Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Los Alerces

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Permezz ta' awtostrada tul ix-xatt tal-Lvant tal-Lag ta' Futalaufquen, wieħed jista' jaċċessa l-park.

Il-Park Nazzjonali ta' Los Alerces (bl-Ispanjol: Parque Nacional Los Alerces) jinsab fl-Andes fil-Provinċja ta' Chubut fir-reġjun tal-Patagonja tal-Arġentina. Il-konfini tal-Punent tiegħu jmissu mal-fruntiera taċ-Ċilì. Diversi glaċjazzjonijiet suċċessivi sawru l-pajsaġġ fir-reġjun u ħolqu karatteristiċi spettakolari bħal moreni, cirques glaċjali u lagi bl-ilma ċar kristall. Il-veġetazzjoni hija ddominata minn foresti miti densi, li jċedu posthom lil mergħat alpini iktar fl-għoli qabel il-qċaċet tal-blat tal-Andes. Karatteristika tassew distintiva u emblematika tal-park hija l-foresta tas-siġar tal-Alerce; is-siġra tal-Alerce hija mhedda globalment u hija t-tieni l-iktar speċi ħajja antika ta' siġra fid-dinja (>3,600 sena). Il-foresti tas-siġar tal-Alerce fil-park jinsab fi stat eċċellenti ta' konservazzjoni. Is-sit huwa vitali għall-protezzjoni ta' wħud mill-aħħar porzjonijiet ta' foresta kontinwa tal-Patagonja fi stat kważi mhux mittiefes u huwa l-ħabitat ta' għadd ta' speċijiet endemiċi u mhedda ta' flora u ta' fawna.[1]

Siġar tal-Alerce

[immodifika | immodifika s-sors]
Siġra tal-Alerce qrib il-Lag ta' Menéndez.

Il-park inħoloq fl-1937 u tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2017[1] biex jiġu protetti l-foresti tas-siġar tal-Alerce, magħrufa bħala lahuán mill-poplu Mapuche, u eżempji oħra ta' flora tal-Andes tal-Patagonja. Il-park nazzjonali għandu l-ikbar foresta tas-siġar tal-Alerce fl-Arġentina. Is-siġar tal-Alerce spiss jiġu mqabbla bħala dehra mas-siġar tas-sekwojja tal-Istati Uniti, u jikbru sa daqs kbir ħafna. Din is-siġra huwa waħda mill-iktar speċijiet li jdumu ħajjin fid-dinja; uħud fiċ-Ċilì għandhom saħansitra 3,600 sena. Is-siġar tal-Alerce jikbru bil-mod ħafna u jagħmlu parti mill-familja tal-Cupressaceae (ċipressi). Is-siġar tal-Alerce huma ristretti għal medda żgħira fiċ-Ċilì u fl-Arġentina u l-ispeċi hija fil-periklu ta' estinzjoni minħabba li jinqatgħu għall-injam.

L-iżjed foresta magħrufa tas-siġar tal-Alerce fil-park, aċċessibbli bid-dgħajsa u li spiss iżuruha t-turisti, tinsab qrib il-moll tad-dgħajjes imsejjaħ Puerto Sagrario fin-naħa tat-Tramuntana tal-Lag ta' Menéndez.[2] L-ikbar siġra tal-Alerce magħrufa fl-Arġentina tinsab hemmhekk. Is-siġra hija għolja 57 metru (187 pied), b'dijametru ta' 2.2 metri (7.2 piedi), u għandha 2,600 sena. Hemm diversi mawriet regolari organizzati biex wieħed ikun jista' jżur il-foresta. Huwa maħsub li jeżistu siġar tal-Alerce itwal u ikbar fin-naħa tal-Lbiċ tal-Lag ta' Menéndez, iżda l-aċċess għal dik iż-żona hija ristretta.[3]

Il-foresti verġni tas-siġar tal-Alerce fil-park ikopru erja ta' 7,407 ettari (18,300 akru) fiż-żewġ ilsna tal-Lag ta' Menéndez u fin-naħa ta' fuq tal-Ġibjun ta' Amutui Quimey, kif ukoll tul in-nixxigħat li jnixxu fil-lag.[4]

Il-Lag ta' Menéndez u l-Glaċier ta' Torrecillas.

Il-Park Nazzjonali ta' Los Alerces jikkonsisti f'żewġ partijiet: il-park nazzjonali ddikjarat formalment ta' 187,379 ettaru (723.47 mil kwadru) u r-Riżerva Nazzjonali ta' Los Alerces biswitu ta' 71,443 ettaru (275.84 mil kwadru). Kważi l-iżvilupp kollu fil-park jinsab fir-riżerva nazzjonali. Żona ta' lqugħ wiesgħa 10 kilometri (6.2 mili) ġiet stabbilita madwar it-tliet naħat tal-park li ma jmissux mal-fruntiera maċ-Ċilì.[1]

Il-Park Nazzjonali ta' Los Alerces għandu għamla kemxejn rettangolari, u huwa estiż madwar 65 kilometru (40 mil) mit-Tramuntana għan-Nofsinhar tul il-fruntiera maċ-Ċilì u 45 kilometru (28 mil) mil-Lvant għall-Punent. Il-Park Nazzjonali kollu ta' Los Alerces jinsab fil-baċir tat-tbattil tax-xmara Futaleufú, għalkemm ix-xmara għandha diversi ismijiet differenti tul il-perkors tagħha fl-Arġentina. Katina ta' lagi sseparati minn perkorsi qosra ta' xmara turbolenti jikkaratterizzaw il-park. Il-Lag ta' Rivadavia huwa l-bidu tal-katina. Il-fluss 'il barra mil-Lag ta' Rivadavia jissejjaħ ix-xmara Rivadavia li tnixxi f'lag ferm iżgħar imsejjaħ il-Lag l-Aħdar. L-iżbokk mil-Lag l-Aħdar jissejjaħ ix-xmara Arrayanes, li wara li tirċievi l-fluss 'il barra mil-Lag ta' Menéndez tkompli lejn il-Lag ta' Futalaufquen. Taħt il-Lag ta' Futalaufquen hemm il-Lag ta' Kruger u x-xmara Frey li tnixxi fil-Ġibjun ta' Amutui Quimey li huwa lag artifiċjali. Ix-xmara magħrufa bħala Futaleufú tfeġġ taħt il-Ġibjun ta' Amutui Quimey u ssir il-konfini tan-Nofsinhar tal-park nazzjonali. Sparpaljati madwar il-muntanji u l-widien tal-park hemm għadd ta' lagi iżgħar u nixxigħat.

L-ogħla punt fil-Park Nazzjonali ta' Los Alerces huwa Cordon de las Pirámides, b'elevazzjoni ta' 2,440 metru (8,010 piedi).[5] L-iżjed punt baxx fil-park huwa madwar 330 metru (1,080 pied) fejn ix-xmara Futaleufú taqsam lejn iċ-Ċilì. Il-kopertura tas-siġar tinsab f'għoli ta' 1,400 metru (4,600 pied). Iktar fl-għoli hemm veġetazzjoni sparsa, blat għeri u meded tal-borra permanenti u semipermanenti. Il-Glaċier ta' Torrecillas jinsab bejn żewġ ilsna tal-Lag ta' Menėnendez.

Il-Lag ta' Futalaufquen.

L-elevazzjonijiet iktar baxxi fil-Park Nazzjonali ta' Los Alerces huma kklassifikati bħala klimi oċeaniċi, ikklassifikati bħala Cfb, jew klimi kontinentali umdużi, ikklassifikati bħala Dfb, fis-sistema tal-klassifikazzjoni klimatika ta' Köppen. Sħab mimli bl-indewwa mill-Oċean Paċifiku jaffettwa l-Andes fil-fruntiera bejn iċ-Ċilì u l-Arġentina u jipproduċi sa 3,000 millimetru (120 pulzier) ta' preċipitazzjoni fis-sena, l-iktar fil-forma ta' xita fl-elevazzjonijiet iktar baxxi u borra fl-elevazzjonijiet iktar għoljin. Fil-Lvant mill-qċaċet tal-Andes, minħabba l-effett tad-"dell" tax-xita, il-preċipitazzjoni tonqos f'salt għal madwar 800 millimetru (31 pulzier) fin-naħa tal-Lvant tal-park. It-temperaturi fil-park ivarjaw bejn kesħin u moderati. Temperaturi ta' friża jistgħu jseħħu fi kwalunkwe xahar tas-sena. Fil-kwartieri ġenerali tal-park f'waħda mill-iżjed elevazzjonijiet baxxi fil-park, l-iżjed xahar sħun huwa Jannar b'temperaturi massimi u minimi medji ta' kuljum ta' 24° Celsius (75° Fahrenheit) u 8° Celsius (46° Fahrenheit). It-temperaturi medji f'Lulju, l-iksaħ xahar, huma bejn 7° Celsius (45° Fahrenheit) u -1° Celsius (30° Fahrenheit). It-temperaturi jinżlu fl-elevazzjonijiet iktar għoljin u t-temperaturi medji jinżlu wkoll iktar ma tiżdied l-altitudni.[6]

Fil-Punent tal-park tinżel ħafna xita u hemm foresti pluvjali miti Valdivjani taħt l-elevazzjonijiet iktar għoljin tal-Andes. Il-biċċa l-kbira tal-kumplament tal-park hija foresta tal-Patagonja simili għal dik tal-Parks Nazzjonali ta' Lanín u ta' Nahuel Huapi, b'coihues u b'lenga. Is-siġar tal-Arrayán (Luma apiculata) jidhru tul ix-xmara Arrayanes.

Għalkemm effettivament ma hemmx staġun tan-nixfa, il-preċipatazzjoni tinżel l-iktar fix-xhur tax-xitwa tal-emisferu tan-Nofsinhar ta' Lulju u Awwissu.[6]

Żvilupp u turiżmu

[immodifika | immodifika s-sors]

Diga idroelettrika, li tipprovdi l-enerġija għall-industrija f'Puerto Madryn, ħolqot il-Ġibjun kbir ta' Amutui Quimey, li jitbattal fix-xmara Futaleufú li mbagħad tnixxi fiċ-Ċilì.

Fil-park hemm mogħdijiet u postijiet tajbin għall-mixi u għas-sajd, kif ukoll mawriet bid-dgħajjes fuq il-lagi. Il-Glaċier ta' Torrecillas huwa viżibbli mid-dgħajjes tal-mawriet turistiċi tal-Lag ta' Menéndez.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]
Veduta panoramika tal-Lag ta' Futalaufquen.

Il-Park Nazzjonali ta' Los Alerces ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2017.[1]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]

  1. 1 2 3 4 5 Centre, UNESCO World Heritage. "Los Alerces National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-22.
  2. "Los Alerces National Park | Patagonian Lands" (bl-Ingliż). 2013-02-28. Miġbur 2025-08-17.
  3. "Fitzroya cupressoides (alerce) description". www.conifers.org. Miġbur 2025-08-17.
  4. "Los Alerces National Park – Planeta.com" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-17.
  5. "Cordón de las Pirámides - Peakbagger.com". www.peakbagger.com. Miġbur 2025-08-17.
  6. 1 2 "Instituto Nacional de Tecnología Agropecuaria". Argentina.gob.ar (bl-Ispanjol). 2018-09-03. Miġbur 2025-08-17.