Park Nazzjonali tal-Katina Muntanjuża ta' Rodopi
Il-Park Nazzjonali tal-Katina Muntanjuża ta' Rodopi (bil-Grieg: Εθνικό Πάρκο Οροσειράς Ροδόπης) huwa park nazzjonali fil-Greċja, li jinsab fil-katina muntanjuża ċentrali u tal-Punent tas-sezzjoni Griega tal-Muntanji ta' Rodopi. Il-park ikopri erja ta' madwar 170,000 ettaru u jinkludi l-ikbar ekosistemi forestali u l-iktar produttivi fil-Greċja.
Il-konfini tat-Tramuntana tal-park jinsab tul il-fruntieri bejn il-Greċja u l-Bulgarija u jibdew minn punt qrib Kato Neurokopi, fl-unità reġjonali ta' Drama u jintemmu qrib Dimario, fl-unità reġjonali ta' Xanthi. Il-konfini tan-Nofsinhar tiegħu jibdew mix-xaqlibiet tal-Grigal tal-Muntanja Falakro u tul ix-xmara Nestos.
Ir-reġjun tal-Lvant tal-park jinsab fi ħdan l-ekoreġjun tal-foresti mħallta tal-Balkani, filwaqt li l-bqija jkopri parti mill-ekoreġjun tal-foresti mħallta tal-muntanji ta' Rodopi.
Flora
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Muntanji ta' Rodopi ma kinux miksijin bis-silġ matul il-perjodu Plejstoċen u b'hekk għandhom bijodiversità kbira ta' flora, bi 827 speċi u b'288 sottospeċi ta' pjanti li ġew irreġistrati fir-reġjun. Uħud minnhom huma endemiċi u ma jinsabu mkien iktar fid-dinja, bħal-Lilium rhodopeum.
Hemm erba' żoni ta' veġetazzjoni fil-Park Nazzjonali tal-Katina Muntanjuża ta' Rodopi. Il-biċċa l-kbira tal-park hija miksija prinċipalment bis-siġar tal-ballut imxewwek, bis-siġar tal-qastan u bil-karpini. 17.5 % oħra tal-park huma miksija b'mod predominanti bis-siġar taż-żnuber tat-Tramuntana, bil-betulli u bl-abit aħmar, u dawn il-muntanji huma l-iżjed reġjun fin-Nofsinhar fejn jista' jinsab l-abit aħmar. Parti differenti tal-park hija rrappreżentata l-iktar b'ekosistemi ta' fagi u ta' siġar taż-żnuber iswed. Barra minn hekk hemm żona żgħira miksija l-iktar b'mergħat u b'veġetazzjoni tal-ħaxix b'xi arbuxxelli sporadiċi.
Bosta mill-mammiferi Ewropej ikoniċi jistgħu jinsabu fil-Park Nazzjonali tal-Katina Muntanjuża ta' Rodopi, bħall-ors kannella, il-lupu griż, iċ-ċingjal, il-volpi aħmar, il-qattus selvaġġ Ewropew, il-lontra Ewrasjatika, il-baġer Ewrasjatiku u ċ-ċerva selvaġġa. F'elevazzjoni għolja jgħixu wkoll il-kamoxxa u l-park jospita wkoll popolazzjoni żgħira ħafna ta' ċriev ħomor. Dawn flimkien ma' bosta speċijiet iżgħar jammontaw għal 57 speċi ta' mammiferi. Bis-saħħa tad-diversità rikka ta' mammiferi li jgħixu fil-foresti tal-park, żoni kbar tal-park ġew integrati fin-network ta' Natura 2000.
L-avifawna tal-Park Nazzjonali tal-Katina Muntanjuża ta' Rodopi tikkonsisti f'139 speċi, u bosta minnhom huma predaturi. Uħud minnhom huma l-ajkla rjali, il-bies, il-kokka imperjali Ewrasjatika u l-avultun Eġizzjan, li huwa elenkat bħala fil-periklu fil-Lista l-Ħamra tal-IUCN. Il-park huwa magħruf ukoll bħala wieħed mill-aħħar żoni fil-Greċja fejn jgħixu flimkien il-perniċi kannella u l-gallozza tal-Punent.
Anfibji
[immodifika | immodifika s-sors]Total ta' 14-il speċi ta' anfibji ġew irreġistrati fil-Park Nazzjonali tal-Katina Muntanjuża ta' Rodopi, u l-iżjed abbundanti fosthom huma ż-żrinġ komuni u s-salamandra lewn in-nar, filwaqt li speċijiet oħra bħall-gremxula alpina tal-ilma ġew osservati biss f'għadd żgħir ħafna ta' postijiet fi ħdan il-park.
Rettili
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-park nazzjonali hemm 26 speċi ta' rettili; speċi minnhom, il-fekruna tal-art Griega, hija fil-periklu u hija elenkata bħala vulnerabbli fil-Lista l-Ħamra tal-IUCN. Il-park huwa magħruf bħala l-iżjed reġjun tan-Nofsinhar fl-Ewropa fejn jinsabu s-serp Vipera berus u l-gremxula tar-ramel.
Ħut
[immodifika | immodifika s-sors]Fix-xmajjar, fin-nixxigħat u fl-għadajjar fil-Park Nazzjonali tal-Katina Muntanjuża ta' Rodopi oriġinarjament kien hemm 11-il speċi nattiva ta' ħut, iżda llum il-ġurnata ddaħħlu 9 oħra. Il-maġġoranza tal-ispeċijiet nattivi jagħmlu parti mill-familja Cyprinidae, bħar-rodeo morr Ewropew u l-lewċisku tal-Greċja. Eżempju ieħor huwa l-Phoxinus strymonicus, li huwa kkategorizzat bħala speċi fil-periklu fil-Lista l-Ħamra tal-Ispeċijiet Mhedda tal-IUCN.
Invertebrati
[immodifika | immodifika s-sors]L-invertebrati ta' għadd kbir ta' speċijiet differenti jgħixu fil-Park Nazzjonali tal-Katina Muntanjuża ta' Rodopi, u l-iktar magħrufa fosthom fil-park huma l-Lepidoptera. Mill-235 speċi ta' Lepidoptera li qatt ġew irreġistrati fil-Greċja kollha, 180 speċi jinsabu f'dan il-park nazzjonali. Uħud minnhom huma mhedda u ġew elenkati bħala vulnerabbli fil-Lista l-Ħamra tal-IUCN. Xi eżempji huma l-Lycaena ottomanus u l-Pseudochazara orestes.