Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Il-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar.

Il-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar (bl-Ingliż: Great Himalayan National Park (GHNP)) huwa park nazzjonali fl-Indja, li jinsab fis-suddiviżjoni ta' Banjar ta' Kullu fl-istat ta' Himachal Pradesh. Il-park ġie stabbilit fl-1984 u huwa mifrux fuq erja ta' 1,171 km2. L-elevazzjonijiet fi ħdan il-park ivarjaw bejn 1,500 u 6,000 metru. Il-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar huwa ħabitat ta' iktar minn 375 speċi ta' flora u ta' fawna, inkluż madwar 31 mammiferu, 181 għasfur, 3 rettili, 9 anfibji, 11-il annelid, 17-il mollusk u 127 insett. Dawn huma protetti skont il-linji gwida stretti tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Organiżmi Selvaġġi tal-1972; għaldaqstant il-kaċċa mhix permessa.

F'Ġunju 2014, il-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, fid-dawl tal-importanza straordinarja tiegħu għall-konservazzjoni tal-bijodiversità.[1]

Bijoġeografija

[immodifika | immodifika s-sors]
Il-muntanji bil-borra fil-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar.

Il-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar jinsab f'salib it-toroq bejn żewġ reġjuni bijoġeografiċi dinjin ewlenin: ir-reġjun Indomalajan lejn in-Nofsinhar u r-reġjun Paleartiku lejn it-Tramuntana. Il-flora u l-fawna tal-foresti miti tal-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar jirrappreżentaw l-iżjed estensjoni lejn il-Punent tar-Reġjun Sino-Ġappuniż. L-ekosistema f'elevazzjoni għolja tal-Grigal tal-Himalayas fiha elementi ta' pjanti komuni mar-reġjun biswit tal-Asja Ċentrali u tal-Punent tal-Asja. Minħabba l-elevazzjoni ta' 4,100 metru, il-park fih diversità ta' żoni bil-flora u bil-fawna rispettivi tagħhom, bħall-foresti alpini, glaċjali, miti u subtropikali.

Dawn l-elementi bijoġeografiċi huma r-riżultat tal-evoluzzjoni ġeoloġika tal-Himalayas li għadha għaddejja sal-lum mill-azzjoni tal-plakek tettoniċi u taċ-ċaqliq kontinentali. Iktar minn 100 miljun sena ilu, is-subkontinent Indjan inqata' mill-massa kbira ta' art tan-Nofsinhar, Gondwanaland, u resqet lejn it-Tramuntana. Eventwalment ħabtet fil-massa ta' art tat-Tramuntana, Lawrasja, u ffurmat il-muntanji ġganteski donnhom mitwijin f'xulxin tal-Himalayas. Minħabba din l-unjoni ta' Gondwanaland u l-mases ta' art Asjatiċi, l-iskambju tal-flora u tal-fawna kien possibbli u fl-aħħar mill-aħħar wassal għall-karatteristiċi bijoġeografiċi uniċi fir-reġjun.[2]

Diversi villaġġi żgħar jinsab fin-naħa tal-Punent tal-park.

Il-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar dam 20 sena mit-twelid sal-inawgurazzjoni tiegħu bħala parti mis-sistema tal-parks nazzjonali Indjani. Din li ġejja hija kronoloġija fil-qosor:

1980: stħarriġ preliminari fil-park tal-korpi tal-ilma ta' Tirthan, Sainj u Jiwanal fl-inħawi ta' Banjar tad-distrett ta' Kullu;

1983: l-istħarriġ preliminari kompla fl-inħawi ta' Banjar tad-distrett ta' Kullu;

1984: il-gvern ta' Himachal esprima li kien beħsiebu joħloq il-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar;

1988: beda l-qsim tal-jeddijiet tal-komunitajiet lokali fil-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar;

1994-99: il-Bank Dinji ffinanzja l-Proġett tal-Konservazzjoni tal-Bijodiversità, li matulu ġew stabbiliti 16-il kumitat tal-ekożvilupp biex jinvolvu l-komunitajiet lokali fil-konservazzjoni tal-bijodiversità; l-Istitut tal-Organiżmi Selvaġġi tal-Indja wettaq proġett ta' riċerka fil-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar;

1996: is-Soċjetà tal-Konservazzjoni tal-Bijodiversità (BiodCS) ġiet irreġistrata biex ikollha responsabbiltà konġunta għall-ġestjoni tal-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar;

1999: il-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar ġie stabbilit bħala l-iġded park nazzjonali tal-Indja; ingħata kumpens lill-komunitajiet lokali li kellhom jeddijiet forestali tradizzjonali hemmhekk;

2000: l-organizzaturi tad-WSCG iffurmaw SAHARA (Soċjetà għall-Avvanz taż-Żoni Rurali u l-Għoljiet) biex taħdem fil-ġestjoni tal-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar;

2008: saret riċerka dwar il-popolazzjoni tat-tragopan tal-Punent fil-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar, b'kollaborazzjoni mal-Istitut tal-Organiżmi Selvaġġi tal-Indja;

2010: tressqet proposta biex il-korp tal-ilma b'erja ta' 710 kilometri kwadri ta' Parvati jiġi ddikjarat bħala l-Park Nazzjonali ta' Khirganga fit-Tramuntana tal-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar, sabiex jissaħħu l-isforzi ta' konservazzjoni; ġie propost li żewġ santwarji tal-organiżmi selvaġġi ta' Tirthan u Sainj jingħaqdu fil-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar għal status ogħla ta' protezzjoni;

2011: tressqet l-applikazzjoni biex il-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar jiġi nnominat bħala sit indikattiv biex xi darba jsir Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO;

2012: tim ta' evalwazzjoni tal-IUCN żar il-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar biex iwettaq analiżi kritika tas-sit;

2013: tqieset in-nominazzjoni tal-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar u ġiet proposta għal konsultazzjoni; ġie stabbilit kunsill ta' ġestjoni bl-involviment tal-kapijiet ta' 13-il entità ta' governanza lokali;

2014: il-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO matul it-38 laqgħa tal-Kumitat tal-Wirt Dinji f'Doha, il-Qatar.[1]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Żanżarell turkważ fil-park.

Il-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2014.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

Bijodiversità

[immodifika | immodifika s-sors]
Ritratt mill-viċin ta' leopard tal-borra.

Il-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar jospita iktar minn 375 speċi ta' fawna. Sa issa ġew identifikati u ddokumentati l-ispeċijiet ta' 31 mammiferu, 181 għasfur, 3 rettili, 9 anfibji, 11-il annelid, 17-il mollusk u 127 insett li jagħmlu parti minn 6 ordnijiet. Il-biċċa l-kbira tal-fawna tal-Himalayas ingħatat protezzjoni skont kategorija ta' protezzjoni ta' prijorità għolja tal-Iskeda Nru I tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Organiżmi Selvaġġi tal-Indja tal-1972. Il-gvern statali ta' Himachal Pradesh ilu li pprojbixxa l-kaċċa fl-istat iktar minn 10 snin ilu. Trek ta' bejn 35 u 45 kilometru fi kwalunkwe wieħed mill-widien tal-park iwassal għal ħabitat ta' elevazzjoni għolja (3,500 metru jew iktar) ta' annimali bħan-nagħaġ blu, il-leopardi tal-borra, l-orsijiet kannella tal-Himalayas, it-tahr tal-Himalayas, u ċ-ċriev tal-misk. L-aqwa osservazzjonijiet jistgħu jsiru fil-ħarifa (Settembru–Novembru) peress li l-annimali jibdew il-migrazzjoni staġonali tagħhom lejn elevazzjonijiet iktar baxxi.

Il-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar isostni wkoll diversità kbira ta' pjanti, bis-saħħa tal-firxa wiesgħa ta' elevazzjonijiet u l-ħabitats relattivament mhux mittiefsa. Il-park jippreżenta varjetà infinita ta' veġetazzjoni: is-siġar taż-żnuber kbar, is-siġar tal-abit aħmar u s-siġar tal-qastan fil-widien iktar baxxi, kif ukoll is-siġar tal-ġniebru u l-ħxejjex aromatiċi alpini. Għalkemm xi żoni ġew immodifikati mir-ragħa, il-park huwa wieħed mill-ftit inħawi tal-Punent tal-Himalayas fejn il-foresti u l-mergħat alpini jistgħu jiġu osservati fl-eqreb stat għall-istat oriġinali tagħhom. Iż-żona subalpina hija l-iżjed rikka fi speċijiet, segwita miż-żoni alpini u miż-żoni miti superjuri.

Trekking u turiżmu

[immodifika | immodifika s-sors]

F'dawn l-aħħar snin, il-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar feġġ bħala destinazzjoni popolari għat-trekking u għat-turiżmu ekoloġiku. L-uffiċċju tal-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar f'Sai Ropa joħroġ permess għat-treks. Hemm diversi rotot popolari tat-trekking fil-park, li jvarjaw minn dawk li jistgħu jsiru f'jum jew f'jumejn, għal dawk li jieħdu bejn ġimgħa sa għaxart ijiem. It-turiżmu ekoloġiku u t-turiżmu tal-homestays bdew jiksbu popolarità f'postijiet iktar 'il barra iżda xorta waħda qrib il-park.[3][4]

L-uffiċċju tad-direttur tal-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar jinsab f'Shamshi, fil-wied ta' Kullu.[5]

  1. 1 2 3 4 "Il-Park Nazzjonali tal-Himalayas il-Kbar - UNESCO".
  2. "Great Himalayan National Park". Outlook India (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-29.
  3. "Great Himalayan National Park" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-29.
  4. Pandey, Abhimanyu (Lulju–Settembru 2007). "Khandedhar - Origin of the Jiwa Nal". Monal (54): 3–5.
  5. Chaudhry, Minakshi (2003). Guide to Trekking in Himachal: Over 65 Treks and 100 Destinations. Indus Publishing. ISBN 978-81-7387-149-8.