Park Nazzjonali ta' Una

Il-Park Nazzjonali ta' Una (bis-Serbo-Kroat: Национални парк Уна, Nacionalni park Una) ġie stabbilit fid-29 ta' Mejju 2008 madwar in-naħa ta' fuq tax-xmara Una u x-xmajjar Krka u Unac. Dan il-park huwa l-ikbar park nazzjonali tal-Bożnija-Ħerzegovina. L-iskop prinċipali tal-park huwa li jiġu mħarsa x-xmara Una u t-tributarji tagħha Krka u Unac, li jgħaddu minnu.

Iż-żona ta' protezzjoni tal-park nazzjonali hija ta' 198 km2 (76 mil kwadru), u hija estiża fuq in-naħa tal-Punent mis-sors tax-xmara Krka u l-fluss tagħha sal-konfluwenza max-xmara Una mal-fruntiera bejn il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kroazja. Minn hemmhekk il-konfini tal-park isegwu x-xmara Una sar-raħal ta' Martin Brod u l-konfluwenza max-xmara Unac. Il-konfini fuq in-naħa tal-Lvant tal-park jibdew mid-daħla tax-xmara Unac fil-kanjon tagħha, ftit kilometri 'l isfel tul il-fluss tagħha mir-raħal ta' Drvar, u jsegwu x-xmara Unac u l-kanjon tagħha sal-konfluwenza max-xmara Una fir-raħal ta' Martin Brod. Minn hemmhekk il-konfini tal-park isegwu x-xmara Una fuq il-lemin u l-fruntiera bejn il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kroazja fuq ix-xellug, sa ma jaslu sar-raħal żgħir ta' Ripač, ftit kilometri 'l fuq tul il-fluss tagħha mir-raħal ta' Bihać. Id-distribuzzjoni tal-erja tal-Park Nazzjonali ta' Una hija inkorporata fil-koordinati ġeografiċi li ġejjin:
- l-iżjed punt fit-Tramuntana: 44°44′33″N 15°57′58″E (l-insedjament abitat ta' Podastrana);
- l-iżjed punt fin-Nofsinhar: 44°21′02″N 16°13′05″E (l-għolja ta' Gradina ta' 676 metru (2,218-il pied));
- l-iżjed punt fil-Punent: 44°43′46″N 15°54′12″E (għolja ta' 509 metri (1,670 pied));
- l-iżjed punt fil-Lvant: 44°23′46″N 16°20′42″E (il-lokalità ta' Vrtočke Bare).
Ilmijiet
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-kaskati u l-ilmijiet rapidi ta' Una huma l-attrazzjoni prinċipali tal-park nazzjonali. L-iżjed kaskati famużi huma dawk f'Martin Brod. Ix-xmara Una tifforma għadd ta' xtut sinterużi tal-ġebla tal-ġir u kaskati qrib Martin Brod, inkluż madwar il-kaskata ta' Milančetov buk.
Kompetizzjoni popolari tal-kajak, ir-"Regatta Internazzjonali ta' Una" tibda f'Martin Brod, u l-kaskata ta' Štrbački Buk tinsab iktar 'l isfel tul il-fluss tax-xmara.
Madwar il-park kollu, il-viżitaturi jistgħu jgawdu kundizzjonijiet mill-aqwa għar-rafting, għas-sajd, għaċ-ċikliżmu, għall-mixi u l-kampeġġi. Il-qbiż mill-pontijiet urbani ta' Bihać u ta' Bosanska Krupa huwa popolari wkoll. L-ikbar kaskata tax-xmara Una hija Štrbački Buk, u hija waħda mill-karatteristiċi prinċipali tal-park.
Il-Park Nazzjonali ta' Una huwa magħruf ukoll għall-bijodiversità tiegħu, bi 30 speċi ta' ħut, 130 speċi ta' għasafar, u annimali oħra, inkluż il-linċi, il-volpi, il-lupu, l-ors u l-kamoxxa.
Il-park għandu wirt kulturali u storiku rikk u fih bosta siti arkeoloġiċi, ħafna minnhom li jmorru lura għall-preistorja. Xi fdalijiet storiċi u kulturali sinifikanti fl-inħawi fi ħdan il-park u kemxejn 'il barra miż-żona ta' protezzjoni tal-park huma l-forti Ruman ta' Milančeva Kula, il-Monasteru ta' Rmanj, il-fortizza Medjevali ta' Ostrovica fuq Kulen Vakuf, kif ukoll il-fortizza ta' Sokolačka Kula fil-villaġġ ta' Sokolac qrib Bihać u l-Kastell ta' Ostrožac bejn Bihać u Bosanska Krupa.
Park tal-Paċi ta' Plitvice-Una
[immodifika | immodifika s-sors]Il-prossimità bejn il-foresta mhux mittiefsa tal-muntanja Plješivica, li hija estiża fuq iż-żewġ naħat tal-fruntiera bejn il-Bożnija-Ħerzegovina u l-Kroazja, u l-parks nazzjonali ta' Una u tal-Lagi ta' Plitvice taż-żewġ pajjiżi rispettivament wasslet għall-idea ta' ġestjoni u promozzjoni konġunti permezz tal-konnessjoni u l-kooperazzjoni territorjali bejn iż-żewġ parks transfruntieri, billi jiġi stabbilit park ieħor, il-Park tal-Paċi ta' Plitvice-Una.