patoloġija. Il-patologi orali jridu jlestu 3 snin ta' taħriġ wara d-dottorat bi programm akkreditat u sussegwentement jiksbu status ta' lawrja mill-Bord Amerikan tal-Patoloġija Orali u Maksillofaċċali. Din l-ispeċjalizzazzjoni tiffoka fuq id-dijanjożi, il-ġestjoni klinika u l-investigazzjoni tal-mard li jaffettwa l-kavità orali u l-istrutturi maksillofaċċali tal-madwar, inkluż iżda mhux limitat għal patoloġiji odontoġeniċi, infettivi, epiteljali, tal-glandola salivarja, tal-għadam u tat-tessuti rotob. Hemm trikkib sinifikanti wkoll mal-qasam tal-patoloġija dentali. Għalkemm hija marbuta ma' firxa wiesgħa ta' mardiet tal-kavità orali, il-patologi orali u maksillofaċċali għandhom rwoli distinti minn tal-otorinolarinġologi (speċjalisti tal-"widnejn, tal-imnieħer u tal-griżmejn"), u tal-patologi tat-taħdit. Dawn tal-aħħar jgħinu fid-dijanjożi ta' bosta kundizzjonijiet newroloġiċi jew newromuskolari li huma rilevanti għall-fonoloġija tat-taħdit jew il-bligħ. Minħabba d-disponibbiltà tal-kavità orali għall-eżaminazzjoni mhux invażiva, bosta kundizzjonijiet fl-istudju tal-mard orali jistgħu jiġu dijanjostikati, jew mill-inqas suspettati, mill-eżaminazzjoni grossa, iżda l-bijopsija, smears ċellolari, u analiżi ta' tessuti oħra jibqgħu għodod dijanjostiċi importanti fil-patoloġija orali.
Taħriġ mediku u akkreditazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
Sabiex wieħed isir patologu ġeneralment ikun jeħtieġ taħriġ speċjalizzat wara l-edukazzjoni medika, iżda n-nazzjonijiet individwali jvarjaw kemxejn fil-liċenzjar mediku meħtieġ tal-patologi. Fl-Istati Uniti, il-patologi jkunu tobba (D.O. jew M.D.) li jkunu temmew l-ewwel lawrja ta' 4 snin, 4 snin ta' taħriġ mediku, u bejn 3 sa 4 snin ta' taħriġ ta' wara l-lawrja fil-patoloġija. It-taħriġ jista' jkun f'żewġ speċjalizzazzjonijiet primarji, kif rikonoxxut mill-Bord Amerikan tal-Patoloġija: il-patoloġija anatomika u l-patoloġija klinika, u kull waħda teħtieġ ċertifikazzjoni separata mill-bord. Il-Bord Osteopatiku Amerikan tal-Patoloġija jirrikonoxxi wkoll erba' speċjalizzazzjonijiet primarji: il-patoloġija anatomika, id-dermatopatoloġija, il-patoloġija forensika u l-mediċina fil-laboratorju. Il-patologi jistgħu jagħmlu apprendistat speċjalizzat f'sottospeċjalizzazzjoni jew f'oħra tal-patoloġija anatomika jew tal-patoloġija klinika. Uħud minn dawn is-sottospeċjalizzazzjonijiet iwasslu għal ċertifikazzjoni addizzjonali mill-bord, filwaqt li oħrajn ma jwasslux għal ċertifikazzjoni addizzjonali.
Fir-Renju Unit, il-patologi jkunu tobba liċenzjati mill-Kunsill Mediku Ġenerali tar-Renju Unit. It-taħriġ biex wieħed isir patologu huwa ssorveljat mill-Kulleġġ Irjali tal-Patologi. Wara 4 sa 6 snin ta' lawrja fl-istudju mediku, it-taħriġ ikompli b'programm ta' sentejn oħra. It-taħriġ full-time fl-istopatoloġija attwalment idum bejn 5 snin u 5 snin u nofs, u jinvolvi t-taħriġ speċjalizzat fil-patoloġija kirurġika, fiċ-ċitopatoloġija u fil-patoloġija tal-awtopsji. Huwa possibbli wkoll li wieħed jikseb diploma tal-Kulleġġ Irjali tal-Patologi fil-patoloġija forensika, fid-dermatopatoloġija jew fiċ-ċitopatoloġija, li tirrikonoxxi t-taħroġ speċjalizzat u l-esperjenza addizzjonali, u li jikseb akkreditazzjoni speċjalizzata fil-patoloġija forensika, fil-patoloġija pedjatrika u fin-newropatoloġija. Il-Kunsill Mediku Ġenerali tar-Renju Unit jissorvelja t-taħriġ u l-edukazzjoni mediċi kollha ta' wara l-ewwel lawrja.
Fi Franza, il-patoloġija hija sseparata f'żewġ speċjalizzazzjonijiet distinti: il-patoloġija anatomika u l-patoloġija klinika. It-taħriġ għat-tnejn li huma jdum 4 snin. It-taħriġ fil-patoloġija anatomika fl-isptarijiet huwa miftuħ għat-tobba biss, filwaqt li t-taħriġ fil-patoloġija klinika huwa miftuħ kemm għat-tobba kif ukoll għall-ispiżjara. Fl-aħħar tat-tieni sena tat-taħriġ fil-patoloġija klinik, l-istudenti jistgħu jagħżlu bejn il-patoloġija klinika ġenerali u speċjalizzazzjoni f'waħda mid-dixxiplini, iżda ma jistgħux jipprattikaw il-patoloġija anatomika, u dawk li jagħżlu t-taħriġ fil-patoloġija anatomika ma jistgħu jipprattikaw il-patoloġija klinika.
Trikkib ma' mediċina dijanjostika oħra
[immodifika | immodifika s-sors]Għalkemm hemm oqsma separati f'termini tal-prattika medika, għadd ta' oqsma ta' taħriġ fil-mediċina u fix-xjenza medika jirkbu fuq xulxin ferm mal-patoloġija ġenerali, jaħdmu id f'id magħha, jew jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għall-fehim tal-patoloġija ta' marda partikolari jew l-imxija tagħha f'individwu. Peress li parti sinifikanti tal-prattika tal-patoloġija ġenerali jkollha x'taqsam mal-kanċer, il-prattika tal-onkoloġija tagħmel użu estensiv kemm tal-patoloġija anatomika kif ukoll tal-patoloġija klinika fid-dijanjożi u fit-trattament. B'mod partikolari, il-bijopsija, l-intersezzjoni u t-testijiet tad-demm huma kollha eżempji ta' xogħol tal-patoloġija li huma essenzjali għad-dijanjożi ta' bosta tipi ta' kanċer u għas-sejbien tal-istadji differenti tal-mases tal-kanċer. B'mod simili, it-tekniki tal-analiżi tat-tessuti u tad-demm tal-patoloġija ġenerali huma ta' importanza ċentrali għall-investigazzjoni ta' mard infettiv serju u b'hekk iserrħu ferm fuq l-oqsma tal-epidemjoloġija, tal-etjoloġija, tal-immunoloġija u tal-parassitoloġija. Il-metodi tal-patoloġija ġenerali huma ta' importanza kbira għar-riċerka bijomedika dwar il-mard, tant li xi kultant jissejħu patoloġija "sperimentali" jew "investigattiva".
It-teħid tal-immaġnijiet mediċi jiġġenera rappreżentazzjonijiet viżivi tal-ġisem minn ġewwa għall-analiżi klinika u għall-interventi mediċi. L-immaġnijiet mediċi jiżvelaw dettalji dwar il-fiżjoloġija interna li jgħinu lill-professjonisti mediċi jippjanaw trattamenti xierqa għall-infezzjonijiet fit-tessuti u għal trawmi. L-immaġnijiet mediċi huma ċentrali wkoll għall-forniment tad-data bijometrika meħtieġa biex jiġu stabbiliti l-karatteristiċi referenzjarji bażi tal-anatomija u tal-fiżjoloġija sabiex tiżdied l-akkuratezza li biha jiġu individwati l-abnormalitajiet bikrin jew b'dettall fin. Dawn it-tekniki dijanjostiċi spiss isiru flimkien ma' proċeduri tal-patoloġija ġenerali u huma stess spiss ikunu essenzjali għall-iżvilupp ta' fehim ġdid tal-patoġenesi ta' marda partikolari u għat-traċċar tal-progress tal-marda f'każijiet mediċi speċifiċi. Eżempji ta' suddiviżjonijiet importanti fit-teħid tal-immaġnijiet mediċi jinkludu r-radjoloġija (li tuża t-teknoloġiji tat-teħid tal-immaġnijiet tar-radjografija bir-raġġi X), it-teħid tal-immaġnijiet b'risonanza manjetika, l-ultrasonografija medika (jew l-ultrasound), l-endoskopija, l-elastografija, it-teħid tal-immaġnijiet tattili, it-termografija, il-fotografija medika, il-mediċina nukleari u t-tekniki tat-teħid tal-immaġnijiet funzjonali bħat-tomografija bl-emissjoni tal-pożitroni. Għalkemm strettament ma jwasslu għal immaġnijiet, il-qari minn testijiet dijanjostiċi li jinvolvu l-elettroenċefalografija, il-manjetoenċefalografija u l-elettrokardjografija spiss jagħtu ħjiel dwar l-istat u l-funzjoni ta' ċerti tessuti fil-moħħ u fil-qalb rispettivament.
Informatika fil-patoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]
L-informatika fil-patoloġija hija sottoqasam tal-informatika tas-saħħa. Din hija l-użu tat-teknoloġija tal-informatika fil-patoloġija. Tinkorpora l-operazzjonijiet tal-patoloġija fil-laboratorju, l-analiżi tad-data u l-interpretazzjoni tal-informazzjoni relatata mal-patoloġija.
L-aspetti ewlenin tal-informatika fil-patoloġija jinkludu:
- Sistemi ta' ġestjoni tal-informazzjoni fil-laboratorju (LIMS): l-implimentazzjoni u l-ġestjoni tas-sistemi tal-kompjuters maħsuba speċifikament għad-dipartimenti tal-patoloġija. Dawn is-sistemi jgħinu fit-traċċar u fil-ġestjoni tal-eżemplari, tar-riżultati u ta' data patoloġika oħra tal-pazjenti.
- Patoloġija diġitali: tinvolvi l-użu tat-teknoloġija diġitali għall-ħolqien, għall-ġestjoni u għall-analiżi tal-immaġnijiet tal-patoloġija. Din tinkludi l-iskennjar laterali u l-analiżi awtomatizzata tal-immaġnijiet.
- Telepatoloġija: l-użu tat-teknoloġija biex tiffaċilita l-konsultazzjoni u l-kollaborazzjoni mill-bogħod fil-patoloġija.
- Aċċertament tal-kwalità u rapportar: l-implimentazzjoni ta' soluzzjonijiet tal-informatika biex jiġu żgurati l-kwalità u l-akkuratezza tal-proċessi tal-patoloġija.
Psikopatoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Il-psikopatoloġija hija l-istudju tal-mard mentali, b'mod partikolari ta' diżordnijiet gravi. Tiġi infurmata ferm kemm mill-psikoloġija u min-newroloġija, l-iskop tagħha hu li tikklassifika l-mard mentali, tasal għall-kawżi sottostanti, u tiggwida t-trattament psikjatriku kliniku xieraq. Għalkemm id-dijanjożi u l-klassifikazzjoni tan-normi u tad-diżordnijiet mentali huma fil-biċċa l-kbira kompitu tal-psikjatrija — ir-riżultati tagħhom ikunu linji gwida bħall-Manwal Dijanjostiku u Statistiku tad-Diżordnijiet Mentali, li jippruvaw jikklassifikaw il-mard mentali l-iktar abbażi tal-evidenza komportamentali, iżda mhux b'mod mhux kontroversjali — il-qasam jiġi infurmat ferm u kulma jmur bin-newroxjenza u b'xjenzi konjittivi bijoloġiċi oħra. Id-diżordnijiet jew l-imġiba mentali jew soċjali li jitqiesu ġeneralment bħala mhux sani jew eċċessivi f'xi individwu partikolari, tant li jikkawżaw ħsara jew tfixkil gravi fl-istil ta' ħajja tal-persuna, spiss jissejħu "patoloġiċi" (eż. il-logħob tal-azzard patoloġiku jew il-gideb patoloġiku).

Mhux umani
[immodifika | immodifika s-sors]Għalkemm il-maġġoranza l-kbira tax-xogħol u tar-riċerka fil-laboratorju fil-patoloġija jikkonċernaw l-iżvilupp tal-mard fil-bnedmin, il-patoloġija hija importanti fix-xjenzi bijoloġiċi kollha. Jeżistu żewġ oqsma kumplessivi li jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tal-organiżmi kumplessi li kapaċi jservu bħala ospitant għal patoġenu jew forma oħra ta' mard: il-patoloġija veterinarja (li tikkonċerna l-ispeċijiet mhux umani kollha tar-renju tal-annimali) u l-fitopatoloġija, li tistudja l-mard fil-pjanti.
Patoloġija veterinarja
[immodifika | immodifika s-sors]Il-patoloġija veterinarja tkopri firxa wiesgħa ta' speċijiet, iżda b'għadd ferm iżgħar ta' prattikanti, għaldaqstant il-fehim tal-mard fl-annimali mhux umani, speċjalment fir-rigward tal-prattika veterinarja, ivarja ferm skont l-ispeċi. Minkejja dan, ammonti sinifikanti ta' riċerki fil-patoloġija jsiru fuq l-annimali, għal żewġ raġunijiet primarji: 1) l-oriġini tal-mard tipikament ikun ta' natura żoonotika, u bosta patoġeni infettivi jkollhom vetturi li jkunu annimali; b'hekk il-fehim tal-mekkaniżmi ta' azzjoni għal dawn il-patoġeni f'ospitanti mhux umani huwa essenzjali għall-fehim u għall-applikazzjoni tal-epidemjoloġija, u 2) dawk l-annimali li jikkondividu tratti fiżjoloġiċi u ġenetiċi mal-bnedmin jistgħu jintużaw bħala surrogati għall-istudju tal-mard u tat-trattamenti potenzjali, kif ukoll tal-effetti ta' diversi prodotti sintetiċi. Għal din ir-raġuni, kif ukoll minħabba r-rwoli tagħhom bħala bhejjem tat-trobbija u annimali ta' akkumpanjament, ġeneralment il-mammiferi jkollhom l-ikbar korp ta' riċerka fil-patoloġija veterinarja. L-ittestjar fuq l-annimali għadu prattika kontroversjali, saħansita f'każijiet fejn jintużaw għar-riċerka ta' trattamenti għall-mard tal-bniedem. Bħal fil-patoloġija medika umana, il-prattika tal-patoloġija veterinarja spiss tinqasam fiż-żewġ oqsma prinċipali tal-patoloġija anatomika u tal-patoloġija klinika.
Patoloġija tal-pjanti
[immodifika | immodifika s-sors]
Għalkemm il-patoġeni u l-mekkaniżmi tagħhom ivarjaw ferm minn dawk tal-annimali, il-pjanti huma soġġetti għal varjetà wiesgħa ta' mard, inkluż dak ikkawżat mill-fungi, mill-oomiċeti, mill-batterji, mill-viruses, mill-virojdi, minn organiżmi qishom viruses, mill-fitoplażmi, mill-protożoa, min-nematodi u mill-pjanti parassitiċi. Il-ħsara kkawżata mill-insetti, mill-akari, mill-vertebrati u minn erbivori żgħar oħra ma titqies bħala parti mid-dominju tal-patoloġija tal-pjanti. Il-qasam huwa marbut mal-epidemjoloġija tal-mard tal-pjanti u speċjalment mal-ortikoltura ta' speċijiet ta' importanza kbira għad-dieta umana jew ta' kwalunkwe utilità oħra għall-bnedmin.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ Herausgeber., Cross, Simon S., Herausgeber. Underwood, James C. E. 1942- (30 April 2018). Underwood's pathology : a clinical approach. Elsevier – Health Sciences Division. ISBN 978-0-7020-7212-3. OCLC 1043350646.
- ↑ Kumar, Vinay; Abbas, Abul K.; Fausto, Nelson; Aster, Jon C. (2010). Robbins and Cotran Pathologic Basis of Disease (8th ed.). Philadelphia: Saunders/Elsevier. ISBN 978-1-4160-3121-5.
- ↑ "FREIDA™ Pathology-Anatomic and Clinical Specialty Details". FREIDA Residency Program Database | Medical Fellowship Database | AMA (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-14.
- ↑ "-pathy, comb. form : Oxford English Dictionary". oed.com (bl-Ingliż). Miġbur 2026-05-14.
- ↑ Janssen, Diederik F. (April 2022). "From Pathognomicha and Passiologia to Pathologia: concise history of a neologism (1486-1598)". Pathologica. 114 (2) 10: 185–188. doi:10.32074/1591-951X-261. ISSN 1591-951X. PMC 9248257. PMID 35481571.
- ↑ Long, Esmond (1965). History of Pathology. New York: Dover. pp. 1+. ISBN 978-0-486-61342-0.
- ↑ King, Lester (1991). Transformations in American Medicine: From Benjamin Rush to William Osler. Baltimore: Johns Hopkins UP. pp. 27+. ISBN 978-0-8018-4057-9.
- ↑ Machevsky, Alberto; Wick, MR (2004). "Evidence-based Medicine, Medical Decision Analysis, and Pathology". Human Pathology. 35 (10): 1179–88. doi:10.1016/j.humpath.2004.06.004. PMID 15492984.
- ↑ Rothstein, William G. (1979). "Pathology: The Evolution of a Specialty in American Medicine". Medical Care. 17 (10): 975–988. doi:10.1097/00005650-197910000-00001. JSTOR 3763869. PMID 386008. S2CID 23045808.
- ↑ Race, George J.; Tillery, G. Weldon; Dysert, Peter A. (Jannar 2004). "A history of pathology and laboratory medicine at Baylor University Medical Center". Proceedings (Baylor University. Medical Center). 17 (1): 42–55. doi:10.1080/08998280.2004.11927956. ISSN 0899-8280. PMC 1200640. PMID 16200088.