Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Serra da Capivara

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Vale Verde.

Il-Park Nazzjonali ta' Serra da Capivara (bil-Portugiż: Parque Nacional Serra da Capivara, IPA: [ˈpaʁki nɐsjoˈnaw ˈsɛʁɐ dɐ kɐpiˈvaɾɐ]) huwa park nazzjonali fir-reġjun tal-Grigal tal-Brażil. Fl-inħawi hemm bosta pitturi preistoriċi.

L-isem tal-katina muntanjuża li jiddefinixxi l-park, "Serra da Capivara", litteralment ifisser "Għoljiet ta' Capivara" bil-Portugiż. F'dawn l-inħawi hemm l-ikbar u l-eqdem konċentrazzjoni ta' siti preistoriċi fl-Amerki. Studji xjentifiċi jikkonfermaw li l-katina muntanjuża ta' Capivara kienet densament popolata fl-era pre-Cabralina.[1]

Il-park nazzjonali jinsab fil-istat tal-Grigal ta' Piauí, bejn il-latitudnijiet 8° 26' 50" u 8° 54' 23" fin-Nofsinhar u l-lonġitudnijiet 42° 19' 47" u 42° 45' 51" fil-Punent. Jinsab fi ħdan iż-żoni muniċipali ta' São Raimundo Nonato, São João do Piauí, Coronel José Dias u Canto do Buriti, u għandu erja ta' 1,291.4 kilometru kwadru (319,000 akru).

Il-Kuritur Ekoloġiku ta' Capivara-Confusões, li nħoloq fl-2006, jikkollega l-park mal-Park Nazzjonali ta' Serra das Confusões.

Pedra Furada.

Il-park inħoloq biex jiġu protetti l-artefatti u l-pitturi preistoriċi li nstabu fih. Sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[2] L-arkeologu ewlieni tiegħu kien Niède Guidon u l-iżjed sit arkeoloġiku magħruf tiegħu huwa Pedra Furada.

Studji xjentifiċi jikkonfermaw li l-katina muntanjuża ta' Capivara kienet densament popolata fl-era pre-Kolumbjana. Sit ftit iktar reċenti huwa Toca da Tira Peia, fejn instabu għodod tal-ġebel li jaf imorru lura għal kważi 22,000 sena ilu. Is-sit ġie datat permezz tal-luminexxenza stimolata b'mod ottiku.[3]

Siti arkeoloġiċi importanti oħra fl-inħawi huma Toca da Pena, Baxao da Esperanca u Sitio do Meio. Is-sit ta' Lapa do Boquete jinsab lejn in-Nofsinhar.[4]

Natura selvaġġa

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-park instab li l-kapuċċini bid-daqna (xadini) għandhom "l-ikbar sett ta' għodod magħruf fost ix-xadini kapuċċini selvaġġi". Fost l-għodod tal-ġebel tagħhom hemm dawk għall-foraġġ, għat-theddid u għall-wirjiet sesswali, filwaqt li jużaw stikek bħala għodod tal-mess. Barra minn hekk, meta jkunu mal-art, iħaffru b'idejhom wara li jkunu rattbu l-ħamrija bl-għodod tal-ġebel biex ifittxu l-għeruq u l-artropodi.[5]

Sítio do Meio

[immodifika | immodifika s-sors]

Sítio do Meio huwa t-tieni l-iżjed xelter tal-blat importanti fl-inħawi wara Pedra Furada. Ġie datat li jmur lura għall-Plejstoċen mill-artefatti li nstabu fih. Dawn l-artefatti tal-ġebel huma ppreservati aħjar minħabba l-assenza ta' kaskati. Mill-inqas 98 għodda tal-ġebel jidher li huma eqdem minn 12,500 sena qabel il-preżent. Jagħmlu parti mill-fażi Plejstoċenika Superjuri ta' Pedra Furada Nru 3.[6]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Serra da Capivara ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1991.[2]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet".[2]

  1. "Discoveries Challenge Beliefs on Humans' Arrival in the Americas (Published 2014)" (bl-Ingliż). 2014-03-28. Miġbur 2025-08-17.
  2. 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Serra da Capivara National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2023-09-22.
  3. Lahaye, Christelle; Hernandez, Marion; Boëda, Eric; Felice, Gisele D.; Guidon, Niède; Hoeltz, Sirlei; Lourdeau, Antoine; Pagli, Marina; Pessis, Anne-Marie; Rasse, Michel; Viana, Sibeli (2013). "Human occupation in South America by 20,000 BC: the Toca da Tira Peia site, Piauí, Brazil". Journal of Archaeological Science. 40 (6): 2840–2847. doi:10.1016/j.jas.2013.02.019. ISSN 0305-4403.
  4. Dziebel, German (2013-04-24). "The Toca da Tira Peia Site and the End of an Ice Age in American Archaeology" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-17.
  5. Falótico, Tiago; Siqueira, José O.; Ottoni, Eduardo B. (2017). "Digging up food: excavation stone tool use by wild capuchin monkeys". Scientific Reports. 7 (1). doi:10.1038/s41598-017-06541-0. ISSN 2045-2322. PMC 5524703. PMID 28740211.
  6. AIMOLA, Giulia et al. Final Pleistocene and Early Holocene at Sitio do Meio, Piauí, Brazil: Stratigraphy and comparison with Pedra Furada. Journal of Lithic Studies, [S.l.], v. 1, n. 2, p. 5-24, sep. 2014. ISSN 2055-0472.