Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali tas-Sundarbans

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Tigra fil-Park Nazzjonali tas-Sunderbans.

Il-Park Nazzjonali tas-Sundarbans huwa park nazzjonali fil-Punent tal-Bengal, l-Indja, u parti ewlenija mir-riżerva tat-tigri u mir-riżerva ta' bijosfera. Jagħmel parti mis-Sundarbans fid-Delta tal-Ganges u jinsab biswit il-Foresta ta' Riżerva ta' Sundarban fil-Lbiċ tal-Bangladesh. Id-delta hija miksija densament bil-foresti tal-mangrovji, u l-park huwa wieħed mill-ikbar riżervi għat-tigri tal-Bengal. Jospita wkoll varjetà ta' speċijiet ta'għasafar, ta' rettili u ta' invertebrati, inkluż il-kukkudrill tal-ilma baħar. Il-Park Nazzjonali attwali tas-Sundarbans ġie ddikjarat bħala ż-żona ewlenija tar-Riżerva tat-Tigri tas-Sundarbans fl-1973 u santwarju tal-organiżmi selvaġġi fl-1977. Fl-4 ta' Mejju 1984 ġie ddikjarat bħala park nazzjonali u fl-1987 tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1] Fl-2019 ġie ddeżinjat bħala sit tal-Konvenzjoni ta' Ramsar. Mill-1989 jitqiesu wkoll bħala Riżerva ta' Bijosfera tan-Network Dinji ta' Riżervi ta' Bijosfera.

L-ewwel diviżjoni tal-ġestjoni tal-foresti li kellha ġurisdizzjoni fis-Sundarbans ġiet stabbilita fl-1869. Fl-1875 parti kbira mill-foresti tal-mangrovji ġew iddikjarati bħala foresti ta' riżerva skont l-Att dwar il-Foresti tal-1865 (l-Att Nru VIII tal-1865). Il-kumplament tal-foresti ġew iddikjarati bħala foresta ta' riżerva s-sena ta' wara u l-foresta, li sa dak iż-żmien kienet amministrata mid-distrett tal-amministrazzjoni ċivili, tpoġġiet taħt il-kontroll tad-Dipartiment tal-Foresti. Diviżjoni tal-foresti, li hija l-unità bażika tal-ġestjoni u tal-amministrazzjoni tal-foresti, inħolqot fl-1879 bil-kwartieri ġenerali f'Khulna, il-Bangladesh. L-ewwel pjan ta' ġestjoni nkiteb għall-1893–1898.

Fl-1911, il-park ġie deskritt bħala sezzjoni ta' art mhux maħduma li ma kinitx ġiet eżaminata u ġie eskluż miċ-ċensiment. Dak iż-żmien kien estiż għal madwar 266 kilometru (165 mil) mill-bokka tax-xmara Hugli sal-bokka tax-xmara Meghna u kien ikkonfinat internament mit-tliet distretti insedjati tal-24 pargana, Khulna u Bakerganj. L-erja totali (inkluż l-ilma) ġiet stmata li kienet madwar 16,900 kilometru kwadru (6,526 mil kwadru). Kien ġungla bl-ilma, li fiha t-tigri u annimali selvaġġi oħra setgħu jitkattru. It-tentattivi ta' rkupru tal-art ma tantx kienu suċċess. Is-Sundarbans kien interkonness kullimkien b'kanali u b'qaliet tax-xmajjar, u wħud minnhom kienu jgħaddu l-ilma tul ir-reġjun kollu tal-Bengal kemm għall-bastimenti li jaħdmu bl-istim kif ukoll għall-bastimenti nattivi. Il-parti massima tad-delta tinsab fil-Bangladesh.

Amministrazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]
Mappa taż-żoni protetti tas-Sunderbans fl-Indja, li turi l-konfini tar-riżerva tat-tigri, tal-park nazzjonali u tat-tliet santwarji tal-organiżmi selvaġġi, iċ-ċentri ta' konservazzjoni u ta' akkomodazzjoni, l-irħula ta' sussistenza, u l-punti ta' aċċess. Iż-żona forestali kollha (aħdar skur) tikkostitwixxi r-riżerva ta' bijosfera, filwaqt li l-kumplament tal-foresti 'l barra mill-park nazzjonali u s-santwarji tal-organiżmi selvaġġi ngħataw l-istatus ta' foresti primarji ta' riżerva.

Id-Direttorat tal-Foresti huwa responsabbli għall-amministrazzjoni u għall-ġestjoni tas-Sundarbans. Il-Kap Konservatur Prinċipali tal-Foresti, l-Uffiċjal Kap Ex Officio Responsabbli għall-Organiżmi Selvaġġi u għall-Bijodiversità fil-Punent tal-Bengal, huwa l-iżjed uffiċjal eżekuttiv anzjan li jieħu ħsieb l-amministrazzjoni tal-park. Il-Kap Konservatur tal-Foresti (tan-Nofsinhar) u d-Direttur tar-Riżerva ta' Bijosfera tas-Sundarbans huwa l-kap amministrattiv tal-park fil-livell lokali u jiġi megħjun minn aġent direttur fil-post u minn assistent direttur fil-post. Il-park huwa maqsum f'żewġ sezzjonijiet li jiġu ssorveljati minn uffiċjali forestali. Kull sezzjoni hija maqsuma mill-ġdid f'sottosezzjonijiet. Il-park għandu wkoll postijiet tal-għassa u kampijiet f'wiċċ l-ilma biex is-sit jiġi protett min-nassaba.

Il-park jirċievi għajnuna finanzjarja mill-gvern statali kif ukoll mill-Ministeru għall-Ambjent u l-Foresti taħt diversi baġits ippjanati u mhux ippjanati. Il-park jirċievi finanzjament addizzjonali taħt il-Proġett għat-Tigri mill-gvern ċentrali. Fl-2001, għotja ta' US$20,000 ingħataw bħala assistenza ta' tħejjija għall-promozzjoni bejn l-Indja u l-Bangladesh mill-Fond tal-Wirt Dinji.

Il-Park Nazzjonali tas-Sundarbans jinsab bejn latitudni ta' 21° 432′ – 21° 55′ N u bejn lonġitudni ta' 88° 42′ – 89° 04′ E. L-altitudni medja tal-park hi ta' 7.5 metri 'l fuq mil-livell tal-baħar. Il-park huwa magħmul minn 54 gżira żgħira u minnu jnixxu diversi tributarji tax-xmara Ganges.

It-temperatura minima u massima medja tkun ta' 20 °C u ta' 48 °C rispettivament. Ix-xita tinżel qliel b'umdità għolja saħansitra sa 80 % peress li l-park jinsab qrib il-Bajja tal-Bengal. Il-monsuni jdumu minn nofs Ġunju sa nofs Settembru. L-irjieħ prevalenti jonfħu mit-Tramuntana u mill-Grigal minn Ottubru sa nofs Marzu u l-irjieħ tal-Punent mil-Lbiċ jonfħu b'mod prevalenti minn nofs Marzu sa Settembru. Il-maltempati li xi kultant jiżviluppaw f'ċikluni huma komuni matul ix-xhur ta' Mejju sa Ottubru.

Ekoġeografija, xmajjar u mogħdijiet tal-ilma

[immodifika | immodifika s-sors]

Seba' xmajjar prinċipali u bosta mogħdijiet tal-ilma jiffurmaw network ta' kanali f'din id-delta ta' estwarji. Ix-xmajjar kollha għandhom mogħdija tal-ilma lejn in-Nofsinhar sal-baħar. L-ekoġeografija ta' dawn l-inħawi tiddependi għalkollox fuq l-effett mareali ta' żewġ mareat 'il ġewwa u ta' żewġ mareat 'il barra li jseħħu kull 24 siegħa b'firxa mareali ta' 3–5 metri u sa 8 metri fil-marea normali tar-rebbiegħa, u b'hekk il-Park Nazzjonali tas-Sundarbans jiġi mgħerreq b'fond li jvarja minn post għal ieħor. L-azzjoni mareali tiddepożita s-sedimenti fuq il-kanali u tolza l-qiegħ, u tifforma gżejjer u qaliet ġodda li jikkontribwixxu għall-ġeomorfoloġija inċerta. Hemm depressjoni naturali kbira msejħa l-Medda ta' Bla Art (bl-Ingliż: Swatch of No Ground) fil-Bajja tal-Bengal bejn latitudni ta' 21°00' u ta' 21°22' fejn il-fond tal-ilma jinbidel f'salt minn 20 metru għal 500 metru. Din id-depressjoni misterjuża timbotta s-sedimenti lura lejn in-Nofsinhar u/jew iktar lejn il-Lvant u tifforma gżejjer ġodda.

Artijiet imtajna ċatti

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-mangrovji fil-Park Nazzjonali tas-Sundarbans u qala żgħira li tagħti għall-foresta.

L-artijiet imtajna ċatti tal-Park Nazzjonali tas-Sunderbans jinsabu fl-estwarju u fil-gżejjer tad-delta fejn il-kurrenti tax-xmajjar u tal-mareati jkollhom veloċità baxxa. L-artijiet imtajna ċatti jiġu esposti fil-mareat baxxi u jiġu mgħerrqa fil-mareat għoljin, għaldaqstant jinbidlu morfoloġikament saħansitra f'ċiklu mareali wieħed. Il-partijiet ta' ġewwa tal-artijiet imtajna ċatti huma l-ambjent xieraq għall-mangrovji.

Hemm għadd ta' artijiet imtajna ċatti 'l barra mill-Park Nazzjonali tas-Sundarbans li għandhom il-potenzjal li jkunu attrazzjonijiet turistiċi fis-Sundarbans. Wieħed jista' jżurhom u jgawdi s-sbuħija tas-sit matul il-marea baxxa. B'xorti tajba, wieħed jista' jara kaħwiela jew anemoni tal-baħar, il-granċ b'għamla ta' nagħla (kważi estinti) u qarnit żgħar.

Flora u fawna

[immodifika | immodifika s-sors]
Tigra tħares 'il barra minn foresta tas-siġar tal-palm u l-mangrovji.

Id-delta kostali attiva tal-Park Nazzjonali tas-Sundarbans fil-bokka tal-Bajja tal-Bengal fl-Indja, peress li għandha natura ġeomorfoloġika u idroloġika kumplessa b'perikli klimatiċi, għandha medda vasta ta' foresti tal-mangrovji b'varjetà u b'diversità ta' flora u ta' fawna f'ekosistema unika. L-ambjent naturali u l-ekosistema kostali ta' din ir-Riżerva ta' Bijosfera u ta' dan is-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO huma mhedda minn xi diżastru fiżiku minħabba l-interferenzi umani eċċessivi u mhux xjentifiċi. Hemm bżonn urġenti ta' pjan ta' konservazzjoni u ta' ġestjoni ambjentali biex tiġi ssalvagwadrjata din l-ekoloġija u din l-ekosistema kostali unika.

Il-Park Nazzjonali tas-Sundarbans kiseb ismu mis-siġra tas-Sundari. Il-kelma "Sundari" ġejja mill-kelma bis-Sanskritu "Sundara". Din hija l-iżjed varjetà partikolari ta' siġra li tinstab f'dawn l-inħawi, u hija tip speċjali ta' mangrovja. Għandha għeruq speċjalizzati msejħa pnewmatofori li jfeġġu 'l fuq mill-art u jgħinu fl-iskambju gassuż, jiġifieri r-respirazzjoni. Matul l-istagun tax-xita meta l-foresta kollha tkun mgħerrqa, jgħolew ponot mill-art lejn l-arja u jgħinu fil-proċess tar-respirazzjoni.

Speċijiet fil-periklu

[immodifika | immodifika s-sors]
Qattus leopard fil-Park Nazzjonali tas-Sundarbans, l-Indja.

L-ispeċijiet fil-periklu li jgħixu fi ħdan il-Park Nazzjonali tas-Sundarbans huma t-tigra rjali tal-Bengal, il-kukkudrill tal-ilma baħar, it-terrapin tax-xmara, il-fekruna tal-baħar tat-tip olive ridley, id-denfil tax-xmara Ganges, il-fekruna tal-baħar tat-tip hawksbill u l-granċ tal-mangrovji b'għamla ta' nagħla.

Iż-Żona Protetta proposta għad-Diversità taċ-Ċetaċji tas-Sundarbans tinkludi l-ilmijiet kostali lil hinn mill-Park Nazzjonali tas-Sundarbans li jospitaw ħabitats kritiċi għaċ-ċetaċji fil-periklu: gruppi residenti ta' balieni ta' Bryde, popolazzjoni kritika li għadha kemm ġiet skoperta mill-ġdid ta' dniefel tax-xmara Irrawaddy, dniefel Stenella, dniefel tax-xmara Ganges, u dniefel bojod Ċiniżi. Id-dniefel suwed tal-Indo-Paċifiku mingħajr pinen, id-dniefel geddumhom qasir tal-Indo-Paċifiku, u d-dniefel tat-tikek Pantropikali spiss jinstabu f'dawn l-inħawi wkoll, filwaqt li l-balenotteri żgħar u l-orki foloz huma ferm iktar rari.

Ġestjoni u proġetti speċjali

[immodifika | immodifika s-sors]
Dgħajsa tar-rondi fil-Park Nazzjonali tas-Sundarbans.

It-tigra tal-Bengal hija l-iżjed speċi komuni fil-park. Peress li ilha protetta mill-ħolqien tal-park nazzjonali, il-qalba tal-park hija ħielsa minn kull disturbi umani bħall-ġbir tal-injam, tal-għasel, is-sajd, u l-ġbir ta' prodotti forestali oħra. Madankollu, fiż-żona ta' lqugħ, dawn l-attivitajiet jitħallew f'forma limitata. Il-persunal forestali, bl-użu ta' dgħajjes u ċattri motorizzati, jipproteġi l-park mill-insib u mis-serq illegali. L-uffiċċji u l-kampijiet forestali jinsabu f'diversi partijiet importanti tal-park. Taħt is-superviżjoni ta' uffiċjal apposta, żewġ jew tliet ħaddiema tal-esperjenza jiġġestixxu kampijiet kontra l-insib.

Il-ħabitat tal-organiżmi selvaġġi jinżamm permezz tal-ekokonservazzjoni, l-ekożvilupp, it-taħriġ, l-edukazzjoni u r-riċerka. Għaxar Kumitati tal-Protezzjoni tal-Foresti u 14-il Kumitat tal-Ekożvilupp ġew iffurmati fil-periferiji tar-Riżerva tat-Tigri tas-Sundarbans biex jgħinu f'dan ir-rigward. Seminars, workshops u kampanji ta' sensibilizzazzjoni jiġu organizzati qrib il-park biex jedukaw lin-nies dwar l-ekokonservazzjoni, l-ekożvilupp u kwistjonijiet oħra. Il-mangrovji u pjanti oħra jitħawlu fil-periferiji biex tiġi ssodisfata l-ħtieġa lokali għall-ħatab għal madwar 1,000 villaġġ u biex tiġi kkonservata ż-żona ta' lqugħ. Il-konservazzjoni tal-ħamrija ssir biex jinżamm bilanċ ekoloġiku. Diversi għadajjar tal-ilma ħelu tħaffru fi ħdan il-park biex jipprovdu ilma tax-xorb għall-annimali selvaġġi.

Il-kontroll tat-tigri biex jiġi evitat li jieklu l-bniedem hija attività ewlenija oħra. L-għadd ta' mwiet tnaqqas minn 40 ruħ għal 10 persuni fis-sena. Dan it-tnaqqis huwa frott il-kontroll strett fuq iċ-ċaqliq tan-nies fi ħdan ir-Riżerva tat-Tigri, il-ġenerazzjoni ta' introjtu alternattiv u s-sensibilizzazzjoni fost in-nies. Huwa maħsub li minħabba l-użu ta' maskri umani u sagomi elettriċi taparsi ta' bnedmin, it-tigri ma għandhomx joqorbu lejn il-bnedmin. Jiġi evitat ukoll li t-tigri jitlajjaw qrib il-villaġġi permezz ta' miżuri bħax-xbieki tan-nylon u t-tidwil solari tal-villaġġi. Iż-żgħażagħ tal-villaġġi jingħataw taħriġ biex jikkontrollaw it-tigri li jinzertaw jitlajjaw fil-villaġġi.

Iċ-Ċentru tal-Interpretazzjoni tal-Mangrovji ġie stabbilit f'Sajnekhali biex in-nies lokali u t-turisti jkunu konxji dwar l-importanza tal-konservazzjoni tan-natura inġenerali u speċjalment tal-ekosistemi tal-mangrovji.

Diffikultajiet

[immodifika | immodifika s-sors]

Għalkemm il-protezzjoni teżisti fi ħdan il-park, xorta waħda hemm xi lakuni. It-topografija ġeografika b'art ostili li jgħaddu minnha diversi xmajjar u t-tributarji tagħhom, il-fruntiera internazzjonali twila mal-Bangladesh, id-dgħajjes tas-sajd tat-tkarkir, l-insib u l-qtugħ tal-injam kollha qed jaffettwaw il-foresti tal-mangrovji. In-nuqqas ta' persunal, ta' infrastruttura u ta' fondi jkomplu jaggravaw is-sitwazzjoni.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali tas-Sundarbans ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

Informazzjoni speċifika għall-park

[immodifika | immodifika s-sors]
Id-dħul għall-Kamp ta' Dobanki.

L-unika mezz ta' vvjaġġar fil-park huwa bid-dgħajsa, minn diversi mogħdijiet iffurmati mill-ħafna flussi tax-xmajjar. Hemm żewġ dgħajjes lokali operati mill-Korporazzjoni tal-Iżvilupp tat-Turiżmu tal-Punent tal-Bengal, u dawn huma l-M.V. Chitrarekha u l-M.V. Sarbajaya. L-akkomodazzjoni f'safaris tal-art u tal-ilma jiġu pprovduti mill-Kamp tat-Tigri tas-Sunderbans, li hija l-unika akkomodazzjoni approvata mill-gvern fir-reġjun. Jiġu organizzati mawriet fissi u mawriet privati minn Kolkata matul is-sena kollha.

Apparti l-osservazzjoni tal-organiżmi selvaġġi mis-safaris bid-dgħajjes, il-viżitaturi jżuru wkoll it-Torri ta' Osservazzjoni ta' Sudhanyakali, it-Torri ta' Osservazzjoni ta' Dobanki, it-Torri ta' Osservazzjoni ta' Burirdabri, it-Torri ta' Osservazzjoni ta' Netidhopani, is-Santwarju tal-Għasafar ta' Sajnekhali, il-Proġett tal-Kukkudrilli ta' Bhagabatpur (fejn jitnisslu l-kukkudrilli), il-Gżira ta' Sagar, Jambudweep, il-Gżira ta' Haliday, u Kanak.

Riżerva tat-Tigri tas-Sunderbans

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-moll magħluq ta' Sundhanyakhali.

Ir-Riżerva tat-Tigri tas-Sunderbans tinsab fid-distrett 24 tan-Nofsinhar ta' Parganas tal-istat Indjan tal-Punent tal-Bengal, u għandha erja ġeografika totali ta' 2,585 km2, b'erja ta' 1,437.4 km2 li tikkonsisti minn żoni popolati u b'erja ta' 1,474 km2 ta' foresti. Il-pajsaġġ tar-Riżerva tat-Tigri tas-Sunderbans jmiss mal-ħabitat tal-mangrovji fil-Bangladesh.

Il-mangrovji tas-Sunderbans jiffurmaw parti mill-ikbar sistema ta' mangrovji tas-subkontinent Indjan, b'popolazzjoni ta' tigri f'ambjent ekoloġiku distint. Dawn il-foresti fihom kukkudrilli tal-ilma baħar, fkieren tal-baħar u tal-estwarji, u għadd ta' speċijiet ta' għasafar. Ir-riżerva fiha wkoll speċijiet oħra bħall-qtates selvaġġi li jieklu l-ħut, iċ-ċriev tat-tikek, ix-xadini rhesus u l-ħnieżer selvaġġi.

Ir-Riżerva tat-Tigri tas-Sunderbans hija iżolata bl-ebda kollegament forestali ma' artijiet oħra okkupati mit-tigri. Minħabba dan, hemm pressjoni bijotika qawwija għar-riżorsi forestali. Bħala medja, 50 tunnellata metrika ta' għasel u 3 tunnellati metriċi ta' xama' jinġabru kull sena min-nies tal-post bil-liċenzja maħruġa mis-Servizz Forestali Indjan. Mill-ħabitat jgħaddu bosta kanali mareali dojoq li jiffurmaw gżejjer żgħar u kbar. It-tigri spiss jaqsmu minn gżira għal oħra u l-interazzjonijiet bejn il-bnedmin u t-tigri huma komuni.

L-istima tal-popolazzjoni ta' tigri fir-Riżerva tat-Tigri tas-Sunderbans, bħala parti mill-istima tat-tigri totali fl-Indja kollha bl-użu ta' metodoloġija mirquma, ma setgħetx issir minħabba l-ħabitat uniku u l-obliterazzjoni tal-evidenzi kkawżata mill-mareat għoljin u baxxi. Il-ġbir tad-data tal-fażi I tlesta u qed isir il-proċess għall-istima tal-popolazzjoni tat-tigri bl-użu ta' telemetrija bir-radju u r-rata ta' depożizzjoni ta' marki minn tigri magħrufa. Fi stħarriġ tal-2022 li sar mill-Awtorità Nazzjonali tal-Konservazzjoni tat-Tigri ttieħed ritratt lil 100 tigra differenti.

Ħsara miċ-Ċiklun Aila

[immodifika | immodifika s-sors]
Iċ-ċiklun Aila fl-24 ta' Mejju 2009 (ritratt tan-NASA).

Iċ-ċiklun Aila affettwa l-Park Nazzjonali tas-Sunderbans fil-25 ta' Mejju 2009, u kkawża ħsarat lill-kampijiet u lill-villaġġi periferiċi qrib ir-riżerva. Il-ħsarat ikkawżati fix-xtut man-naħa tal-villaġġi kkawżaw għargħar fuq skala kbira, u bosta nies spiċċaw mgħerrqa jew imblukkati fl-inħawi. Il-kampijiet spiċċaw bejn 12 u 15-il pied taħt l-ilma għal madwar 7 sigħat, u dan wassal għal erożjoni tal-ħamrija u ħsara lill-kwartieri tal-persunal, lill-ġeneraturi u lill-istrutturi tal-bambù. Kien hemm rapport ta' tigra li tlajjat fi stalla abbandunata tal-bhejjem f'villaġġ, iżda din inqabdet u reġgħet inħelset fis-selvaġġ. L-ebda mewta ta' tigra ma ġiet irrapportata, apparti l-mortalità ta' żewġ ċriev tat-tikek. Diversi organizzazzjonijiet mhux governattivi kienu involuti fl-operazzjonijiet ta' għajnuna.

Id-Dipartiment Forestali tal-Istat stabbilixxa Kumitat u vvaluta ħsarat ta' kważi Rs. 11150,000. Assistenza ċentrali li kienet tammonta għal Rs. 10 miljun taħt il-Proġett għat-Tigri ġiet ipprovduta lill-istat biex jirrestawra l-ħsarat ikkawżati fl-infrastruttura.

Ħsara miċ-Ċiklun Amphan

[immodifika | immodifika s-sors]

Iċ-ċiklun Amphan niżel qrib il-Gżira ta' Sagar fid-distrett 24 tan-Nofsinhar ta' Parganas tal-istat Indjan tal-Punent tal-Bengal fl-20 ta' Mejju 2020. Mietu n-nies u ġew ikkawżati ħsarat estensivi lill-infrastruttura. Iċ-ċiklun ikkawża ħsara fuq "kważi x-xbieki kollha tan-nylon" fil-foresta li normalment jevitaw li t-tigri jitlajjaw qrib il-villaġġi periferiċi, u b'hekk jevitaw il-kunflitt bejn l-annimali u l-bnedmin. Apparti x-xbieki, iċ-ċiklun ikkawża ħsarat f'"għexieren ta' uffiċċji tal-kampijiet forestali, tined, torrijiet ta' osservazzjoni u kwartieri tal-persunal". Id-Dipartiment tal-Foresti tal-Punent tal-Bengal għall-ewwel beża' li t-tigri ndarbu jew inqatlu miċ-ċiklun iżda wara li saru xi rondi nstab li ma mietet l-ebda tigra u anzi ġew osservati xi annimali jitlajjaw madwar il-foresti.

Ir-Riżerva tat-Tigri tas-Sunderbans għandha diversi sfidi fir-rigward l-operazzjonijiet tagħha fil-futur. Minħabba t-tigri jitlajjaw, il-kunflitti bejn il-bnedmin u t-tigri għadhom problema. It-tigri tas-Sunderbans jikkaċċjaw il-bnedmin, u huwa stmat li iktar minn elf persuna nqatlet mit-tigri f'dawn l-aħħar erba' deċennji. Stima tal-għadd ta' tigri preżenti fir-riżerva bl-użu ta' metodu mirqum għadha ma tlestietx. Huwa mistenni pjan ta' konservazzjoni għat-tigri flimkien mal-istabbiliment ta' Kumitat Permanenti fil-livell statali taħt il-Presidenza tal-Ministru Ewlieni u ta' Fondazzjoni tal-Konservazzjoni tat-Tigri speċifika għar-riżerva.

Ajru: il-Park Nazzjonali tas-Sundarbans jinsab 140 kilometru mill-Ajruport Internazzjonali ta' Netaji Subhas Chandra Bose, li jopera titjiriet internazzjonali mad-dinja kollha.

Ferrovija: L-iżjed stazzjon ferrovjarju viċin il-Park Nazzjonali tas-Sundarbans huwa l-Istazzjon Ferrovjarju ta' Canning li jinsab 29 kilometru mid-daħla tal-Park Nazzjonali tas-Sundarbans (jiġifieri Godhkhali).

Triq: il-park nazzjonali jista' jiġi aċċessat minn Kolkata permezz tal-Awtostrada Statali Nru 3 tal-Punent tal-Bengal.

Valwazzjoni tal-ekosistema

[immodifika | immodifika s-sors]

Studju ta' valutazzjoni ekonomika tal-2015 tal-Park Nazzjonali ta' Sundarbans stima li l-park nazzjonali jipprovdi fluss ta' benefiċċji li jammontaw għal ₹12.8-il biljun (madwar ₹50,000 għal kull ettaru ta' art) kull sena.

Servizzi importanti għall-ekosistema u l-valwazzjonijiet annwali tagħhom jinkludu l-funzjoni ta' mixtla (₹5.17 biljun), il-protezzjoni tal-ġeni (₹2.87 biljun), il-ħarsien tal-ħut (₹1.6 biljun) u s-servizzi ta' assimilazzjoni tal-iskart (₹1.5 biljun). L-istudju semma wkol servizzi bħall-ġenerazzjoni ta' impjiegi għall-komunitajiet lokali (₹36 miljun), il-moderazzjoni tal-maltempati biċ-ċikluni (₹275 miljun), il-provvista ta' ħabitats u refuġji għall-organiżmi selvaġġi (₹360 miljun) u l-qbid tal-karbonju (₹462 miljun).

  1. 1 2 3 "Il-Park Nazzjonali tas-Sundarbans - UNESCO".