Park Nazzjonali ta' Talampaya

Il-Park Nazzjonali ta' Talampaya (bl-Ispanjol: Parque Nacional Talampaya) huwa park nazzjonali li jinsab fil-Lvant/fiċ-ċentru tal-Provinċja ta' La Rioja, l-Arġentina. Ġie stabbilit bħala riżerva provinċjali fl-1975, bħala park nazzjonali fl-1997 u bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1]
Pożizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-park jipproteġi żona mill-ekoreġjun ta' Alto Monte. Il-park ikopri erja ta' 2,150 kilometru kwadru (830 mil kwadru), f'altitudni ta' 1,500 metru (4,921 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar. L-iskop tiegħu huwa li jipproteġi s-siti arkeoloġiċi u paleontoloġiċi importanti li nstabu fl-inħawi. Fih pajsaġġi ta' ġmiel kbir, bi flora u b'fawna tipiċi tal-bijoma tal-muntanji.
Il-park jinsab f'baċir bejn Cerro Los Colorados fil-Punent u s-Sierra de Sañagasta fil-Lvant. Il-pajsaġġ huwa r-riżultat tal-erożjoni bl-ilma u bir-riħ fi klima ta' deżert, b'varjazzjonijiet kbar fit-temperatura — sħana kbira binhar u temperatur baxxa billejl, b'xita torrenzjali fis-sajf u b'riħ qawwi fir-rebbiegħa.
Lejn in-Nofsinhar, il-park imiss mal-Park Provinċjali ta' Ischigualasto, żona protetta provinċjali fil-Grigal tal-Provinċja ta' San Juan, l-Arġentina.
Karatteristiċi
[immodifika | immodifika s-sors]Il-park nazzjonali jinkludi:
- il-baċir niexef tax-xmara Talampaya, fejn miljuni ta' snin ilu kienu jgħixu d-dinosawri; hawnhekk instabu xi fossili, għalkemm mhux daqshekk interessanti daqs dawk li nstabu fil-Park Provinċjali ta' Ischigualasto;
- il-fondoq ta' Talampaya u l-formazzjonijiet tal-blat tiegħu b'ħitan tal-Formazzjoni ta' Talampaya għoljin sa 143 metru (469 pied), li f'punt minnhom jidjiequ sa 80 metru (262 pied);
- il-fdalijiet ta' insedjamenti ta' popli indiġeni, bħall-petroglifiċi ta' Puerta del Cañón;
- ġnien botaniku tal-flora lokali fil-punt dejjaq tal-kanjon;
- fawna reġjonali, inkluż il-gwanako, il-liebru, il-mara, il-volpi u l-kondor.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Parks Naturali ta' Ischigualasto / Talampaya ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[1]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]- Parque Nacional de Talampaya
- Talampaya canyon entrance
- Petroglyphs
- Parque Nacional Talampaya
- Tour buses at the park
- Rhea
- The wall