Park Nazzjonali tal-Għerien ta' Peruaçu
Il-Park Nazzjonali tal-Għerien ta' Peruaçu (bil-Portugiż: Parque Nacional Cavernas do Peruaçu) huwa park nazzjonali li jinsab fl-istat ta' Minas Gerais, il-Brażil. Huwa magħruf għall-għerien kbar tiegħu tal-ġebla tal-ġir.
Pożizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali tal-Għerien ta' Peruaçu, b'erja ta' 56,448 ettaru (139,490 akru), inħoloq fil-21 ta' Settembru 1999 u huwa amministrat mill-Istitut Chico Mendes għall-Konservazzjoni tal-Bijodiversità.[1] Il-park ikopri partijiet mill-muniċipalitajiet ta' Januária, Itacarambi u São João das Missões fit-Tramuntana tal-istat ta' Minas Gerais. Fil-qrib hemm il-Park Statali ta' Veredas do Peruaçu, li huwa amministrat mill-Istitut Statali tal-Forestrija, u r-Riżerva tal-Indjani Xakriabá.[2]

Ix-xmara Peruaçu tgħaddi mill-park mill-Majjistral għax-Xlokk, u tingħaqad max-xmara São Francisco, li tibqa' sejra tul il-konfini tax-Xlokk tal-park. Iż-Żona ta' Protezzjoni Ambjentali tal-Għerien ta' Peruaçu, b'erja ta' 143,866 ettaru (355,500 akru), inħolqot fis-26 ta' Settembru 1989. Din iż-żona, li tkopri l-baċir tax-xmara Peruaçu, titrikkeb kemm mal-park nazzjonali kif ukoll mal-park statali, iżda ż-żewġ parks imorru lil hinn mill-konfini taż-Żona ta' Protezzjoni Ambjentali.[3][4]
It-temperatura medja tkun madwar 18 °C (64 °F) u tkun kemxejn ogħla fix-xitwa minħabba li jkun hemm ferm iktar sħab fis-sajf. Tinżel inqas minn 1,200 millimetru (47 pulzier) ta' xita bħala medja annwali, u tinżel l-iktar fis-sajf. L-umdità relattiva tkun madwar 70 %. Il-park jinsab bejn ir-reġjuni ta' Cerrado u ta' Caatinga u fih foresti tas-siġar ħorfija muntanjużi staġonali, foresti semiħorfija, savanna bis-siġar u żoni tranżizzjonali.[5] Id-diversità tal-ambjenti ssostni firxa wiesgħa ta' fawna. L-Għar ta' Janelão u għerien oħra fihom tpittir mal-blat li għandu iktar minn 10,000 sena.[6]
Konservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-park huwa unità protetta bis-sħiħ kif definit bil-Liġi Nru 9.985 tas-sena 2000, li stabbiliet is-Sistema Nazzjonali tal-Unitajiet ta' Konservazzjoni. L-iskop hu li jiġu ppreservati l-wirt ġeoloġiku u arkeoloġiku, il-kampjuni rappreżentattivi ta' cerrado, ta' foresti staġonali u ta' forom oħra ta' veġetazzjoni naturali, fawna, pajsaġġi, riżorsi tal-ilma u karatteristiċi naturali oħra tar-reġjun. F'Lulju 2014 tlesta xogħol infrastrutturali li ħoloq sitt rotot għall-viżitaturi bi tmien għerien miftuħin għall-pubbliku; dan kollu bit-tama li l-park jattira turisti lejn it-Tramuntana ta' Minas Gerais.
Fl-2013 WWF Brazil ħadmet flimkien ma' Instituto Biotrópicos biex isir il-monitoraġġ tal-mammiferi tas-Cerrado fil-park.[6] Fost l-ispeċijiet hemm il-lupu tal-kriniera (Chrysocyon brachyurus), il-kawgar (Puma concolor), il-ġagwar (Panthera onca), l-ocelot (Leopardus pardalis), il-colocolo (Leopardus colocolo), il-gwan ta' sidru qastni (Penelope ochrogaster), it-tirannulet ta' Minas Gerais (Phylloscartes roquettei) u l-ħuta Trichomycterus itacarambiensis.
Il-park inħoloq dan l-aħħar u għad hemm kwistjonijiet pendenti rigward is-sjieda tal-art. Hemm bosta rziezet żgħar, proprjetajiet u art indiġena madwar il-park, u fihom kollha n-nar jintuża minn żmien għal żmien fl-agrikoltura. Il-kaċċaturi jidħlu fil-park u ġieli jħallu xi ħuġġieġa taqbad, għaldaqstant hemm ir-riskju ta' nirien forestali fi ħdan il-park.
Fl-2025, il-park tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[7][8]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Kanjon tax-Xmara Peruaçu ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO f'Lulju 2025.[7]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[7]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ↑ DCOM - Lainy Aparecida da Silva. "Instituto Chico Mendes de Conservação da Biodiversidade - Parna Cavernas do Peruaçu". www.icmbio.gov.br (bil-Portugiż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2013-08-18. Miġbur 2025-08-01.
- ↑ Flávio Túlio Gomes (Marzu 2007), Plano Operativo de Prevenção e Combate aos Incêndios Florestais no Parque Nacional Cavernas do Peruaçu (bil-Portugiż), MMA: Ministério do Meio Ambiente, p. 4.
- ↑ Flávio Túlio Gomes (Marzu 2007), Plano Operativo de Prevenção e Combate aos Incêndios Florestais no Parque Nacional Cavernas do Peruaçu (bil-Portugiż), MMA: Ministério do Meio Ambiente, p. 6.
- ↑ "Żona ta' Protezzjoni". www.icmbio.gov.br. Arkivjat minn l-oriġinal fl-2019-07-22. Miġbur 2025-08-01.
- ↑ Flávio Túlio Gomes (Marzu 2007), Plano Operativo de Prevenção e Combate aos Incêndios Florestais no Parque Nacional Cavernas do Peruaçu (bil-Portugiż), MMA: Ministério do Meio Ambiente, p. 5.
- 1 2 "Parque Nacional Cavernas do Peruaçu recebe infraestrutura para o turismo". www.wwf.org.br (bil-Portugiż). Miġbur 2025-08-01.
- 1 2 3 "Peruaçu River Canyon - UNESCO".
- ↑ "Peruaçu Caves in Brazil recognized as UNESCO World Heritage Site". MercoPress (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-01.