Park Nazzjonali tal-Muntanja Tomorr

Il-Park Nazzjonali tal-Muntanja Tomorr (bl-Albaniż: Parku Kombëtar "Mali i Tomorrit") huwa park nazzjonali stabbilit fl-1956 li jinsab fin-Nofsinhar tal-Albanija, qalb is-sezzjonijiet ċentrali u iktar għoljin tal-katina muntanjuża tal-Muntanja Tomorr. Mill-2012 għandu erja ta' 261.06 km2 (100.80 mil kwadru), u mill-2019 tkabbar biex jinkludi wkoll il-barrieri li jinsabu fih. Il-park nazzjonali jkopri territorju ta' 26,106 ettari (64,510 akri). Il-biċċa l-kbira tal-park tinsab fi ħdan il-Kontea ta' Berat u 1,278 ettaru (3,160 akru) biss jinsabu fi ħdan il-Kontea ta' Elbasan. Il-park ġie stabbilit fl-1956 u jitqies bħala waħda mill-iżjed żoni protetti importanti għaż-żamma tal-bijodiversità muntanjuża u tal-integrità tal-ekosistemi fil-livell nazzjonali. Il-park ġie rikonoxxut bħala Żona Importanti tal-Pjanti ta' importanza internazzjonali mill-Plantlife.
Xi karatteristiċi prominenti fi ħdan il-park nazzjonali jinkludu l-kanjon ta' Osum, ix-xmara Osum u l-muntanja Tomorr, li hija wkoll sit sagru għall-Kristjani u għall-Bekatshis.

Il-muntanja Tomorr hija antiklin magħmul mill-ġebla tal-ġir u minn blat karstiku. Il-muntanja hija waħda mill-ogħla punti naturali tan-Nofsinhar tal-Albanija, qalb il-widien tax-xmajjar Osum u Tomorrica fil-Lvant qrib Berat.
Il-park jinsab fi ħdan l-ekoreġjun terrestri tal-foresti mħallta tal-Muntanji Pindus tal-bijoma tal-foresti, tal-boskijiet u tal-arbuxxelli Mediterranji Paleartiċi. Il-ġeoloġija u t-topografija varjati tal-park irriżultaw f'diversità unika ta' flora u ta' fawna.

Flora
[immodifika | immodifika s-sors]Il-foresti tal-Park Nazzjonali tal-Muntanja Tomorr huma magħmula minn diversità ta' speċijiet ta' siġar ħorfija u koniferi u minn varjetà kbira ta' fjuri. Il-foresti tal-park fihom abbundanza ta' speċijiet bħall-fagu Ewropew, iż-żnuber tal-Bożnija, il-ġellewż tat-Turkija, il-linarja, il-ġenzjan isfar, il-krokus tal-ħarifa, is-sorbu tal-Greċja, il-viskju Ewropew, iċ-ċentawrja u bosta oħrajn.[1]
Fawna
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-park nazzjonali jgħixu bosta speċijiet ta' mammiferi kbar bħal-lupu, il-volpi, iċ-ċingjal, iċ-ċerva selvaġġa, il-mogħża selvaġġa, il-fenek, l-ajkla rjali, il-kokka u l-isparvier. Xi mammiferi żgħar li jgħixu fil-park nazzjonali jinkludu l-ġurdien tal-foresti u l-ġurdien tal-boskijiet.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ Mahmutaj, Ermelinda; Shuka, Lulëzim; Hoda, Petrit. "Rare plants and their conservation status in Tomorri National Park". Endocytobiosis and Cell Research.