Park Nazzjonali ta' Nyungwe
Il-Park Nazzjonali ta' Nyungwe (pronunzja: /njʊŋɡweɪ/) fil-Lbiċ tar-Rwanda, fil-fruntiera mal-Burundi, ġie stabbilit fl-2004 u jkopri erja ta' madwar 1,019 km2 (393 mil kwadru) ta' foresti tropikali, foresti tal-bambù, bwar tal-ħaxix, imraġ u artijiet imtajna. L-eqreb raħal huwa Cyangugu, 54 kilometru (34 mil) lejn il-Punent. Il-Muntanja ta' Bigugu (2,921 metru (9,583 pied)) tinsab fi ħdan il-konfini tal-park. F'Ottubru 2020, il-Bord tal-Iżvilupp tar-Rwanda ffirma ftehim mal-organizzazzjoni tal-Parks Afrikani biex jieħu f'idejh il-ġestjoni tal-Park Nazzjonali ta' Nyungwe għal perjodu inizjali ta' 20 sena. F'Settembru 2023, il-Park Nazzjonali ta' Nyungwe żdied fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[1]
Il-Foresta ta' Nyungwe tinsab fil-Lbiċ tar-Rwanda, fil-fruntiera mal-Burundi, u hija kontigwa mal-Park Nazzjonali ta' Kibira fin-Nofsinhar, u mal-Lag ta' Kivu u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo fil-Punent. Il-foresta tropikali ta' Nyungwe x'aktarx li hija l-iżjed foresta tropikali muntanjuża ppreservata fl-Afrika. Tinsab f'salib it-toroq bejn il-baċir tax-xmara Kongo fil-Punent u l-baċir tax-xmara Nil fil-Lvant. Min-naħa tal-Lvant tal-Foresta ta' Nyungwe tnixxi wkoll waħda mill-fergħat tas-sorsi tan-Nil.[2]
Annimali
[immodifika | immodifika s-sors]Il-foresta ta' Nyungwe fiha diversità wiesgħa ta' speċijiet ta' annimali, u b'hekk hija żona prijoritarja ta' konservazzjoni fl-Afrika. Il-foresta tinsab f'reġjun fejn imissu ma' xulxin diversi żoni bijoġeografiċi ta' skala kbira u l-varjetà ta' bijomi terrestri tipprovdi firxa kbira ta' mikroħabitats għal bosta speċijiet differenti ta' pjanti u ta' annimali.
Il-park fih 13-il speċi ta' primati (25 % tat-total fl-Afrika), iktar minn 300 speċi ta' għasafar, inkluż 30 speċi endemika tal-Fondoq Albertin, 1,068 speċi ta' pjanti, 85 speċi ta' mammiferi, 32 speċi ta' anfibji u 38 speċi ta' rettili. Ħafna minn dawn l-annimali huma speċijiet b'firxa ristretta li jinsabu biss fl-ekoreġjun tal-foresti muntanjużi tal-Fondoq Albertin fl-Afrika. Fil-fatt, l-għadd ta' speċijiet endemiċi preżenti fil-park huwa ikbar minn kwalunkwe foresta oħra fil-Muntanji tal-Fondoq Albertin li ġiet mistħarrġa. Il-foresta, li tilħaq altitudni massima ta' 3,000 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar, hija ta' interess partikolari minħabba l-preżenza ta' kolonji ta' chimpanzees (Pan troglodytes) u ta' xadini colobus tal-Angola (Colobus angolensis). Din l-ispeċi tal-aħħar issa hija estinta fl-Angola minħabba l-kaċċa intensiva fil-pajjiż.[3]
Speċijiet ta' primati
[immodifika | immodifika s-sors]- Iċ-chimpanzee komuni (Pan troglodytes);
- ix-xadina colobus ta' Rwenzori (Colobus angolensis ruwenzori);
- ix-xadina ta' L'Hoest (Cercopithecus l'hoesti);
- ix-xadina fiddiena (Cercopithecus doggetti);
- ix-xadina lewn id-deheb (Cercopithecus kandti);
- ix-xadina ta' Hamlyn (Cercopithecus hamlyni);
- ix-xadina ta' denbha aħmar (Cercopithecus ascanius);
- ix-xadina mona ta' Dent (Cercopithecus denti);
- ix-xadina vervet (Chlorocebus pygerythrus);
- il-babwin żebbuġi (Papio anubis);
- il-mangabej ta' ħaddejh griż (Lophocebus albigena).
Storja
[immodifika | immodifika s-sors]Ir-Riżerva tal-Foresta ta' Nyungwe ġiet stabbilita fl-1933 mill-gvern kolonjali Belġjan. Fis-snin 20 tas-seklu 20, il-gvern kolonjali beda jitħasseb dwar l-aċċellerazzjoni tal-konverżjoni tal-foresta għar-ragħa. Il-liġijiet li jirregolaw ir-riżervi tal-foresti tar-Rwanda kienu jipprojbixxu l-ikklerjar tal-foresti għall-agrikoltura, iżda ħallew id-drittijiet tal-komunitajiet li jaqtgħu u jaħsdu l-injam għall-ħatab, u ppermettew ukoll l-isfruttament kummerċjali tal-injam iebes. L-infurzar kien laxk, u l-komunitajiet lokali komplew jużaw il-foresta għall-kaċċa, għall-ġbir tal-għasel, għall-qtugħ tas-siġar għall-injam, għall-biedja ta' sussistenza u għall-estrazzjoni tad-deheb.[4]
Ir-Rwanda saret indipendenti fl-1962, u r-riżervi tal-foresti tal-pajjiż ġew ġestiti mill-Ministeru għall-Agrikoltura. Mill-1958 sal-1973, il-Foresta ta' Nyungwe ċkienet b'iktar minn 150 km² minħabba n-nirien, il-qtugħ tas-siġar għall-injam, il-kaċċa tal-annimali, u l-agrikoltura fuq skala żgħira. Il-foresti ta' Gishwati u ta' Virunga fil-qrib ċkienu bin-nofs matul dak iż-żmien. Fl-1969, l-iljunfanti kienu għadhom jammontaw għal mijiet fil-Park Nazzjonali ta' Nyungwe. Fl-1974, l-aħħar buflu nqatel fil-park mill-kaċċaturi. Fl-1984, il-Park Nazzjonali ta' Nyungwe ġie maqsum f'żoni li ppermettew l-użu sostenibbli u l-ħsad tal-injam. Il-gvern tar-Rwanda żviluppa pjan għal żona ta' lqugħ li għadu viżibbli sal-lum. Fl-1984, stħarriġiet tal-bijodiversità mwettqa mis-Soċjetà tal-Konservazzjoni tal-Organiżmi Selvaġġi ddokumentaw gruppi ta' xadini colobus b'saħansitra 400 individwu — fenomenu bla preċedent. Fl-1987, l-iżvilupp ta' sistema ta' mogħdijiet beda f'Uwinka. Fl-1994, il-gwerra u l-ġenoċidju ddevastaw il-pajjiż u qerdu ħafna mill-faċilitajiet turistiċi u tar-riċerka f'Uwinka. Il-biċċa l-kbira tal-membri tal-persunal bl-esperjenza kellhom jaħarbu, iżda ħafna membri ġodda tal-persunal fil-Park Nazzjonali ta' Nyungwe baqgħu jipproteġu l-park. Il-park beda r-rikostruzzjoni fl-1995, iżda s-sigurtà u l-istabbiltà xorta waħda ma kinux ċerti. Fl-1999 inqatel l-aħħar iljunfant f'marġ fil-Park Nazzjonali ta' Nyungwe minn grupp ta' nassaba.
Fl-2005, il-gvern tar-Rwanda għamel il-Foresti Muntanjużi ta' Nyungwe bħala park nazzjonali, bi status protett, l-ogħla livell ta' protezzjoni fil-pajjiż.[5]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Nyungwe ġew iddeżinjati bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2023.[1]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' kriterju wieħed tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[1]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ a b ċ Centre, UNESCO World Heritage. "Nyungwe National Park". UNESCO World Heritage Centre (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-23.
- ^ "Protected Planet | Nyungwe". Protected Planet. Miġbur 2024-02-23.
- ^ "Nyungwe Forest National Park - Kubwa Five Safaris" (bl-Ingliż). Miġbur 2024-02-23.
- ^ Michel K. Masozera & Janaki R. R. Alavalapati (2004) Forest Dependency and its Implications for Protected Areas Management: A Case Study From the Nyungwe Forest Reserve, Rwanda, Scandinavian Journal of Forest Research, 19:sup004, pp. 85-92.
- ^ "Nyungwe National Park > Visit Africa". visitafrica.site (bl-Ingliż). Arkivjat minn l-oriġinal fl-2023-10-02. Miġbur 2024-02-23.