Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali tal-Foresta Pluvjali ta' Gola

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa

Il-Park Nazzjonali tal-Foresta Pluvjali ta' Gola jipproteġi l-ikbar roqgħa ta' foresta pluvjali ta' Sierra Leone. B'kollox ikopri 71,070 ettaru fil-Lvant tal-pajjiż u jifforma parti mill-Foresta tan-Naħa ta' Fuq tal-Guinea, hotspot tal-bijodiversità estiż mill-Guinea sat-Togo.

Il-foresta ġiet sfruttata b'mod kummerċjali fl-imgħoddi, b'iktar minn 20,000 ettaru ta' siġar maqtugħin għall-injam bejn is-snin 60 u 80 tas-seklu 20, u dan l-aħħar kienet taħt pressjoni għall-isfruttament tad-djamanti u tal-minerali tal-ħadid u kienet fil-mira ta' rapport reċenti ta' Global Witness.

Mis-snin 90 tas-seklu 20, il-foresta kienet fil-mira ta' proġett ta' konservazzjoni biex il-foresta tiġi protetta fit-tul, filwaqt li jiġi żgurat l-involviment u t-titjib tal-għajxien tal-komunitajiet li jgħixu biswit il-foresta. Il-proġett huwa kollaborazzjoni bejn il-Gvern ta' Sierra Leone, is-Soċjetà tal-Konservazzjoni ta' Sierra Leone u s-Soċjetà Rjali għall-Protezzjoni tal-Għasafar. Xi ħaġa simili ġiet stabbilita wkoll fuq in-naħa l-oħra tal-fruntiera Liberjana fil-Komunità Liberjana tal-Foresta ta' Gola, peress li ż-żewġ komunitajiet għandhom kulturi u popli simili, kif ukoll l-istess speċijiet ta' pjanti u ta' annimali. Il-Park Nazzjonali ta' Lofa-Mano ġie propost fil-Grigal tal-Liberja, biswit il-park.

Il-Park Nazzjonali tal-Foresta Pluvjali ta' Gola ġie ddikjarat mill-President Ernest Bai Koroma u ġie ppromulgat mill-Parlament ta' Sierra Leone f'Diċembru 2010.[1] Il-park jamalgama r-Riżerva tat-Tramuntana tal-Foresta ta' Gola, ir-Riżerva tal-Lvant tal-Foresta ta' Gola u r-Riżerva tal-Punent tal-Foresta ta' Gola, u huwa t-tieni park nazzjonali ta' Sierra Leone. Infetaħ uffiċjalment f'Diċembru 2011 f'ċerimonja organizzata mill-President Koroma.

Fl-2025, il-park tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala parti mill-Kumpless ta' Gola-Tiwai.[2][3]

Iljunfanti Afrikani tal-foresti.

L-istħarriġiet bijoloġiċi juru li l-foresta tospita iktar minn 330 speċi ta' għasafar,[4] 14-il speċi minnhom mhedda,[5] iżjed minn 650 speċi ta' friefet u 49 speċi ta' mammiferi, inkluż popolazzjoni ta' iktar minn 300 chimpanzee tal-Punent, ippopotami nani u popolazzjoni żgħira ta' iljunfanti tal-foresti. Il-park ġie ddeżinjat bħala Żona Importanti għall-Għasafar minn BirdLife International minħabba li tappoġġa popolazzjonijiet sinifikanti ta' bosta speċijiet ta' għasafar.[6]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Kumpless ta' Gola-Tiwai ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2025.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[2]

  1. "Our History". Gola Rainforest National Park (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-25.
  2. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Gola-Tiwai Complex". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-25.
  3. "The activist who fought for Sierra Leone's first World Heritage site". France 24 (bl-Ingliż). 2025-07-13. Miġbur 2025-07-25.
  4. Allport, Gary; Ausden, Malcolm; Hayman, Peter; Robertson, Peter; Wood, Peter (1989). "The Birds of the Gola Forest and their Conservation". ICBP Study Report. 38. International Council for Bird Preservation, Cambridge, UK. doi:10.13140/rg.2.1.3994.9049.
  5. Allport, Gary (1991). "The status and conservation of threatened birds in the Upper Guinea forest". Bird Conservation International. 1 (1): 53–74. doi:10.1017/S095927090000054X. ISSN 1474-0001.
  6. "Gola Forests, Sierra Leone, Africa Factsheet". BirdLife DataZone (bl-Ingliż). Miġbur 2025-07-25.