Park Nazzjonali ta' Sangay
Il-Park Nazzjonali ta' Sangay (bl-Ispanjol: Parque Nacional Sangay) huwa park nazzjonali li jinsab fil-provinċji ta' Morona-Santiago, ta' Chimborazo, ta' Tungurahua, ta' Cañar u ta' Azuay tal-Ekwador. Il-park fih żewġ vulkani attivi (Tungurahua u Sangay) u l-vulkan estint El Altar (Kapak Urku). Il-Park Nazzjonali ta' Sangay jipproteġi firxa ta' elevazzjonijiet minn 900 metru sa 5,319 metru (2,953 pied sa 17,451 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar, u fih varjetà kbira ta' ħabitats, inkluż glaċieri, pajsaġġi vulkaniċi, foresti pluvjali tropikali, foresti tas-sħab, artijiet mistagħdra, bwar tal-ħaxix, u wieħed mill-ikbar reġjuni ta' páramo (xagħri f'elevazzjoni għolja) fl-Ekwador. Hemm 327 lag li jalimentaw sistema vasta ta' artijiet mistagħdra li tkopri erja ta' 31.5 kilometru kwadru (12.2-il mil kwadru).
Minħabba l-ekoloġija u l-ġeoloġija kumplessi tiegħu, kif ukoll il-bijodiversità straordinarja li għandu, il-park tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1] Fl-1992 żdied mal-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-periklu minħabba l-insib illegali, ir-ragħa estensiva, il-kostruzzjoni bl-addoċċ tat-toroq, u n-nuqqas ta' rispett tal-perimetru ta' protezzjoni tal-park. Il-park tneħħa minn din il-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-periklu fl-2005.
Il-kelma "sangay" ġejja mill-kelma "samkay" bil-lingwa Shuar li tfisser "vulkan".[2]
Minħabba l-varjetà ta' ħabitats li hemm fi ħdan il-park, il-ħamrija vulkanika għammiela, u l-pajsaġġ relattivament mhux mittiefes, il-Park Nazzjonali ta' Sangay jippreserva għadd eċċezzjonali ta' speċijiet nattivi. Fil-park ġew iddokumentati iktar minn 3,000 speċi ta' pjanti li jarmu l-fjuri, flimkien ma' iktar minn 430 għasfur, 107 mammiferi, 33 anfibju, 14-il speċi ta' rettili, u 17-il speċi ta' ħut.
Il-Park Nazzjonali ta' Sangay huwa refuġju importanti għal speċijiet rari tal-Andes, bħat-tapir tal-muntanji u l-ors tat-tbajja' mal-għajnejn. Il-park huwa fortizza vitali b'mod partikolari għat-tapir tal-muntanji li jinsab fil-periklu ta' estinzjoni.[3] Fil-foresti iktar 'l isfel jgħixu l-orsijiet tat-tbajja' mal-għajnejn, il-lontri ġganteski, il-ġagwari, l-ocelots, il-margay, it-tapiri Brażiljani, iċ-ċriev ta' denbhom abjad (Odocoileus virginianus ustus), iċ-ċriev ħomor żgħar u l-pudu tat-Tramuntana. Il-kawgari u l-qtates tal-pampas ġew irreġistrati fil-park ukoll.[4] Il-Caenolestes sangay, speċi ta' bugeddum-opossum, oriġinarjament ġie deskritt fl-2013 minn eżemplari miġbura mill-Park Nazzjonali ta' Sangay.[5]
Fil-park jgħixu iktar minn 400 speċi ta' għasafar, u b'hekk ġie rikonoxxut bħala Żona Importanti tal-Għasafar mill-BirdLife International.[6] Speċijiet notevoli ta' għasafar li huma residenti fil-park jinkludu l-kondor tal-Andes u l-cock-of-the-rock tal-Andes.
Fl-2016, speċi ġdida ta' żrinġ fil-ġeneru Pristimantis (Pristimantis tinguichaca) ġiet deskritta fil-foresta tas-sħab tal-park.[7]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Sangay ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1983.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' erba' kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Gallerija
[immodifika | immodifika s-sors]Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ "Sangay National Park - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-09.
- ^ "AmphibiaWeb - Osteocephalus sangay". amphibiaweb.org (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-09.
- ^ Downer, CC. (1996). "The mountain tapir, endangered 'flagship' species of the high Andes". Oryx. 30 (1): 45–58. doi:10.1017/s0030605300021384.
- ^ Nowell, K.; Jackson, P. (1996). Wild Cats: Status Survey and Conservation Action Plan (PDF). Gland, l-Iżvizzera: IUCN.
- ^ Ojala-Barbour, R.; Pinto, C.M.; Brito, J.; Albuja, L.; Lee, T.E.; Patterson, B.D. (2013). "A new species of shrew-opossum (Paucituberculata: Caenolestidae) with a phylogeny of extant caenolestids". Journal of Mammalogy. 94 (5): 967–982. doi:10.1644/13-MAMM-A-018.1.
- ^ "Parque Nacional Sangay (Ecuador) IBA | Summary | BirdLife International". datazone.birdlife.org. Miġbur 2025-01-09.
- ^ Brito M, J.; Ojala-Barbour, R.; Batallas R, D.; Almendáriz C, A. (2016). "A New Species of Pristimantis (Amphibia: Strabomantidae) from the Cloud Forest of Sangay National Park, Ecuador". Journal of Herpetology. 50 (2): 337–344. doi:10.1670/13-103. S2CID 55346001.