Park Nazzjonali tal-Għadajjar ta' Mana

Il-Park Nazzjonali tal-Għadajjar ta' Mana huwa żona ta' konservazzjoni tan-natura selvaġġa u park nazzjonali ta' 219,600 ettaru (543,000 akru) fit-Tramuntana taż-Żimbabwe. Huwa reġjun tal-parti t'isfel tax-xmara Zambezi f'Żimbabwe fejn il-pjanura tal-għargħar tax-xmara tinbidel f'medda wiesgħa ta' għadajjar wara kull staġun tax-xita. Sakemm l-għadajjar jinxfu gradwalment u jispiċċaw fix-xejn, ir-reġjun jattira bosta annimali kbar li jiġu għall-ilma, u b'hekk dan ir-reġjun huwa wieħed mill-iżjed rinomati fl-Afrika għall-osservazzjoni tal-annimali selvaġġi.
Il-park tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984 bħala sit wieħed flimkien maż-Żona tas-Safaris ta' Sapi (118,000 ettaru jew 290,000 akru) u maż-Żona tas-Safaris ta' Chewore (339,000 ettaru jew 840,000 akru) b'total ta' 676,600 ettaru jew 1,672,000 akru.[1] L-Għadajjar ta' Mana ġew iddeżinjati bħala art mistagħdra ta' importanza internazzjonali tar-Ramsar fit-3 ta' Jannar 2013.[2] Il-Park Nazzjonali tal-Għadajjar ta' Mana sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bis-saħħa tas-sbuħija tiegħu u l-fatt li mhux mittiefes. Jospita firxa wiesgħa ta' mammiferi, iktar minn 350 speċi ta' għasafar, organiżmi akkwatiċi selvaġġi, u huwa waħda mill-iżjed żoni ekoloġiċi naturali selvaġġi u ppreservati sew fid-dinja.[3]
Ekoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Mana tfisser "erbgħa" bix-Shona, b'referenza għall-erba' għadajjar permanenti kbar iffurmati mill-parti ċentrali sserrep tax-xmara Zambezi. Dawn l-2,500 kilometru kwadru ta' xtut tax-xmara, gżejjer, xtut tar-ramel u għadajjar, biswit il-foresti tal-kawkba, tat-tin selvaġġ, tal-ebanu u tal-baobab, huma wieħed mill-inqas parks nazzjonali żviluppati fin-Nofsinhar tal-Afrika. Il-park fih l-ikbar konċentrazzjoni ta' ippopotami u ta' kukkudrilli fil-pajjiż, kif ukoll popolazzjonijiet kbar ta' mammiferi fl-istaġun tan-nixfa, fosthom iż-żebra, l-iljunfanti u l-bufli tal-Kap. L-inħawi jospitaw ukoll speċijiet mhedda oħra, inkluż l-iljuni, iċ-cheetahs, il-klieb selvaġġi tal-Kap, u speċijiet kważi mhedda, inkluż il-leopardi u l-jeni kannella.
Meta l-park tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO, kien wieħed mill-iżjed refuġji importanti għall-popolazzjonijiet ta' rinoċeronti suwed tal-Lvant fl-Afrika, b'madwar 500 eżemplar. Sal-1994, l-insib ta' dawn l-annimali wassal saħansitra għal 10 rinoċeronti ħajjin biss, li tneħħew u tpoġġew f'żona oħra għall-protezzjoni tagħhom.[1]
Theddida
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-28 ta' April 2023, il-Ministeru għall-Minjieri u l-Iżvilupp tal-Estrazzjoni taż-Żimbabwe stqarr li Shalom Mining Corporation Pvt Ltd kienet applikat għal permess ta' tfittxija għaż-żejt u għall-gass naturali f'żona b'valur ferm għoli ta' konservazzjoni biswit l-Għadajjar ta' Mana. Jekk il-permess jingħata, dan jista' jipperikola s-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-qrib.[4]
Konservazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali tal-Għadajjar ta' Mana ġie salvat minn skema idroelettrika fil-bidu tas-snin 80 tas-seklu 20 li kienet twassal biex il-park kollu jiġi mgħerreq. L-ekoloġija tal-inħawi tiġi affettwata mir-regolar tad-Diga ta' Kariba u hemm tħassib li diga potenzjali oħra max-xmara Zambezi, fil-Fondoq ta' Mapata, jaf ixxekkel b'mod drammatiku l-valur tal-inħawi. Dan l-aħħar, l-inħawi ġew salvati mill-ġdid mill-iskema idroelettrika tal-Fondoq ta' Mapata, u minflok intgħażel il-proġġet tad-Diga ta' Batoka.
Żona tal-madwar
[immodifika | immodifika s-sors]Il-park imiss mal-Park Nazzjonali tal-Parti t'Isfel tax-Xmara Zambezi fiż-Żambja fin-naħa opposta tax-xmara Zambezi, u s-Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO jinkludi wkoll iż-Żona tas-Safaris ta' Urungwe (287,000 ettaru), iż-Żona tas-Safaris ta' Dande (52,300 ettaru) u ż-Żona tas-Safaris ta' Doma (76,400 ettaru).[1]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali tal-Għadajjar ta' Mana ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1984.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ d e "Mana Pools National Park, Sapi and Chewore Safari Areas - UNESCO".
- ^ "Ramsar Convention - The Ramsar List". web.archive.org. 2013-06-15. Arkivjat mill-oriġinal fl-2013-06-15. Miġbur 2025-01-27.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
- ^ "Mana pools National Park" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-27.
- ^ "Oil Exploration Threatens Pristine Mana Pools in Zimbabwe". BirdLife International (bl-Ingliż). 2023-06-13. Miġbur 2025-01-27.