Park Provinċjali ta' Ischigualasto

Il-Park Provinċjali ta' Ischigualasto (bl-Ispanjol: Parque Provincial Ischigualasto), magħruf ukoll bħala Valle de la Luna ("Wied tal-Qamar"), minħabba d-dehra tiegħu qisha tal-Qamar, huwa żona protetta fuq livell provinċjali fil-Grigal tal-Provinċja ta' San Juan, fil-Majjistral tal-Arġentina, li jmiss fit-Tramuntana mal-Park Nazzjonali ta' Talampaya, fil-Provinċja ta' La Rioja. Iż-żewġ inħawi jagħmlu parti mill-istess formazzjoni ġeoloġika, il-Formazzjoni ta' Ischigualasto (xi kultant imsejħa wkoll il-Formazzjoni ta' Ischigualasto-Talampaya). Il-park ġie stabbilit fit-3 ta' Novembru 1971 u għandu erja ta' 60,370 ettaru (603.7 km2; 233.1 mil kwadru).[1]
Fis-sena 2000, il-Parks Naturali ta' Ischigualasto / Talampaya tniżżlu fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]
L-isem ta' Ischigualasto oriġina mil-lingwa estinta Cacán, mitkellma minn grupp indiġenu magħruf bħala d-Diaguita mill-konkwistaturi Spanjoli u jfisser "post qisu ġej mill-Qamar".[3] Ipoteżi oħra ssostni li l-isem ta' "Ischigualasto" oriġina mil-lingwa Quechua, u jfisser "art mejta", għalkemm xi studjużi pproponew ukoll għeruq Huarpe.
L-ewwel deskrizzjoni paleontoloġika ta' Ischigualasto tmur lura għall-1930. Fl-1941 l-inħawi ġew studjati iktar fid-dettall u dan wassal għall-iskoperta ta' 70 speċi ta' pjanti fossili. Ir-reġjun ingħata l-isem ta' Valle de la Luna għall-ewwel darba fl-1943, f'pubblikazzjonijiet editjata mill-Automobil Club Argentino. F'dik is-sena, Dr. Ángel Cabrera mill-Università ta' La Plata ddeskriva t-traversodontid Exaeretodon — l-ewwel ċinodont li nstab f'Ischigualasto — wara kampjuni li ntbagħtu minn ġeologu li kien qed iħaffer għall-faħam f'isem kumpanija tal-estrazzjoni mill-Arġentina.[4]
Ix-xogħol akkademiku u t-tħaffir ġeoloġiku baqa' għaddej b'pass kajman sal-1958, meta Dr. Alfred Sherwood Romer, espert fil-mammiferi tal-qedem mill-Università ta' Harvard, skopra diversi saffi rikki bil-fossili li ddeskrivihom bħala "straordinarji".
Deskrizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-biċċa l-kbira tal-park tinsab fi ħdan id-Dipartiment ta' Valle Fértil, b'parti żgħira fid-Dipartiment ta' Jachal tal-Provinċja ta' San Juan, f'altitudni ta' madwar 1,300 metru (4,300 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. Il-park huwa parti mill-fruntiera tal-Punent tas-Sierras Ċentrali, u għandu veġetazzjoni tipika tad-deżert (arbuxxelli, kakti u xi siġar) li tkopri bejn 10 u 20 % tal-inħawi. Il-klima hija niexfa ħafna, b'xita li tinżel l-iktar matul is-sajf, u b'temperaturi estremi (temperatura minima ta' −10 °C jew 14 °F, temperatura massima ta' 45 °C jew 113 °F). B'mod kostanti jonfoħ riħ min-Nofsinhar b'veloċità ta' 20–40 km/h (12–25 mph) wara nofsinhar sa filgħaxija, xi kultant akkumpanjat mir-riħ estremament qawwi taż-Zonda.[5]
Paleontoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Formazzjoni ta' Ischigualasto fiha depożiti (Karnjani) tat-Triassiku Aħħari (231.4-225.9 miljun sena qabel il-preżent),[6] b'uħud mill-eqdem fdalijiet magħrufa ta' dinosawri, fost l-aqwa fid-dinja fir-rigward ta' kwalità, għadd u importanza.
Fil-Karnjan, dawn l-inħawi kienu pjanura tal-għargħar attiva volkanikament u ddominata mix-xmajjar u kellhom xita qawwija staġonali. Iz-zkuk tas-siġar petrifikati tal-Protojuniperoxylon ischigualastianus għoljin iktar minn 40 metru (130 pied) jixhdu li f'dak iż-żmien il-veġetazzjoni kienet rikka. Instabu wkoll felċi u ekwiżeti fossili.

Ir-rinċosawri u ċ-ċinodonti (speċjalment ir-rinċosawru Hyperodapedon u ċ-ċinodont Exaeretodon) huma bil-bosta s-sejbiet predominanti fost il-fossili ta' tetrapodi fil-park. Studju li sar fl-1993 sab li l-eżemplari ta' dinosawri kienu jirrappreżentaw 6 % tal-kampjuni tat-tetrapodi totali; skoperti sussegwenti żiedu dan l-għadd għal madwar 11 % tas-sejbiet kollha. Id-dinosawri karnivori huma l-iżjed karnivori terrestri komuni tal-Formazzjoni ta' Ischigualasto, bil-ħerrerasawridi jirrappreżentaw 72 % tal-karnivori terrestri kollha li ġew irkuprati. Fost id-dinosawri tal-Formazzjoni ta' Ischigualasto hemm kampjuni bikrin taż-żewġ razez ewlenin ta' dinosawri (ornitiskjani u sawriskjani). L-arċosawru karnivoru Herrerasaurus huwa l-iżjed numeruż fost dawn il-fossili ta' dinosawri. Dinosawru putattiv importanti ieħor b'karatteristiċi primittiv huwa l-Eoraptor lunensis, li nstab fil-Park Provinċjali ta' Ischigualasto fil-bidu tas-snin 90 tas-seklu 20.[7]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Parks Naturali ta' Ischigualasto / Talampaya ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[2]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]- Xenarji tal-Park Provinċjali ta' Ischigualasto
- Las Coloradas cliff
- Water-eroded badlands
- The Sphynx, wind-eroded rock formation
- The Mushroom, wind-eroded rock formation
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ Ley No. 3666 de la Provincia de San Juan, 11 de noviembre de 1971; sanc.: 3 de noviembre de 1971.
- 1 2 3 "Parks Naturali ta' Ischigualasto / Talampaya - UNESCO".
- ↑ "El lugar donde se posa la luna". El Territorio Misiones (bl-Ispanjol). Miġbur 2025-08-17.
- ↑ Cabrera, Ángel (1943). "El primer hallazgo de terápsidos en la Argentina". Notas del Museo de la Plata. 8: 317–331.
- ↑ "ആകാശത്ത് മാത്രമല്ല ഭൂമിയിലും ചന്ദ്രനുണ്ട്: വിചിത്ര കാഴ്ചകൾ നിറഞ്ഞ 'ചന്ദ്രന്റെ താഴ്വര'". ആകാശത്ത് മാത്രമല്ല ഭൂമിയിലും ചന്ദ്രനുണ്ട്: വിചിത്ര കാഴ്ചകൾ നിറഞ്ഞ 'ചന്ദ്രന്റെ താഴ്വര' (bil-Malayalam). Miġbur 2025-08-17.
- ↑ Martínez, Ricardo N.; Sereno, Paul C.; Alcober, Oscar A.; Colombi, Carina E.; Renne, Paul R.; Montañez, Isabel P.; Currie, Brian S. (2011). "A Basal Dinosaur from the Dawn of the Dinosaur Era in Southwestern Pangaea". Science. 331 (6014): 206–210.
- ↑ Rogers, Raymond R.; Swisher III, Carl C.; Sereno, Paul C.; Monetta, Alfredo M.; Forster, Catherine A.; Martínez, Ricardo N. (1993). "The Ischigualasto Tetrapod Assemblage (Late Triassic, Argentina) and 40Ar/39Ar Dating of Dinosaur Origins". Science. 260 (5109): 794–797.