Park Nazzjonali ta' Phong Nha – Kẻ Bàng

Il-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng (bil-Vjetnamiż: Vườn quốc gia Phong Nha-Kẻ Bàng; pronunzja bil-Vjetnamiż: [vɯ̀ən kʷǒk.ʑā fɔ̄ŋ.ɲā kɛ̂.ɓàŋ]) huwa park nazzjonali u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fil-Komun ta' Bố Trạch u Minh Hóa tal-Provinċja ċentrali ta' Quảng Trị fir-reġjun tal-Kosta Ċentrali tat-Tramuntana tal-Vjetnam, madwar 500 km fin-Nofsinhar tal-belt kapitali Hanoi. Il-park jikkonfina mal-Park Nazzjonali ta' Hin Namno fil-Provinċja ta' Khammouane, il-Laos lejn il-Punent u jinsab 42 km lejn il-Lvant tal-Baħar tal-Lvant. Il-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng jinsab f'żona tal-ġebla tal-ġir ta' 2,000 km2 fit-territorju tal-Vjetnam u jmiss ma' żona oħra tal-ġebla tal-ġir ta' 2,000 km2 ta' Hin Namno fit-territorju tal-Laos. Iż-żona ewlenija ta' dan il-park nazzjonali tkopri 857.54 km2, filwaqt li ż-żona ta' lqugħ tal-park tkopri 1,954 km2.
Il-park inħoloq biex jipproteġi wieħed mill-ikbar żewġ reġjuni karstiċi tad-dinja bi 300 għar u grotta, u jipproteġi wkoll l-ekosistema tal-foresti tal-ġebla tal-ġir tar-reġjun tal-Katina Muntanjuża tal-Annamit fil-Kosta Ċentrali tat-Tramuntana tal-Vjetnam.
Il-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng huwa magħruf għas-sistemi ta' għerien u ta' grotti tiegħu u huwa magħmul minn 300 għar u grotta. Stħarriġ li sar fl-2009 wassal biex it-tul totali skopert tas-sistema ta' għerien jasal għal madwar 126 kilometru, iżda għad fadal ħafna żoni li ma ġewx esplorati. L-Għar ta' Sơn Đoòng, li ġie skopert fl-istħarriġ tal-2009 minn esploraturi Brittaniċi u Vjetnamiżi, jitqies bħala l-ikbar għar fid-dinja. Saħansitra qabel l-iskoperta tiegħu, il-Park Nazzjonali ta' Phong Nha ġa kellu diversi rekords tad-dinja fir-rigward tal-għerien, inkluż l-itwal xmara ta' taħt l-art kif ukoll l-ikbar għerien u passaġġi taħt l-art ikkombinati.
Isem il-park ġej minn isem l-Għar ta' Phong Nha, li fih bosta formazzjonijiet tal-blat, u minn isem il-Foresta ta' Kẻ Bàng. Il-promontorju li fuqu jinsab il-park huwa wieħed mill-ifjen u l-iżjed eżempji distintivi ta' formazzjonijiet karstiċi kumplessi fix-Xlokk tal-Asja. Dan il-park nazzjonali tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2003 minħabba l-valuri ġeoloġiċi tiegħu. F'April 2009, l-ikbar għar fid-dinja ġie skopert mill-ġdid minn tim ta' esploraturi Brittaniċi tal-għerien tal-Assoċjazzjoni Brittanika tal-Esplorazzjoni tal-Għerien bl-għajnuna ta' bidwi lokali jismu Ho Khanh.
Storja ta' esplorazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
Kitbiet Champa mnaqqxin fuq steli u artali Buddisti fl-għar li jmorru lura għas-seklu 9 juru li n-nies kienu ilhom jgħixu fl-għar ferm qabel ma ż-żona ġiet annessa mill-Vjetnam fin-Nam tiến jew l-espanjoni lejn in-Nofsinhar. L-għar issemma għall-ewwel darba fil-letteratura fl-1550, u tfaċċa fix-xogħlijiet ta' Dương Văn An. Dan l-għar deher f'disa' urni fiċ-Ċittadella tad-dinastija Nguyễn f'Huế. Fl-1824, l-għar ingħata t-titlu ta' "Diệu ứng chi thần" (妙應之神) mir-Re Minh Mạng. Ir-rejiet Nguyen tawh ukoll it-titlu ta' "Thần Hiển Linh" (神顯靈).
Fl-aħħar tas-seklu 19, Léopold Michel Cadière, patri Kattoliku Ruman Franċiż wettaq spedizzjoni biex jesplora l-Għar ta' Phong Nha, fejn skopra l-kitbiet Champa mnaqqxa. Huwa pproklama l-Għar ta' Phong Nha bħala "l-għar numru wieħed tal-Indoċina". F'Lulju 1924, spedizzjonist Ingliż (kunjomu Barton) stqarr li l-Għar ta' Phong Nha ma għandu xejn inqas mill-għerien famużi ta' Padirac (Franza) u Cuevas del Drach (Spanja). Fl-1935, abitant lokali b'kumbinazzjoni skopra għar sabiħ xi kilometru mill-bokka tal-Għar ta' Phong Nha, f'elevazzjoni ta' 200 metru (660 pied). Dan ġie msejjaħ bħala l-Għar ta' Tien Son (litteralment l-Għar tal-Ħrejjef), jew l-Għar Niexef minħabba li l-pajsaġġ intern tiegħu huwa simili għal dak tal-ħrejjef u ma fih l-ebda xmara taħt l-art.
Fl-1937, l-Uffiċċju tat-Turiżmu tar-Resident Superjuri Franċiż (f'Huế) ħareġ fuljett biex jintroduċi t-turiżmu f'Quảng Bình u l-Għar ta' Phong Nha ġie inkluż fih. Dan is-sit turistiku ġie kklassifikat fit-tieni post fl-Indoċina Franċiża. Qabel l-1990, twettqu diversi esplorazzjonijiet minn gruppi Vjetnamiżi u barranin, iżda xorta waħda baqa' xorta ta' misteru fl-inħawi. Mill-1990 'il quddiem, kien hemm żvolta fl-attivitajiet ta' skoperta, mill-esplorazzjoni għar-riċerka, u b'hekk tħejjew id-dokumenti kollha meħtieġa biex is-sit jiġi nnominat bħala Sit ta' Wirt Dinji Naturali tal-UNESCO.
Fl-1990, għall-ewwel darba, l-Università ta' Hanoi aċċettat il-proposta ta' kooperazzjoni tal-Assoċjazzjoni Brittanika tar-Riċerka tal-Għerien. Flimkien ġibdu ħabel wieħed fl-esplorazzjoni u fir-riċerka tal-għerien u tal-grotti fl-inħawi b'mod komprensiv. L-ewwel esplorazzjoni saret fl-1990 minn grupp tal-Assoċjazzjoni Brittanika tar-Riċerka tal-Għerien u tal-Fakultà tal-Ġeoloġija u tal-Ġeografija tal-Università ta' Hanoi, immexxi minn Howard Limbert. Dan il-grupp temm ir-riċerka ta' parti kbira tal-Għar ta' Vom. Fl-1992, twettqet it-tieni esplorazzjoni minn grupp ta' 12-il xjenzat Brittaniku u sitt professuri mill-Università ta' Hanoi. Din id-darba, dan il-grupp lesta l-esplorazzjoni ta' 7,729 metru tal-Għar ta' Phong Nha u ta' 13,690 metru tal-Għar ta' Vom u tal-għerien u tal-grotti ta' biswit. Fl-1994, saret it-tielet esplorazzjoni minn grupp ta' 11-il xjenzat Brittaniku u ħames professuri mill-Università ta' Hanoi. Fl-1999, xjenzati miċ-Ċentru Tropikali Vjetnamiż-Russu wettaq ukoll stħarriġiet żooloġiċi u botaniċi fl-inħawi ta' Kẻ Bàng. Abbażi tar-riżultati ta' dawn it-tliet esplorazzjonijiet, iktar informazzjoni dwar l-għerien u l-grotti saret disponibbli għall-Vjetnamiżi u għall-gvern lokali favur il-protezzjoni, l-ippjanar u l-iżvilupp turistiku ta' dan il-park.
Fl-2005, xjenzati mill-Assoċjazzjoni Brittanika tar-Riċerka tal-Għerien skoprew għar ġdid u semmewh l-Għar tal-Ġenna (bil-Vjetnamiż: động Thiên Đường). Dan l-għar ġdid ġie deskritt mix-xjenzati Brittaniċi bħala "l-ikbar u l-isbaħ għar fl-inħawi ta' Phong Nha-Kẻ Bàng".
Fl-1 ta' Ġunju 2006, il-Ministeru għall-Kultura u l-Informazzjoni tal-Vjetnam ħareġ ġabra ta' bolol postali b'diversi pajsaġġi ta' Phong Nha-Kẻ Bàng.
F'April 2009, grupp ta' esploraturi tal-għerien mill-Assoċjazzjoni Brittanika tal-Esplorazzjoni tal-Għerien wettaq stħarriġ f'dan il-park u fl-inħawi ta' biswit. L-ikbar kompartiment tal-Għar ta' Sơn Đoòng huwa twil iktar minn 5 kilometri, għoli 200 metru u wiesa' 150 metru. B'dawn id-dimensjonijiet, l-Għar ta' Sơn Đoòng jieħu post l-Għar taċ-Ċriev fil-Malażja bħala l-ikbar għar fid-dinja. Fl-istess żmien dan il-grupp sab għerien u grotti ġodda fil-park u fl-inħawi ta' biswit. F'dak l-istħarriġ, l-esploraturi Brittaniċi tal-għerien skoprew 20 għar ġdid b'tul totali ta' 56 kilometru, inkluż l-ikbar għar fid-dinja, l-Għar ta' Sơn Đoòng.
Pożizzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Park Nazzjonali ta' Phong Nha–Kẻ Bàng jinsab fit-territorji tal-komuni (bil-Vjetnamiż: xã) ta' Tan Trach, Thuong Trach, Phuc Trach, Xuan Trach u Son Trach tad-Distrett ta' Bố Trạch u parti żgħira mid-Distrett ta' Minh Hóa fiċ-ċentru tal-Provinċja ta' Quảng Bình, madwar 40 kilometru fil-Majjistral tal-belt kapitali provinċjali ta' Đồng Hới. Il-park huwa kkonfinat miż-żona karstika ta' Hin Namno tal-Provinċja ta' Khammouane tal-Laos fil-Punent. Id-distanzi bit-triq huma ta' madwar 500 kilometru fin-Nofinhar tal-belt kapitali Hanoi u ta' 260 kilometru fit-Tramuntana tal-belt portwali ta' Đà Nẵng. Il-koordinati ġeografiċi tas-sit huma 17°32′14″N 106°9′5″E.
Il-park jinsab madwar 30 kilometru fil-Punent tal-Baħar Ċiniż tan-Nofsinhar u tar-Rotta Nazzjonali Nru 1, qrib l-Awtostrada ta' Hồ Chí Minh u 28 kilometru fil-Punent tal-Linja Ferrovjarja ta' Hanoi–Saigon, u huwa aċċessibbli bit-triq jew bil-passaġġi fuq l-ilma permezz ta' estwarju fil-Baħar Ċiniż tan-Nofsinhar. Hemm ajruport żgħir qrib il-park aċċessibbli bil-ħelikopter jew bl-inġenji tal-ajru żgħar (il-Bażi tal-Ajru ta' Khe Gat), bażi tal-ajru użata mill-Forza tal-Ajru tat-Tramuntana tal-Vjetnam matul il-Gwerra tal-Vjetnam, b'mod partikolari fil-Battalja ta' Đồng Hới.
Konfigurazzjoni tal-park
[immodifika | immodifika s-sors]
Qabel ma saret park nazzjonali, din iż-żona kienet riżerva naturali. Ir-Riżerva Naturali ta' Phong Nha b'erja ta' 50 km2 ġiet iddikjarata uffiċjalment mill-gvern Vjetnamiż fid-9 ta' Awwissu 1986 u ġiet estiża għal 411.32 km2 sal-1991. Fit-12 ta' Diċembru 2001, il-Prim Ministru Vjetnamiż bidel ir-riżerva naturali f'park nazzjonali permezz tad-Deċiżjoni 189/2001 QĐ-TTG. L-iskop ta' din iż-żona protetta kien li jiġu protetti r-riżorsi forestali u l-bijodiversità fil-konfini ta' dan il-park nazzjonali, u li jiġu ppreservati l-valuri xjentifiċi tal-fawna u tal-flora fir-reġjun ta' Bắc Trung Bộ, speċjalment l-ispeċijiet rari nattivi ta' dan ir-reġjun. Il-park ikopri erja totali ta' 857.54 km2 maqsuma fi tliet żoni: "żona protetta b'mod strett" (648.94 km2), "żona ta' rkupru ekoloġiku" (174.49 km2) u "żona ta' servizz amministrattiv" (34.11 km2).
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]
Bħall-Kosta Ċentrali tat-Tramuntana inġenerali, u l-Provinċja ta' Quảng Bình b'mod partikolari, il-klima fil-Park Nazzjonali ta' Phong Nha–Kẻ Bàng hija tropikali, sħuna u umduża. It-temperatura medja annwali hija ta' 23–25 °C (73–77 °F), b'temperatura massima ta' 41 °C (106 °F) fis-sajf u b'temperatura minima ta' 6 °C (43 °F) fix-xitwa. L-iktar xhur sħan f'dan ir-reġjun jinzertaw minn Ġunju sa Awwissu, b'temperatura medja ta' 28 °C (82 °F), u l-iktar xhur kesħin jinzertaw minn Diċembru sa Frar, b'temperatura medja ta' 18 °C (64 °F). Il-preċipitazzjoni annwali tkun ta' madwar 2,000 sa 2,500 millimetru (79 sa 98 pulzier). 88 % tax-xita tinżel matul l-istaġun tal-monsuni, minn Lulju sa Diċembru, madankollu, ikun hemm iktar minn 160 jum bix-xita fis-sena, u xorta waħda tinżel xi xita matul l-istaġun tan-nixfa. L-umdità relattiva annwali medja tkun ta' 84 %.
Ġeoloġija
[immodifika | immodifika s-sors]Storja ta' formazzjoni
[immodifika | immodifika s-sors]
Iż-żona karstika ta' Phong Nha–Kẻ Bàng evolviet mill-Paleożojku (xi 400 miljun sena ilu), u b'hekk hija l-eqdem żona karstika fl-Asja. Ġiet soġġetta għal bidliet tettoniċi enormi, u tinkludi ġabra kbira ta' tipi ta' blat li huma interkonnessi f'saffi kumplessi. Saħansitra seba' livelli ewlenin differenti ta' żvilupp karstiku seħħew minħabba l-olzar tettoniku u l-bidliet fil-livelli tal-baħar, għaldaqstant il-pajsaġġ karstiku tal-park nazzjonali huwa kumpless ferm, b'ġeodiversità kbira u b'bosta karatteristiċi ġeomorfiċi ta' importanza konsiderevoli. Hemm ukoll evidenza qawwija li t-tilwim sulfuriku u l-azzjoni idrotermali kellhom rwol importanti fit-tiswir tal-pajsaġġ u tal-għerien fuq skala wiesgħa, għalkemm dan għadu ma ġiex ivvalutat sew. L-inħawi tal-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng illum il-ġurnata huma r-riżultat ta' ħames stadji ta' żvilupp u ċaqliq tal-qoxra tad-Dinja:
- l-Istadju Ordoviċjan Aħħari – Silurjan Bikri (madwar 450 miljun sena ilu);
- l-Istadju Devonjan Nofsani-Aħħari (madwar 340 miljun sena ilu);
- l-Istadju Karboniferu-Permjan (madwar 300 miljun sena ilu);
- l-Istadju Oroġeniku Mesożojku;
- l-Istadju Ċenożojku.
Importanza ġeoloġika
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng huwa wieħed mill-ikbar żewġ reġjuni tal-ġebla tal-ġir fid-dinja. Meta mqabbel ma' 41 Sit ta' Wirt Dinji oħra b'żoni karstiċi, dan il-park nazzjonali għandu kundizzjonijiet ġeomorfiċi, ġeoloġiċi u bijotiċi uniċi. Iż-żoni karstiċi ta' Phong Nha jmorru lura għall-Paleożojku, madwar 400 miljun sena ilu. B'hekk iż-żona karstika ta' Phong Nha hija l-eqdem fl-Asja. Li kieku Hin Namno, li jmiss ma' Phong Nha fil-Punent (fit-territorju tal-Laos), kellu jitqies flimkien mal-park nazzjonali f'riżerva kontinwa, dawn kieku jirrappreżentaw l-ikbar foresta karstika eżistenti fix-Xlokk tal-Asja (317,754 ettaru).
Inġenerali, hemm żewġ gruppi ta' formazzjonijiet tal-art fl-inħawi ta' Phong Nha-Kẻ Bàng: il-formazzjonijiet tal-art karstiċi u dawk mhux karstiċi. Il-formazzjonijiet tal-art mhux karstiċi jinkludu tliet tipi: il-muntanji tan-nofs u baxxi b'għamla ta' koppla li żviluppaw fi ktajjen magmatiċi intrusivi; il-ktajjen muntanjużi strutturali tan-nofs żviluppati fi blat terriġenu tal-Kretaċju; u l-ktajjen muntanjużi strutturali baxxi żviluppati fi blat terriġenu ieħor. Il-formazzjonijiet tal-art karstiċi f'dawn l-inħawi huma karstiċi tropikali tipiċi maqsuma f'żewġ gruppi ta' formazzjonijiet: il-formazzjonijiet karstiċi fil-wiċċ li jinkludu ż-żoni karstiċi b'għamla ta' koni u ta' torrijiet, flimkien mal-widien u pajsaġġi oħra; u l-formazzjonijiet karstiċi ta' taħt l-art li jikkonsistu minn għerien.
Meta mqabbla ma' tliet Siti ta' Wirt Dinji Naturali tal-UNESCO oħra li huma parks nazzjonali fix-Xlokk tal-Asja, fosthom il-Park Nazzjonali ta' Gunung Mulu fil-Malażja, il-Park Nazzjonali tax-Xmara ta' Taħt l-Art ta' Puerto Princesa f'Palawan, il-Filippini, u l-Park Nazzjonali ta' Lorentz fl-Indoneżja, flimkien ma' reġjuni karstiċi oħra fit-Tajlandja, fiċ-Ċina, fil-Papua New Guinea, iż-żona karstika f'Phong Nha-Kẻ Bàng hija eqdem, għandha struttura ġeoloġika iktar ikkumplikata u fiha diversità ta' xmajjar ta' taħt l-art kumplessi.
Għoljiet u qċaċet
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng fih żewġ tużżani qċaċet muntanjużi għoljin iktar minn 1,000 metru. Xi qċaċet notevoli huma l-Quċċata ta' Co Rilata b'għoli ta' 1,128 metru u l-Quċċata ta' Co Preu b'għoli ta' 1,213-il metru. L-għoljiet fiż-żona karstika tal-park jogħlew tipikament sa għoli ta' iktar minn 800 metru u jikkostitwixxu katina muntanjuża kontinwa tul il-fruntiera bejn il-Laos u l-Vjetnam, bi qċaċet notevoli ta' iktar minn 1,000 metru: Phu Tạo (1.174 metru), Co Unet (1,150 metru), Phu Canh (1,095 metru), Phu Mun (1,078 metru), Phu Tu En (1,078 metru), Phu On Chinh (1,068 metru), Phu Dung (1,064 metru), Phu Tu Ôc (1,053 metru), Phu Long (1,015-il metru), Phu Ôc (1,015-il metru), Phu Dong (1,002 metri). Qalb dawn il-qċaċet hemm qċaċet oħra għoljin 800–1,000 metru, fosthom Phu Sinh (965 metru), Phu Co Tri (949 metru), Phu On Boi (933 metru), Phu Tu (956 metru), Phu Toan (905 metru), Phu Phong (902 metru) u núi Ma Ma (835 metru).
Iż-żona topografika mhux karstika tirrappreżenta perċentwal żgħir, mifruxa l-iktar fin-naħa ta' barra tal-ġebla tal-ġir fit-Tramuntana, fil-Grigal u fix-Xlokk ta' dan il-park nazzjonali. L-għoli ta' dawn il-qċaċet ivarja bejn 500 sa 1,000 metru, b'qasmiet fondi u b'pendil għoli ta' bejn 25 sa 30°. Hemm xi widien dojoq tul in-nixxigħat bħall-Widien ta' Am, ta' Cha Lo u ta' Chua Ngút, u wied tul ix-xmara Rao Thuong fl-iktar punt fin-Nofsinhar. F'allinjament mit-Tramuntana għan-Nofsinhar, hemm qċaċet notevoli: Phu Toc Vu (1,000 metru), Mã Tác (1,068 metru), Cổ Khu (886 metru), U Bò (1,009 metru), Co Rilata (1,128 metru); l-ogħla quċċata fiż-żona mhux karstika u l-ogħla quċċata tal-park nazzjonali, Co Preu (1,213-il metru).
Xmajjar u nixxigħat
[immodifika | immodifika s-sors]Apparti s-sistemi ta' grotti u ta' għerien, l-Għar ta' Phong Nha fih l-itwal xmara ta' taħt l-art. Ix-xmajjar Sơn u Chay huma x-xmajjar prinċipali ta' dan il-park nazzjonali. Il-biċċa l-kbira tal-għerien issawru minn dawn ix-xmajjar. Ix-xmara Son tnixxi fil-bokka tal-Għar ta' Phong Nha u tibqa' taħt l-art, fejn tissejjaħ bħala x-xmara Nam Aki. Titfaċċa xi 20 kilometru lejn in-Nofsinhar qrib il-muntanja ta' Pu-Pha-Dam. Hemm nixxigħat, fawwariet u kaskati spettakolari fil-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng, fosthom il-Kaskata ta' Gió, il-Kaskata tas-Sinjura Loan, in-Nixxiegħa ta' Mọc li tfeġġ minn katina muntanjuża tal-ġebla tal-ġir, u n-Nixxiegħa ta' Trạ Ang.
Għerien u grotti
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng jospita l-ikbar għar fid-dinja u fih 300 għar u grotta differenti. Qabel ma nstab l-Għar ta' Sơn Đoòng, l-Għar ta' Phong Nha kien meqjus mill-Assoċjazzjoni Brittanika tal-Esplorazzjoni tal-Għerien bħala l-aqwa għar fid-dinja minħabba erba' rekords: l-itwal xmara ta' taħt l-art, l-ogħla u l-itwal għar, l-iktar bajjiet tar-ramel fin wesgħin u sbieħ fi ħdan l-għar, u l-iżjed stalagmiti u stalaktiti spettakolari. Fl-istħarriġ li twettaq f'April 2009, l-esploraturi Brittaniċi tal-għerien skoprew 20 għar ġdid b'tul totali ta' 56 kilometru, inkluż l-itwal għar fid-dinja. l-Għar ta' Son Doong. Skont il-valutazzjoni tal-UNESCO, "il-formazzjoni karstika tal-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng evolviet mill-Paleożojku (xi 400 miljun sena ilu) u b'hekk hija l-eqdem żona karstika fl-Asja" u "Phong Nha fih ammont impressjonanti ta' evidenza tal-istorja tad-dinja; huwa sit ta' importanza tassew kbira biex inżidu l-fehim tagħna dwar l-istorja ġeoloġika, ġeomorfika u ġeokronoloġika tar-reġjun".
L-isem Phong Nha-Kẻ Bàng huwa magħmul minn Phong Nha (għar) u Kẻ Bàng (foresta tal-ġebla tal-ġir). Jiġi spjegat b'mod wiesa' li Phong Nha oriġina minn Hán Nôm 风 牙, li tfisser sinna tar-riħ (riħ li jonfoħ mill-għar, mill-istalaktiti u mill-istalagmiti fi ħdan l-għar li qishom snien).
Possibbiltà oħra hi li Phong Nha, ma għandha l-ebda rabta mat-tifsiriet ta' riħ u ta' snien, u kienet l-isem ta' xi villaġġ preċedenti fil-qrib.
Ipoteżi oħra tissuġġerixxi li Phong Nha oriġina mill-immaġinazzjoni li l-għoljiet f'dan ir-reġjun jidhru qishom iċ-Ċiniżi meta joqogħdu f'ringiela quddiem ir-re fil-qrati rjali, għaldaqstant ingħata l-isem ta' Phong Nha. Phong (峰) tfisser "quċċata" u nha (衙) tfisser "Ċiniża".
Ismijiet oħra tal-Għar ta' Phong Nha jinkludu l-Għar ta' Thầy Tiên, l-Għolja ta' Thầy, u l-Għar ta' Troóc.
Għar ta' Phong Nha
[immodifika | immodifika s-sors]Dan l-għar, li minnu x'aktarx oriġina l-isem tas-sistema kollha u tal-park, huwa famuż għall-formazzjonijiet tal-blat tiegħu li ngħataw ismijiet bħal "l-Iljun", "l-Għerien tal-Ħrejjef", "il-Qorti Rjali", u "l-Buddha". Dan l-għar huwa twil 7,729 metru, fih 14-il grotta, u fih xmara ta' taħt l-art twila 13,969 metru. Ix-xjenzati stħarrġu 44.5 kilometru ta' grotti f'dan l-għar sa issa, iżda t-turisti jistgħu jżuru distanza ta' 1,500 metru biss.
L-Għar ta' Phong Nha, bħall-biċċa l-kbira tal-għerien f'dawn l-inħawi, issawwar b'mod kontinwu mix-xmara Chay. Iktar ma wieħed jidħol fil-fond tal-għar, iktar jidhru illużorji l-istalaktiti u l-istalagmiti huma u jleqqu meta d-dawl qawwi jinxteħet fuqhom. Ix-xmara Son tnixxi fil-bokka tal-għar u tibqa' tnixxi taħt l-art, fejn tissejjaħ bħala x-xmara Nam Aki; imbagħad din ix-xmara tfeġġ f'sit 20 kilometru lejn in-Nofsinhar qrib il-muntanja ta' Pu Pha Dam. L-għar prinċipali ta' Phong Nha jinkludi 14-il kompartiment, konnessi permezz ta' xmara ta' taħt l-art li tnixxi għal 1.5 kilometru. Hemm kurituri sekondarji li joforqu f'kull direzzjoni. L-Għar ta' Barra u wħud mill-Għerien ta' Ġewwa għandhom soqfa għoljin bejn 25 u 40 metru 'l fuq mil-livell tal-ilma. Mill-14-il kompartiment 'il quddiem jaf hemm kurituri oħra li jagħtu għal kompartiment kbar oħra, iżda din iż-żona hija iktar perikoluża għall-esploraturi minħabba l-erożjoni kontinwa tal-ġebla tal-ġir tal-għar. L-Għar Baxx jinsab 800 metru mill-bokka tal-għar, fejn hemm pajsaġġ spettakolari ta' ramel u blat. L-istalaktiti u l-istalagmiti joħorġu qishom siġar strambi u jqanqlu l-immaġinazzjoni tal-viżitaturi.
Għerien u grotti notevoli fis-sistema ta' għerien tal-Għar ta' Phong Nha jinkludu:
- il-Grotta Mdallma (Hang Tối): li tinsab iktar 'il fuq tul ix-xmara Son sal-fergħa tax-xmara Chay fuq ix-xellug. Din il-grotta hija twila 5,258 metru u għolja 83 metru. Id-daħla tal-grotta hija għolja u wiesgħa b'ħafna foresti madwar il-bokka;
- il-Grotta E (Hang E): li hija grotta twila 736 metru u hija aċċessibbli mill-mogħdija ta' Hồ Chí Minh;
- il-Grotta ta' Cha An (Hang Chà An): li hija grotta twila 667 metru u wiesgħa 15-il metru;
- il-Grotta ta' Thung (Hang Thung): li fiha xmara ta' taħt l-art twila 3,351 metru, b'għoli f'xi partijiet li jaqbeż il-133 metru; din ix-xmara tirċievi r-riżorsi tal-ilma minn Rao Thuong;
- il-Grotta ta' En (Hang Én): li hija twila 1,645 metru u għolja 78.6 metru;
- il-Grotta ta' Khe Tien (Hang Khe Tiên): li tinsab fin-Nofsinhar ta' Phong Nha u hija twila 520 metru;
- il-Grotta ta' Khe Ry (Hang Khe Ry): li tinsab fin-Nofsinhar ta' Phong Nha u hija l-post fejn tnixxi n-nixxiegħa twila ta' Khe Ry (13,817-il kilometru jew 8,585 mil);
- il-Grotta ta' Khe Thi (Hang Khe Thi): li fiha nixxiegħa li toriġina mill-muntanji u li tnixxi taħt l-art tal-grotta.
Sistemi ta' Grotti ta' Vòm
[immodifika | immodifika s-sors]- Il-Grotta ta' Vom (Hang Vòm): li hija grotta twila 15.05-il kilometru u għolja 145 metru b'diversi xmajjar ta' taħt l-art u vaski; din il-grotta fiha diversi stalaktiti u stalagmiti spettakolari. Matul l-esplorazzjoni reċenti tal-Assoċjazzjoni Brittanika tar-Riċerka tal-Għerien, ix-xjenzati sabu abiss fil-Grotta ta' Vom u tawh l-isem tal-Ħofra ta' Tang, b'fond ta' iktar minn 255 metru; din il-ħofra hija l-iktar waħda fonda fil-Vjetnam;
- il-Grotta ta' Dai Cao (Hang Đai Cao): li hija konnessjoni tal-Grotta ta' Vom, hija twila 1,645 metru u għolja 28 metru;
- il-Grotta ta' Duot (Hang Duột): li hija konnessjoni tal-Grotta ta' Dai Cao, hija twila 3,927 kilometru u għolja 45 metru; ġo fiha hemm irqajja' bir-ramel fin;
- il-Grotta ta' Ca (Hang Cá): li hija grotta twila 1,500 metru u għolja 62 metru;
- il-Grotta ta' Ho (Hang Hổ): li hija konnessjoni tal-Grotta ta' Ca, hija twila 1,616-il metru u għolja 46 metru;
- il-Grotta ta' Hang Over (Hang Over): li hija grotta twila 3,244 metru, għolja 103 metri u wiesgħa bejn 30 u 50 metru;
- il-Grotta tal-Pigmej (Hang Pygmy): li hija grotta twila 845 metru fiha diversi nixxigħat ġejjin mill-għoljiet;
- il-Grotta ta' Ruc Caroong (Hang Rục Caroòng): dawn huwa l-ħabitat tal-grupp etniku Arem li jgħix fl-għerien u fil-grotti u li jikkaċċja u jaħsad il-prodotti naturali.
Għar ta' Tiên Sơn
[immodifika | immodifika s-sors]L-Għar ta' Tiên Sơn jinsab fil-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng. L-għar ġie skopert minn abitant lokali b'kumbinazzjoni fl-1935. Jinsab fil-Komun ta' Sơn Trach f'Bố Trạch. Il-bokka ta' Tiên Sơn tinsab kilometru mill-Għar ta' Phong, f'altitudni ta' 200 metru. Dan l-għar huwa twil 980 metru (3,220 pied). Fil-bokka hemm ħofra fonda 10 metri (33 pied) li tinsab xi 400 metru (1,300 pied) 'il bogħod, imbagħad hemm għar twil 500 metru (1,600 pied), li hu perikoluż għat-turisti u li hu miftuħ għall-ispedizzjonisti professjonali biss. Bħall-Għar ta' Phong Nha, dan l-għar fih stalaktiti u stalagmiti spettakolari b'għamliet qishom tal-ħrejjef. Il-kolonni u l-ħitan tal-istalagmiti u tal-istalaktiti hawnhekk joħolqu ħsejjes qishom ta' gong u ta' tanbur jekk wieħed iħabbat fuqhom b'idejh. Skont ix-xjenzati Brittaniċi tal-għerien, l-Għar ta' Tiên Sơn inħoloq għexieren ta' miljuni ta' snin ilu meta l-kurrent tal-ilma ħaffer din l-għolja tal-ġebla tal-ġir f'Kẻ Bàng. Wara sensiela ta' formazzjonijiet tal-art u ċaqliq tal-blat, din il-massa tbaxxiet, imblukkat il-kurrent u ħolqot l-Għar ta' Tiên Sơn, filwaqt li x-xmara ta' taħt l-art iddirezzjonat il-kurrent tagħha mill-ġdid lejn l-Għar ta' Phong Nha. Għalkemm l-Għerien ta' Phong Nha u ta' Tiên Sơn jinsabu ħdejn xulxin, ma hemm l-ebda grotta li tikkollegahom.
Għar ta' Thiên Đường
[immodifika | immodifika s-sors]L-Għar ta' Thiên Đường jew l-"Għar tal-Ġenna" huwa għar li nstab dan l-aħħar fl-inħawi. Qabel l-iskoperta tal-Għar ta' Sơn Đoòng, dan l-għar kien meqjus bħala l-ikbar u l-itwal għar f'Phong Nha-Kẻ Bàng. Uħud mill-iżjed stalagtiti u stalaktiti spettakolari fil-park jinsabu fl-Għar ta' Thiên Đường. L-għar ġie skopert minn raġel tal-post fl-2005. L-ewwel 5 kilometri ta' dan l-għar ġew esplorati minn esploraturi tal-Assoċjazzjoni Brittanika tar-Riċerka tal-Għerien fl-2005; fl-2010 imbagħad esploraw il-31 kilometru kollha tal-għar imħabbra mill-assoċjazzjoni.
B'tul ta' 31 kilometru, l-Għar ta' Thiên Đường huwa itwal mill-Għar ta' Phong Nha, li qabel kien jitqies bħala l-itwal għar f'dan il-park nazzjonali. L-għar jilħaq għoli sa 100 metru u wisgħa ta' 150 metru. Il-formazzjoni tal-ġebla tal-ġir hija wkoll iktar spettakolari minn dik tal-Għar ta' Phong. L-esploraturi Brittaniċi tal-għerien baqgħu impressjonati mis-sbuħija tal-formazzjoni tal-blat fi ħdan l-għar u semmewha "l-Għar tal-Ġenna" (Thiên Đường bil-Vjetnamiż). It-triq tal-aċċess u l-faċilitajiet turistiċi nbnew mill-Grupp ta' Truong Thinh, u l-għar infetaħ għat-turisti fit-3 ta' Settembru 2010 b'mogħdija ta' 1.1 kilometru biex wieħed ikun jista' jara l-formazzjonijiet.
Għar ta' Sơn Đoòng
[immodifika | immodifika s-sors]L-Għar ta' Sơn Đoòng (bil-Vjetnamiż: Hang Sơn Đoòng, li tfisser l-Għar tax-Xmara tal-Muntanji) huwa għar fil-park nazzjonali li ġie skopert dan l-aħħar. Instab minn raġel tal-post u ġie esplorat u mħabbar pubblikament mix-xjenzati Brittaniċi tal-għerien tal-Assoċjazzjoni Brittanika tar-Riċerka tal-Għerien. Dan l-għar jitqies bħala l-ikbar għar fid-dinja. L-ikbar kompartiment tal-Għar ta' Sơn Đoòng huwa twil iktar minn 5 kilometri, għoli 200 metru u wiesa' 150 metru. B'dawn id-dimensjonijiet daqstant kbar, l-Għar ta' Sơn Đoòng jieħu post l-Għar taċ-Ċriev tal-Malażja bħala l-ikbar għar fid-dinja. Il-fluss veloċi tax-xmara ta' taħt l-art ta' ġo l-għar naffret lill-esploraturi milli jfittxu iktar 'il ġewwa, u għall-ewwel setgħu jistmaw it-tul tal-għar b'torċ biss.
L-għar instab minn raġel jismu Hồ Khanh fl-1991. In-nies lokali li kienu jgħixu qrib il-ġungla kienu jibżgħu mill-għar minħabba l-ħoss ta' tisfira li kienet tagħmel ix-xmara ta' taħt l-art. Madankollu, fl-2009 l-għar ġie mħabbar pubblikament wara li grupp ta' xjenzati Brittaniċi mill-Assoċjazzjoni Brittanika tar-Riċerka tal-Għerien immexxi minn Howard u Deb Limbert wettaq stħarriġ f'Phong Nha-Kẻ Bàng mill-10 sal-14 ta' April 2009. Il-progress tagħhom twaqqaf meta ltaqgħu ma' ħajt kbir tal-kalċit. Skont Howard u Deb Limbert, dan l-għar huwa ħames darbiet ikbar mill-Għar ta' Phong Nha, li qabel kien meqjus bħala l-ikbar għar fil-Vjetnam.
Għar ta' Ruc Mon
[immodifika | immodifika s-sors]L-Għar ta' Ruc Mon, li ngħata isem il-poplu indiġenu li kien jgħix fid-daħla tiegħu sas-snin 80 tas-seklu 20, ġie skopert fl-2016 minn raġel tal-post. L-għar twil 17-il kilometru, u fih daħla fil-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng u daħla oħra fil-fruntiera mal-Laos. Dan l-għar għandu l-potenzjal li jkun it-tieni l-ikbar għar fid-dinja, wara l-Għar ta' Phong Nha. Fl-2017, l-ewwel turisti esploraw l-għar iggwidati mir-raġel li kien sabu. Dan l-għar huwa wieħed mill-iktar minn 300 għar fil-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Ke Bang, u x'aktarx li huwa l-inqas wieħed li ġie esplorat fost il-bosta għerien li huma miftuħin għat-turisti. L-unika kumpanija turistika li toffri żjarat għal dan l-għar jisimha Greenland Tours u ż-żjarat huma ggwidati mir-raġel li kien skopra l-għar.
Bijodiversità fil-park
[immodifika | immodifika s-sors]Flora
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-park jagħmel parti mill-ekoreġjun tal-Annamiti. Il-biċċa l-kbira tal-veġetazzjoni hija foresta tropikali densa bl-indewwa magħmula minn siġar li dejjem iħaddru fuq il-ġebla tal-ġir f'għoli ta' inqas minn 800 metru 'l fuq il-livell tal-baħar. 96.2 % ta' dan il-park nazzjonali huwa miksi bil-foresti, u 92.2 % minnhom huma foresti primarji intatti. 74.7 % (1,104.76 km2) tal-park huwa miksi b'foresti tropikali bl-indewwa magħmula minn siġar dejjem iħaddru f'elevazzjoni ta' inqas minn 800 metru; 8.5 % (126 km2) huma foresti tropikali magħmula minn siġar dejjem iħaddru fuq il-ġebla tal-ġir, f'elevazzjoni ogħla minn 800 metru; 8.3 % (122.2 km2) huma foresti tropikali magħmula minn siġar dejjem iħaddru fuq għoljiet bil-ħamrija f'elevazzjoni ta' inqas minn 800 metru; foresti tropikali magħmula minn siġar dejjem iħaddru fuq il-ġebla tal-ġir f'elevazzjoni ta' inqas minn 800 metru; 0.7 % (10.7 km2) huma foresti tropikali magħmula minn siġar dejjem iħaddru fuq il-ġebla tal-ġir f'elevazzjoni ogħla minn 800 metru; 1.1 % huma foresti tropikali impattati magħmula minn siġar dejjem iħaddru fuq il-ġebla tal-ġir; 2.8 % (42.12 km2) huma foresti tropikali impattati magħmula minn siġar dejjem iħaddru fuq għoljiet tal-ħamrija; 1.3 % huma bwar tal-ħaxix u tal-arbuxxelli fuq il-ġebla tal-ġir; 2 % (29.5 km2) huma bwar tal-ħaxix u tal-arbuxxelli fuq għoljiet tal-ħamrija; foresti f'artijiet mistagħdra permanenti: 1.8 km2; foresti tar-rattan u tal-bambù: 1.5 km2; u pjanti agrikoli: 5.21 km2 jew 0.3 %. Skont ir-riżultati tal-istħarriġiet inizjali, il-foresti tropikali primarji fil-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng jikkonsistu minn 140 familja, 427 ġeneru u 751 speċi ta' pjanti vaskulari, li minnhom 36 speċi huma fil-periklu u huma elenkati fil-Ktieb l-Aħmar tad-Data tal-Vjetnam.
L-iżjed speċijiet komuni ta' siġar f'dan il-park nazzjonali huma: Hopea sp., Sumbaviopsis albicans, Garcinia fragraeoides, Burretionendron hsienmu, Chukrasia tabularis, Photinia aroboreum u Dysospyros saletti. In-nebbitiet kapaċi jikbru fil-ħofor u fix-xquq tal-ġebla tal-ġir fejn tkun akkumulat il-ħamrija. Għalhekk, inġenerali r-riġenerazzjoni wara li żona tiġi disturbata hija kemxejn kajmana. L-iktar tip ta' foresti f'dan il-park nazzjonali huwa tal-ispeċijiet ta' siġar li dejjem iħaddru, b'xi siġar ħorfija sparpaljati bħal: Dipterocarpus kerri, Anogeissus acuminate, Pometia pinnata u Lagerstroemia calyculata. F'dan il-park, il-familji dominanti ta' pjanti huma: il-Lauraceae, il-Fagaceae, it-Theaceae u r-Rosaceae, b'xi ġimnospermi sparpaljati bħal: Podocarpus imbricatus, Podocarpus neriifolius u Nageia fleuryi.
Fil-park hemm 50 km2 ta' foresti tal-Calocedrus macrolepis fuq għoljiet tal-ġebla tal-ġir (Calocedrus rupestris) b'madwar 2,500 siġra. Dawn huma l-ikbar foresti b'din is-siġra fil-Vjetnam. Il-biċċa l-kbira tas-siġar hawnhekk għandhom 500–600 sena. Dawn is-siġar huma elenkati fil-grupp 2A (rari, prezzjużi u bi sfruttament limitat) tal-ittra uffiċjali 3399/VPCP-NN tal-21 ta' Ġunju 2002, li hija emenda tad-Digriet 48 tal-Gvern tal-Vjetnam. L-Università Nazzjonali ta' Hanoi, flimkien maċ-Ċentru tar-Riċerka tal-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng, skoprew 1,320 speċi addizzjonali f'dan il-park, u xi gruppi minnhom ġew ivvalutati bħala tassew rari u prezzjużi. Il-bijologi skoprew tliet speċijiet rari ta' orkidej. L-orkidej li nstabu hawnhekk jinkludu: Paphiopedilum malipoense, Paphiopedilum dianthum u Paphiopedilum concolor. Fl-1996 l-IUCN ikklassifikat dawn l-ispeċijiet ta' orkidej bħala fil-periklu ta' estinzjoni fil-futur qarib.
Fawna
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-foresti jospitaw ukoll 98 familja, 256 ġeneru u 381 speċi ta' vertebrati. 66 speċi ta' annimali huma elenkati fil-Ktieb l-Aħmar tad-Data tal-Vjetnam u 23 speċi oħra huma elenkati fil-Ktieb l-Aħmar Dinji tal-Ispeċijiet fil-Periklu. Fl-2005, speċi ġdida ta' wiżgħa (Lygosoma boehmeiwas) ġiet skoperta hawnhekk minn grupp ta' bijologi Vjetnamiżi flimkien mal-bijologi li jaħdmu fil-park, iż-Żu ta' Köln fil-Ġermanja u l-Istitut taż-Żooloġija ta' San Pietruburgu fir-Russja. Il-gaur u speċi ta' sallura ġew skoperti f'dan il-park ukoll. Għaxar speċijiet ġodda li qatt ma dehru qabel fil-Vjetnam ġew skoperti mix-xjenzati f'dan il-park nazzjonali.
Il-park jospita popolazzjonijiet sinifikanti ta' primati fil-Vjetnam, b'10 speċijiet u sottospeċijiet. Dawn jinkludu l-makakki ta' denbhom qisu ta' ħanżir li huma vulnerabbli globalment, il-makakki ta' Assam, il-makakki ta' denbhom qasir u l-gibbobs ta' ħaddejhom bojod u tat-toppu (Nomascus leucogenys u Nomascus leucogenys siki). X'aktarx li l-park jospita l-ikbar popolazzjoni ta' langurs ta' François fil-Vjetnam, inkluż żewġ forom differenti tal-ispeċi. L-inħawi huma ferm sinifikanti għall-popolazzjoni ta' langurs ta' Hatinh u ta' langurs suwed. Bla dubju l-park fih l-ikbar popolazzjoni ta' dawn l-ispeċijiet fid-dinja, u x'aktarx l-unika popolazzjoni rappreżentata f'żona protetta. Mammiferi kbar oħra fil-periklu jinkludu l-għażżiela tal-art kontinentali (Capricornis sumatraensis), il-muntjacs ġganteski (Megamuntiacus vuquangensis) u possibbilment is-saola (Pseudoryx nghetinhensis). L-orsijiet suwed Asjatiċi (Selenarctos thibetanus) u l-orsijiet xemxin (Helarctos malayanus) ġew ikkonfermati li jgħixu fil-park. Mammiferi żgħar oħra jinkludu l-pangolini ta' Sunda (Manis javanica) u l-fenek tal-istrixxi tal-Annamiti li ġie skopert dan l-aħħar (Nesolagus timminsi), imsejjaħ lokalment "thỏ van". F'dan il-park ġew irreġistrati 10 speċijiet ta' friefet il-lejl elenkati fil-Lista ta' Speċijiet Mhedda tal-IUCN.
Mid-59 speċi rreġistrati ta' rettili u ta' anfibji, 18 huma elenkati fil-Ktieb l-Aħmar tad-Data tal-Vjetnam u 6 huma elenkati fil-Lista l-Ħamra ta' Annimali Mhedda tal-IUCN. Wara ż-żieda fir-riċerka, l-għadd ta' speċijiet żdied sew, u issa l-għadd ta' speċijiet irreġistrati ta' anfibji huwa ta' 50 u dak tal-ispeċijiet ta' rettili huwa ta' 101. Fost it-72 speċi ta' ħut hemm 4 speċijiet endemiċi fl-inħawi, inkluż id-Danio quangbinhensis. Il-park jospita iktar minn 200 speċi ta' għasafar, inkluż diversi għasafar rari bħal: il-ħaġla qastnija tan-nuċċali, il-bulebbiet tal-kullar aħmar, il-buċeru kannella, il-bagħal iswed u l-bagħal ximitarra ta' denbu qasir. Hemm evidenza tajba li l-faġan Vjetnamiż (Lophura hatinhensis) u l-faġan imperjali (Lophura imperialis) jgħixu fl-inħawi tal-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng. Stħarriġ ta' inizjattiva mwettaq mix-xjenzati Russi u Vjetnamiżi miċ-Ċentru Tropikali tal-Vjetnam u tar-Russja (iffinanzjat mid-WWF) irreġistra 259 speċi ta' friefet minn 11-il familja. Kważi t-taksa ewlenin kollha tal-friefet fil-Vjetnam jistgħu jinstabu fil-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng. L-ispeċi ta' bebbux tal-art Cyclophorus phongnhakebangensis huwa magħruf biss mill-park nazzjonali.
Importanza storika
[immodifika | immodifika s-sors]L-eqdem evidenza ta' okkupazzjoni mill-bniedem fl-inħawi huma l-biċċiet ta' fuq ta' mnanar Neolitiċi u artefatti simili li nstabu f'uħud mill-għerien. Il-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng fih ukoll xi fdalijiet arkeoloġiċi u storiċi, bħal kitba Cham Medjevali mnaqqxa fuq blata u siġilli ex voto tat-terrakotta tal-poplu Cham tas-seklu 9 għall-konsagrazzjoni ta' Avalokiteśvara. Fl-1995, l-Istitut Arkeoloġiku tal-Vjetnam irrimarka li l-Għar ta' Phong Nha x'aktarx li huwa sit arkeoloġiku tassew importanti. Din l-organizzazzjoni ssuġġeriet li l-fdalijiet fil-Grotta ta' Bi Ky jaf kienu ta' moskea Champa tas-sekli 9 sa 11. Fl-Għar ta' Phong Nha nstabu bosta bċejjeċ taċ-ċeramika bl-istil Champa u vażuni tal-fuħħar b'bokki b'għamla ta' lotus ta' lewn aħmar-roża.
Fl-1899, il-missjunarju Franċiż Léopold Cadière wettaq stħarriġ dwar l-użanzi u l-kultura tal-abitanti lokali li kienu jgħixu tul ix-xmara Son. Fl-ittra lill-École française d'Extrême-Orient, huwa stqarr li: "Il-fdalijiet li hawn hawnhekk huma ta' valur storiku. Tajjeb li jinżammu biex tiġi megħjuna x-xjenza". Fil-bidu tas-seklu 20, esploraturi u riċerkaturi tal-għerien minn Franza u mir-Renju Unit skoprew diversi artefatti Champa u Vjetnamiżi tal-qedem, bħal artali, steli, kitbiet ġeroglifiċi, skulturi, statwi tal-ġebel, statwi tal-Buddha, u artefatti Ċiniżi. Ir-Re Hàm Nghi bena bażi għar-reżistenza Vjetnamiża kontra l-kolonjalisti Franċiżi fl-aħħar tas-seklu 19.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Nominazzjoni u rikonoxximent fl-2003
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng ġie nnominat għall-ewwel darba bħala sit indikattiv biex isir Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1998. Id-dokumenti għall-ewwel intbagħtu mill-gvern Vjetnamiż lill-UNESCO għar-rikonoxximent tar-Riżerva Naturali ta' Phong Nha bħala Sit ta' Wirt Dinji Naturali bl-isem ta' "Riżerva Naturali ta' Phong Nha". Ir-raġuni li ngħatat għan-nominazzjoni kienet li din ir-riżerva naturali kienet tissodisfa l-kriterji (i) u (iv) tal-bijodiversità, tas-sbuħija unika u tal-ġeodiversità.
Fl-1999, l-Unjoni tal-Konservazzjoni Dinjija (IUCN) wettqet stħarriġ fil-post f'Jannar u fi Frar. Fil-laqgħa ta' Lulju 1999, l-Uffiċċju tal-Evalwazzjoni kkonkluda li r-Riżerva Naturali ta' Phong Nha tissodisfa l-kriterji msemmija fuq iżda bil-kundizzjoni li din ir-riżerva naturali titwessa' biex tinkludi wkoll l-inħawi akbar tal-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng, bi struttura assoċjata ta' ġestjoni integrata bis-sħiħ. Dan l-uffiċċju stqarr li s-sit kien jagħmel parti minn promontorju karstiku tassew kumpless u tal-qedem b'ġeodiversità kbira li tinkludi wkoll iż-żoni karstiċi ta' Kẻ Bàng u ta' Hin Namno. Ir-riżerva hija miksija l-iktar b'foresti tropikali b'livell għoli ta' bijodiversità u speċijiet endemiċi. In-nuqqas ta' riċerka wassal biex l-importanza reali tal-bijodiversità u tal-ġeoloġija tal-inħawi ma setgħux jiġu vvalutati bis-sħiħ. B'hekk l-Uffiċċju tal-Evalwazzjoni kkonkluda li ż-żona nnominata waħedha ma kinitx tissodisfa l-kriterji tal-għażla tal-UNESCO. L-Uffiċċju ddeċieda li jiddifferixxi n-nominazzjoni tar-Riżerva Naturali ta' Phong Nha.
Fis-sena 2000, il-gvern tal-Vjetnam ressaq nominazzjoni riveduta b'erja ferm akbar. Madankollu, fl-istess żmien l-Assemblea Nazzjonali u l-gvern Vjetnamiż ħabbru wkoll il-kostruzzjoni tal-Awtostrada ta' Hồ Chí Minh u triq ta' kollegament bejn l-Awtostrada u r-Rotta Nru 20 li tgħaddi minn parti miż-żona ewlenija tar-Riżerva Naturali ta' Phong Nha. L-aħbar ta' din il-kostruzzjoni qajmet tħassib dwar l-impatti tagħha fuq ir-Riżerva Naturali ta' Phong Nha, u bosta organizzazzjonijiet internazzjonali bħall-IUCN u Flora and Fauna International appellaw biex il-gvern Vjetnamiż jerġa' jikkunsidra l-pjanijiet tiegħu. Huma wissew ukoll dwar l-impatt negattiv tal-attivitajiet ta' kostruzzjoni fuq il-bijodiversità. Minħabba dawn il-pjanijiet ta' kostruzzjoni tat-toroq, l-Uffiċċju tal-Evalwazzjoni ma kompliex jikkunsidra iktar in-nominazzjoni tas-sit mingħand il-gvern Vjetnamiż. Il-gvern tal-Vjetnam ipprovda iktar informazzjoni lill-Uffiċċju f'Mejju 2002, u ħabbar id-deċiżjoni tal-Prim Ministru tal-Vjetnam (Diċembru 2001) li jespandi l-Park Nazzjonali ta' Phong Nha–Kẻ Bàng b'erja totali ta' 857.54 km2; filwaqt li pprovda tagħrif dwar il-proġetti għall-konservazzjoni u għall-iżvilupp tal-park u mapep riveduti. Is-sit nominat rivedut kellu erja iżgħar minn dik tan-nominazzjoni tas-sena 2000.
Il-Park Nazzjonali ta' Phong Nha–Kẻ Bàng ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO matul is-27 assemblea ġenerali tal-UNESCO li saret f'Pariġi mit-30 ta' Ġunju sal-5 ta' Lulju 2003.[1] Matul dik is-sessjoni, id-delegati minn iktar minn 160 pajjiż membru tal-Konvenzjoni tal-Wirt Dinji tal-UNESCO qablu li l-park jiġi inkluż fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO flimkien ma' 30 sit ieħor minn madwar id-dinja.
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[1]
Rikonoxximent għat-tieni darba
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Kunsill Nazzjonali għall-Wirt Kulturali, organizzazzjoni li taqa' taħt il-Ministeru għall-Kultura u l-Informazzjoni tal-Vjetnam (issa l-Ministeru għall-Kultura, l-Isports u t-Turiżmu), irrakkomanda lill-Prim Ministru Vjetnamiż li l-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng jitressaq għat-tieni darba quddiem l-UNESCO biex jitqies għal żewġ kriterji tal-għażla oħra b'rabta mal-bijodiversità. L-esperti Vjetnamiżi u internazzjonali kienu tal-fehma li b'hekk fl-2008 dawn il-kriterji setgħu jiżdiedu u għaldaqstant is-sit jiġi rrikonoxxut għat-tieni darba. Mir-rikonoxximent fl-2003 mill-UNESCO, il-gvern tal-Vjetnam kompla jikkompila dokumentazzjoni xjentifika għal dan l-għan. Skont ir-rapport tad-WWF fis-sena 2000, il-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng huwa wieħed minn 200 ċentru tal-bijodiversità tad-dinja u wieħed minn 60 santwarju sinifikanti tal-Vjetnam. Għandu tip uniku ta' foresti fid-dinja: il-foresti tropikali bis-siġar li dejjem iħaddru. Il-park għandu wkoll 15-il tip ieħor ta' foresti.
Fil-konferenza finali tal-Kunsill Nazzjonali għall-Wirt Kulturali li saret fil-Vjetnam fl-2007, ix-xjenzati li attendew il-laqgħa faħħru d-dokumentazzjoni xjentifika tal-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng. B'hekk, il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji oħra tal-għażla: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Attivitajiet turistiċi
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-park huwa aċċessibbli bit-triq (ir-Rotta Nazzjonali Nru 1 jew l-Awtostrada ta' Hồ Chí Minh, 450 kilometru fin-Nofsinhar ta' Hanoi, 50 kilometru fit-Tramuntana ta' Đồng Hới, 210 kilometri fit-Tramuntana ta' Huế); bil-ferrovija fl-Istazzjoni Ferrovjarju ta' Đồng Hới fil-Linja Ferrovjarja ta' Hanoi–Saigon; bl-ajru fl-Ajruport ta' Đồng Hới, li jinsab 45 kilometru fin-Nofsinhar tal-park. It-turisti huma moqdijin miċ-Ċentru tas-Servizzi Turistiċi f'Phong Nha tad-Distrett ta' Bố Trạch; id-daħla ta' dan iċ-ċentru tinsab qrib l-Awtostrada ta' Hồ Chí Minh. It-turisti jridu jixtru biljett tad-dħul għas-servizzi turistiċi, li jinkludi t-tariffa tad-dħul u s-servizz ta' dgħajsa. Żjara ekoturistika tirrikjedi tariffa addizzjonali (fakultattiva). Imbagħad it-turisti jiġu ttrasportati bid-dgħajsa tul ix-xmara Sơn lejn l-għerien ta' Phong Nha u tal-Ġenna. L-għadd ta' turisti żdied b'mod drammatiku minn mindu l-park sar Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO. Il-Provinċja ta' Quảng Bình investiet fl-immodernizzar tas-sit għall-viżitaturi tal-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng biex isir waħda mid-destinazzjonijiet turistiċi ewlenin tal-Vjetnam.
Bosta proġetti tal-ekoturiżmu ngħataw il-liċenzja għall-iżvilupp u l-inħawi qed jiġu żviluppati mill-provinċja biex ikomplu jsaħħu s-sit bħala wieħed mis-siti turistiċi ewlenin fil-Vjetnam. Il-Park Nazzjonali ta' Phong Nha–Kẻ Bàng jagħmel parti minn kampanja ta' promozzjoni tat-turiżmu, "Triq Nofsanija tal-Wirt Dinji", li tinkludi l-belt kapitali antika ta' Huế, il-fdalijiet Champa ta' Mỹ Sơn, il-belt ta' Hội An, Nhã nhạc u l-ispazju tal-kultura tal-gong fl-Artijiet Għoljin Ċentrali tal-Vjetnam.
L-attivitajiet turistiċi fil-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng huma organizzati mill-aġenziji tal-ivvjaġġar lokali u jvarjaw kif ġej:
- Mawriet ta' spedizzjonijiet tal-għerien u tal-grotti bid-dgħajsa u b'mezzi professjonali tal-ispedizzjonijiet.
- Ekoturiżmu, għall-iskoperta tal-flora u tal-fawna ta' dan il-park nazzjonali fil-Foresta ta' Kẻ Bàng.
- Tixbit u trekking fil-muntanji: hemm diversi muntanji b'xaqlibiet estremi, b'għoli ta' iktar minn 1,000 metru, li joffru sfida reali għax-xabbaturi avventurużi.
- Waħda mill-mawriet avventurużi hija mawra bid-dgħajsa tul ix-xmara Chay fil-foresti primittivi, fejn ix-xmara sserrep b'diversi kaskati u belligħat sa ma t-turisti jaslu f'Tro Mong. Is-siti ta' din il-mawra ġew mistħarrġa u jiġu inklużi minn diversi aġenti tal-ivvjaġġar lokali flimkien ma' mawriet tal-esplorazzjoni tal-għerien. Fil-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng hemm kaskata għolja 50 metru magħrufa bħala l-Kaskata ta' Chai. Hemm post imsejjaħ Ran Bo (l-Għalqa tal-Barrin) peress li l-barrin selvaġġi jirriproduċu hemmhekk fl-istaġun tat-tgħammir. Barra minn hekk, hemm ukoll attrazzjonijiet turistiċi interessanti oħra bħal Nước Ngang ("Fawwara Orizzontali"), li hija fawwara li tfawwar b'mod orizzontali minflok vertikali; Ðá Nằm, ħaġra li timblokka l-kurrent ta' nixxiegħa; u Chân Thớt, ħaġra b'għamla ta' injama li tqatta' l-affarijiet fuqha. Iżda fuq kollox, l-iktar xena spettakolari fl-inħawi hija dik ta' Nước Trồi (Nixxiegħa tal-Wiċċ), li hija nixxiegħa li tfeġġ fil-wiċċ mill-art. Hemm diversi nixxigħat li jnixxu għal distanza twila, imbagħad jisparixxu taħt l-art. Iċ-Ċentru Provinċjali għall-Ekoturiżmu u l-Kultura tal-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng attwalment għandu 248 dgħajsa, li jagħtu impjieg lil 500 persuna lokali. Kull dgħajsa jkun fiha żewġ persuni mħarrġa li jaqilgħu VND70,000 kuljum. Dan l-introjtu huwa relattivament għoli għall-persuni tal-post f'din il-provinċja. Dan iċ-ċentru nieda wkoll programm fis-sena 2000 għat-taħriġ ta' eks ħaddiema tal-qtugħ tas-siġar għall-injam biex jaħdmu bħala fotografi u jieħdu r-ritratti lit-turisti, u issa hemm madwar 300 eks ħaddiem tal-qtugħ tas-siġar għall-injam li jagħmlu dan ix-xogħol.
L-eqreb belt tal-park hija Đồng Hới. Sabiex jiġi ffaċilitat il-fluss dejjem jiżdied ta' turisti lejn is-sit, inbena l-Ajruport ta' Đồng Hới li beda jopera f'Mejju 2008, b'kollegament bl-ajru mal-Ajruport Internazzjonali ta' Noi Bai f'Hanoi u b'kollegament bl-ajru mal-Ajruport Internazzjonali ta' Tan Son Nhat tal-Belt ta' Ho Chi Minh li beda jopera mill-1 ta' Lulju 2009. Apparti Đồng Hới, Huế hija belt oħra li t-turisti jużaw bħala bażi għall-vjaġġi tagħhom lejn il-park u l-mawriet ta' jum minn Huế għall-park u lura huma komuni ferm.
Il-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng, flimkien mal-Bajja ta' Hạ Long u Fanxipan, ġew elenkati bħala kandidati għall-votazzjoni tas-Seba' Għeġubijiet Naturali tad-Dinja. Fit-12 ta' Frar 2008 il-park ikklassifika fl-10 post fil-votazzjoni. F'Jannar 2009, il-Los Angeles Times elenkat il-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng fil-lista tagħha tad-29 destinazzjonali li wieħed missu jżur fl-2009.
F'Ottubru 2014, il-Provinċja ta' Quang Binh ħabbret pjanijiet ta' Sun Group biex tinbena sistema ta' cable cars li tikkollega l-għerien fil-park. Kien hemm oppożizzjoni kbira għall-pjan min-naħa tal-konservazzjonisti, u l-gvern reġa' lura, u sostna li l-pjan ma kienx għadu approvat. Dawk li kienu favur il-pjan sostnew li l-inħawi kienu qed jattiraw għadd dejjem ikbar ta' viżitaturi u li s-sistema tal-cable cars kienet l-iktar mezz favur l-ambjent għall-ġestjoni tal-folol. Dawk li kienu kontra l-pjan sostnew li l-kostruzzjoni tas-sistema tal-cable cars setgħet tagħmel ħsara lill-għerien fraġli, u ladarba kienet issir operazzjonali kienet tattira iktar viżitaturi milli l-park kapaċi jiflaħ b'mod sostenibbli.
Problemi ta' ġestjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Attivitajiet ta' ġestjoni
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Bord ta' Ġestjoni tal-Park jinkludi 115-il ruħ, li jinkludu żoologi, botanisti, silvikulturisti u soċjoekonomisti. Jingħad li l-persunal tal-ġestjoni ma għandux l-awtorità li jimmulta lil dawk li ma josservawx ir-regoli tal-park u ma għandux it-tagħmir bħal ħelikopters u biżżejjed fondi, għaldaqstant pjuttost diffiċli li jlaħħaq mat-theddidiet naturali u umani tal-park.
Żona semiselvaġġa ta' 0.18 km2, imdawra b'xatba elettrika, irriżervata għall-primati, inħolqot f'dan il-park. Dan il-proġett huwa sponsorjat miż-Zoologische Gesellschaft Frankfurt (il-Ġermanja) sabiex ikun hemm santwarju għall-10 speċijiet ta' primati, inkluż il-langurs ta' Hatinh u d-douc aħmar. Din iż-żona ta' protezzjoni hija adattata għall-ħabitat tal-primati.
Theddidiet għall-bijodiversità
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm żewġ villaġġi tal-gruppi etniċi Arem an Ma Coong fiż-żona ewlenija tal-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng. Fi ħdan iż-żona ta' lqugħ, hemm popolazzjoni ta' 52,000 ruħ. Dawn fil-biċċa l-kbira huma membri tal-poplu Kinh u ta' minoranzi oħra tal-popli Chut u Van Kieu. Ħafna minnhom jisfruttaw il-prodotti tal-foresti bħala parti mill-għajxien tagħhom. Iż-żieda ta' viżitaturi ta' dan il-park hija problema wkoll peress li t-tniġġis (tal-ilma u tal-iskart) u l-impatti umani fuq l-għerien u l-grotti jistgħu jagħmlu ħsara u speċjalment jheddu l-bijodiversità. Il-kaċċa hija theddida sinifikanti għan-natura selvaġġa minħabba li n-nies tal-post għandhom domanda kbira ta' konsum tal-laħam tal-fawna selvaġġa, u dan wassal għat-tnaqqis sinifikanti ta' speċijiet bħall-ħanżir selvaġġ, il-binturong u l-primati. Filwaqt li l-awtoritajiet lokali ma ħadu l-ebda azzjoni legali, xi uffiċjali ċivili u l-pulizija huma s-sidien ta' ristoranti li jservu laħam tal-annimali selvaġġi kkaċċjati f'dan il-park nazzjonali. Attwalment il-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng ma għandux rekord tajjeb għall-protezzjoni tat-tigri, tal-iljunfanti Asjatiċi u tal-barrin.
Salluriet rari bħall-Anguilla marmorata u l-Anguilla bicolor inqabdu u ġew ikkonsmati fi kwantitajiet kbar mir-residenti lokali u huma speċjalitajiet fir-ristoranti peress li l-abitanti lokali jemmnu li huma afrodiżijaċi naturali.
L-isfruttament eċċessiv ta' injam rari bħall-injam go mun (Diospyros spp.) u tal-injam go huế (Dalbergia rimosa), kif ukoll taż-żjut mis-siġar bħas-Cinnamomum balansea, u mir-rattan wasslu għall-eżawriment ta' dawn il-pjanti f'bosta żoni tal-park. Il-popolazzjoni tal-friefet il-lejl fl-għerien u fil-grotti tiffaċċja wkoll disturbi mill-attivitajiet tal-bniedem. L-Awtostrada ta' Hồ Chí Minh, it-Triq Nru 20 li tgħaddi mit-tarf tal-park u t-triq ta' kollegament bejn dawn iż-żewġ toroq fil-qalba tal-park jirrappreżentaw periklu għan-natura selvaġġa ta' dan il-park nazzjonali, speċjalment għall-popolazzjonijiet tal-langurs ta' Hatinh u tal-langurs suwed. Waqt il-kostruzzjoni ta' dawn it-toroq, l-istorbju u attivitajiet oħra wasslu biex diversi primati joqogħdu 'l bogħod mill-ħabitat regolari tagħhom.
Minħabba l-ġestjoni batuta mill-gvern lokali, ħafna żoni tal-foresti fiż-żona ta' lqugħ ġew ikklerjati kważi għalkollox. Il-ġebla tal-ġir fl-inħawi tal-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng ilha tiġi sfruttata għal skopijiet kummerċjali mill-abitanti lokali, iżda l-awtorità lokali ma ħadet l-ebda kontromiżura ta' prevenzjoni.
Il-gvern provinċjali approva impjant termoelettriku ta' 3,600MW imħaddem bil-faħam fil-villaġġ ta' Vĩnh Sơn, il-komun ta' Quảng Đông, id-Distrett ta' Quảng Trạch, xi 40 kilometru fil-Grigal tal-park nazzjonali. Dan il-proġett ħasseb ferm lil bosta ambjentalisti peress li x'aktarx li se jikkawża t-tniġġis tal-arja u tal-ilma fil-park. Theddida rikorrenti oħra għall-foresti tal-park huma n-nirien.
Ġestjoni tal-art fiż-żoni ta' biswit
[immodifika | immodifika s-sors]Il-ġestjoni tal-art u r-regolamentazzjoni tal-attivitajiet kummerċjali fl-inħawi ta' madwar il-park twettqu mill-awtoritajiet provinċjali b'mod mhux daqstant organizzat. Irqajja' tal-art inbigħu lill-investituri u lill-abitanti lokali għall-bini tas-servizzi kif ġie ġie, u dan wassal għall-formazzjoni ta' abitazzjonijiet abużivi fid-daħla tal-park. Barra minn hekk, xi investituri mhumiex interessati jiżviluppaw l-irqajja' iżda jżommuhom għall-bejgħ fil-futur. L-iskema tal-ippjanar għal 2 km2 ta' art biswit il-park ġiet ikkritikata minn bosta esperti li sostnew li saret "mingħajr viżjoni għall-futur". Il-gvern provinċjali ta' Quảng Bình wieġeb billi ddikjara li beħsiebu jimpjega pjanifikaturi rikonoxxuti internazzjonalment biex jgħinu fit-tfassil ta' pjanijiet tal-iżvilupp għat-turiżmu fl-inħawi ta' biswit il-park.
Finanzjament internazzjonali
[immodifika | immodifika s-sors]Fit-3 ta' Novembru 2005, il-gvern Ġermaniż ħabbar finanzjament ta' 12.6-il miljun ewro għall-bord tal-ġestjoni tal-park bl-iskop li tiġi protetta l-bijodiversità tal-park. Fl-2007, il-gvern Ġermaniż ta b'donazzjoni 1.8 miljun ewro oħra lill-Vjetnam għall-protezzjoni tal-park.
Fauna and Flora International (FFI) tat donazzjoni ta' US$132,000 lill-Bord ta' Ġestjoni tal-Park Nazzjonali ta' Phong Nha-Kẻ Bàng għall-protezzjoni tal-primati f'dan il-park nazzjonali kif ukoll fiż-żona ta' lqugħ tiegħu. Fl-1998, l-FFI wettqet proġett ta' taħriġ għall-persunal tal-ġestjoni tal-park. Il-Kummissjoni Brittanika għall-Iżvilupp Internazzjonali sponsorjat fond għall-WWF biex tiġi protetta l-bijodiversità fil-park u fir-Riżerva Naturali ta' Hin Namno fil-Laos biswitu. L-FFI rċeviet finanzjament ambjentali mingħand id-Dipartiment Brittaniku għall-Ambjent, l-Ikel u l-Affarijiet Rurali biex tiġi implimentata kampanja mmirata lejn iż-żieda ta' sensibilizzazzjoni dwar il-protezzjoni tal-bijodiversità fost it-turisti u n-nies lokali.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 3 Centre, UNESCO World Heritage. "Phong Nha-Ke Bang National Park and Hin Nam No National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2026-01-28.