Parks Nazzjonali ta' Nanda Devi u tal-Wied tal-Fjuri
Il-Parks Nazzjonali ta' Nanda Devi u tal-Wied tal-Fjuri huma Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Uttarakhand, l-Indja.[1] Is-sit huwa magħmul minn żewġ żoni ewlenin li jinsabu xi 20 kilometru 'l bogħod minn xulxin, u jinkludu l-Park Nazzjonali ta' Nanda Devi u l-Park Nazzjonali tal-Wied tal-Fjuri, flimkien ma' żona ta' lqugħ ikkombinata.
Fl-1988 is-sit tniżżel bħala l-Park Nazzjonali ta' Nanda Devi biss. Fl-2005 is-sit ġie estiż biex jinkludi wkoll il-Park Nazzjonali tal-Wied tal-Fjuri u żona ta' lqugħ kbira u beda jissejjaħ bħala l-Parks Nazzjonali ta' Nanda Devi u tal-Wied tal-Fjuri.

L-erjas tas-sit huma kif ġej:
- 630.33 km2 (243.37 mil kwadru) - il-Park Nazzjonali ta' Nanda Devi;
- 87.50 km2 (33.78 mil kwadru) - il-Park Nazzjonali tal-Wied tal-Fjuri;
- 5,148.57 km2 (1,987.87 mil kwadru) - żona ta' lqugħ ikkombinata.[1]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Parks Nazzjonali ta' Nanda Devi u tal-Wied tal-Fjuri ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1988 u s-sit ġie estiż fl-2005.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]