Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Noel Kempff Mercado

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Immaġni satellitari bil-Park Nazzjonali ta' Noel Kempff Mercado bl-aħmar.

Il-Park Nazzjonali ta' Noel Kempff Mercado (bl-Ispanjol: Parque nacional Noel Kempff Mercado) huwa park nazzjonali fil-Grigal tad-Dipartiment ta' Santa Cruz, fil-Provinċja ta' José Miguel de Velasco, il-Bolivja, fil-fruntiera mal-Brażil.

Il-Park Nazzjonali ta' Noel Kempff Mercado jkopri erja ta' 1,523,446 ettaru (3,764,520 akru) ta' art,[1] li tinkludi l-Promontorju ta' Huanchaca (Huanchaca Meseta jew Serrania de Huanchaca), li b'erja ta' 42,000 ettaru hija waħda mill-ikbar żoni protetti ta' cerrado mhux mittiefsa fid-dinja.[2][3] Il-park jinsab fin-naħa tat-Tarka Brażiljana fil-Grigal tad-Dipartiment ta' Santa Cruz fil-Bolivja. Ix-xmara Iténez hija l-konfini tal-Lvant u tat-Tramuntana tiegħu li tisseparah mill-Brażil.[4] Tmiss mal-158,621 ettaru (391,960 akru) tal-Park Statali ta' Serra Ricardo Franco, li nħoloq fl-1997, fl-istat ta' Mato Grosso, il-Brażil.[5] Fih mużajk ta' ħabitats li jinsab f'żona ta' tranżizzjoni fejn jiltaqgħu l-foresta pluvjali tal-Amazzonja u s-cerrado, tip ta' foresta u savanna niexfa. Il-park huwa magħmul minn bosta ħabitats differenti, inkluż foresti b'siġar dejjem ħodor fl-artijiet għoljin, foresti b'siġar ħorfija, savanna tal-artijiet għoljin (cerrado), artijiet mistagħdra tas-savanna, u artijiet mistagħdra forestali.[6] Ir-reġjun għandu staġun tan-nixfa fix-xitwa u preċipitazzjoni annwali medja ta' 1,500 millimetru.

L-inħawi li issa huma l-park nazzjonali ġew esplorati fl-1908 minn Percy Fawcett matul stħarriġ tal-fruntieri għall-gvern tal-Bolivja. F'Londra, huwa wera xi ritratti lil Arthur Conan Doyle, li qanqlu l-immaġinazzjoni ta' Doyle li kiteb ir-rumanz The Lost World.[7]

Stabbilit fit-28 ta' Ġunju 1979, il-park oriġinarjament kien jismu bħala l-Park Nazzjonali ta' Huanchaca. Inqas minn deċennju wara, fl-1988, isem il-park inbidel għal Park Nazzjonali ta' Noel Kempff Mercado f'ġieħ il-bijologu pijunier u l-konservazzjonist mill-Bolivja Noel Kempff Mercado, kemm għar-riċerka u għall-iskoperti tiegħu fil-park kif ukoll bħala mafkar tal-mewta traġika tiegħu fl-inħawi; Mercado nqatel fil-park minn traffikanti tad-drogi meta mingħajr ma jaf inzerta laboratorju sigriet tal-kokaina fil-Promontorju għoli ta' Huanchaca.[8]

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-park nazzjonali tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-sena 2000.[9] Huwa importanti minħabba li fih "firxa wiesgħa ta' tipi ta' ħabitats" li fihom bijodiversità kbira, "inkluż popolazzjonijiet vijabbli ta' bosta vertebrati kbar li huma mhedda globalment".[9]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[9]

Il-klima fil-park nazzjonali hija staġonali, b'madwar 1,500 millimetru ta' preċipitazzjoni annwali medja. Hemm staġun tan-nixfa ta' erba' xhur bejn Ġunju u Settembru, meta x-xita tonqos għal inqas minn 30  millimetru. Il-preċipitazzjoni tinżel l-iktar fis-sajf awstrali, li toriġina mill-attività konvettiva taċ-ċelloli fondi fuq il-baċir tal-Amazzonja u l-estensjoni lejn in-Nofsinhar taż-Żona ta' Konverġenza Intertropikali matul l-iżjed parti xemxija tas-sajf. It-temperatura annwali medja tkun ta' 25–26 °C (77–79 °F) iżda matul l-istaġun tan-nixfa t-temperaturi jaf jinżlu għal 10 °C (50 °F) għal diversi jiem meta l-mases tal-arja kiesħa u niexfa mill-Patagonja (surazos) tilħaq l-inħawi.

Studju dwar il-qalba tat-trab dakkari, l-iżotopi tal-karbonju u l-persentaġġ ta' karbonju fil-ħamrija wera li l-foresti pluvjali b'siġar dejjem ħodor li jinsabu fil-park mhux dejjem kienu jeżistu. Id-data li nġabret mill-kampjuni tal-qalba tat-trab tad-dakkir uriet li dik li issa huma foresti b'siġar semiħorfija u foresti b'siġar dejjem ħodor, xi darba kienu savanna u foresti b'siġar semiħorfija. Għalkemm għal għexieren ta' millenji kien hemm is-savanna, kien hemm suċċessjoni progressiva tal-veġetazjoni minn nofs l-Oloċen, u s-savanna ċediet postha lill-foresta b'siġar semiħorfija, u mbagħad lill-foresta pluvjali b'siġar dejjem ħodor fir-reġjun, li ġie attribwit għad-diossidu tal-karbonju ogħla fl-atmosfera, u ż-żieda fil-preċipitazzjoni annwali u t-tnaqqis fit-tul u fil-qilla tal-istaġun tan-nixfa minħabba ż-żieda tal-konvezzjoni reġjonali dovuta għaċ-ċiklu ta' preċessjoni skont it-Teorija Astronomika ta' Milankovitch. Il-foresta pluvjali tfaċċat fl-aħħar żewġ jew tliet millenji.[10]

It-tibdil fil-klima jista' jreġġa' lura din iż-żieda tal-foresta pluvjali tropikali mill-ġdid. Klima iktar niexfa tista' twassal għal żieda fil-frekwenza ta' nirien, u b'hekk tista' twitti t-triq għal bidla ekoloġika mill-foresta pluvjali lura għall-foresta niexfa. Li kieku dan kellu jseħħ, hemm il-possibbiltà li fil-futur xi speċijiet tal-foresta pluvjali jirtiraw mid-distribuzzjoni attwali tagħhom fir-reġjun. Minħabba li hemm "kurituri pajsaġġistiċi latitudinali" li jistgħu jiffaċilitaw tali moviment, din hija problema inqas gravi hawnhekk milli fil-bqija tal-Bolivja.

Il-park huwa ddominat minn art ċatta kbira b'erja ta' 7,000 kilometru kwadru. In-naħa tal-Bolivja hija magħrufa bħala Serrania Huanchaca filwaqt li n-naħa Brażiljana hija magħrufa bħala Sererania Ricardo Franco. Ix-xmara Rio Verde ta' bejniethom timmarka l-konfini nazzjonali. L-art ċatta hija kkonfinata minn irdumijiet weqfin, b'għoli ta' 200 sa 700 metru. Il-blat tal-art ċatta jinkludi l-ġebel ramli Proterożojku, iddepożitat madwar biljun sena ilu, bl-intrużjoni ta' kumpless ta' diga tolejitika. Dawn jinsabu fuq bażi iktar antika ta' granit u blat metamorfiku li jibqgħu ħerġin fuq il-pjanura tal-Amazzonja. Il-wiċċ tal-art ċatta huwa miksi b'ġebel ramli tal-Kretaċju, u hemm qxur tal-laterit u tas-siliċju li jimmarkaw l-istadji tal-olzar u tal-peneplanazzjoni Terzjarja.

Il-Promontorju ta' Huanchaca fi ħdan il-park nazzjonali jinsab f'600–900 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar u huwa magħmul minn ġebel ramli Pre-Kambrijan u kwarzit tat-Tarka Brażiljana.

L-irdumijiet tal-Promontorju ta' Huanchaca (magħrufa wkoll bħala Caparu Meseta) jitilgħu sa 300 metru (985 pied) u f'bosta postijiet iffurmaw il-kaskati. Dawn jinkludu l-Kaskata ta' Aroiris ta' 88 metru (290 pied), il-Kaskati ta' Frederico Ahlfeld ta' 25–45 metru (80–150 pied), u l-Kaskati ta' El Encanto ta' 80 metru (260 pied).[11]

Kompożizzjoni tal-ħamrija

[immodifika | immodifika s-sors]

Fil-Promontorju hemm irqajja' ta' foresti b'siġar dejjem ħodor fuq il-ħamrija fonda u rikka bin-nutrijenti. Il-ħamrija fonda għammiela ssostni l-foresti, filwaqt li l-ġebel ramli mikul bl-erożjoni tal-elementi b'saff irqiq ta' ħamrija jsostni s-savanna fil-beraħ. Il-pjanura tal-artijiet baxxi biswit lejn il-Punent hija miksija b'sedimenti Ċenożojċi tal-għargħar tax-xmara u hija ddominata minn foresti pluvjali b'tranżizzjoni lejn foresti niexfa fil-konfini tan-Nofsinhar tal-park.

Il-Kaskata ta' Arcoiris ta' 88 metru fil-Park Nazzjonali ta' Noel Kempff Mercado.

Huwa stmat li l-park jospita madwar 4,000 speċi ta' pjanti vaskulari. L-inħawi jinkorporaw bosta ħabitats differenti li jvarjaw minn foresti pluvjali b'siġar għoljin dejjem ħodor, foresti b'gallerija ta' siġar, foresti tropikali b'siġar semiħorfija, forest b'siġar ħorfija, foresti ddominati mil-lijani, meded iddominati mill-palm Attalea phalerata, foresti tal-għargħar, pjanuri bit-termiti, savanna tal-għargħar, pjanuri mtajna bi gżejjer forestali, artijiet imtajna bil-palm u foresti nexfin tat-tip cerrado. Sa issa, 2,705 speċijiet differenti ta' pjanti ġew identifikati. Minħabba li hemm firxa daqstant wiesgħa ta' ħabitats differenti li jeżistu fil-park, dan l-għad huwa maqsum f'sezzjonijiet differenti tal-park. 1,500 mill-2,705 pjanta jeżistu fil-foresti bl-indewwa, 800 pjanta fis-cerrado, 700 pjanta fil-foresti nexfin, 500 pjanta fl-artijiet mistagħdra tas-savanna, u 500 pjanta oħra f'ħabitats akkwatiċi u mfixkla, u f'meded bil-blat. Minbarra l-2,705 pjanti li diġà ġew identifikati, għad hemm 6,000 pjanta li qed jiġu evalwati.

L-iżjed familja varjata fost l-unitajiet tassonomiċi kollha fil-park nazzjonali hija l-familja tal-Fabaceae. Din il-familja tokkorri fl-ekosistemi kollha u virtwalment fil-forom ħajjin kollha għajr l-epifiti. Ċerti familji ta' speċijiet joktru fil-ħabitats kollha tal-park, fosthom ir-Rubiaceae, il-Melastomataceae, il-Bignoniaceae, u l-Apocynaceae. Speċijiet oħra jmorru aħjar f'ħabitats speċifiċi bħas-cerrado (il-Gramineae, iċ-Cyperaceae, il-Labiatae, u l-Compositae) jew fl-artijiet mistagħdra tas-savanna (il-Lythraceae, l-iSterculiaceae, l-Onagraceae, l-Eriocaulaceae, u l-Xyridaceae).

Il-park jospita mill-inqas 139 speċi ta' mammiferi (fosthom il-lontri, id-dniefel tax-xmajjar, it-tapiri, ix-xadini, l-armadillo ġgantesk, il-wikkiela tan-nemel ġganteski u l-pumi) u 620 speċi ta' għasafar (inkluż disa' speċijiet ta' makaw u 20 speċi ta' pappagalli), l-iżjed grupp studjat fost l-annimali. L-għasafar tal-park huma fost l-iżjed varjati fl-Amerki.

L-inħawi tal-park jinkludu popolazzjonijiet kbar ta' annimali kbar bħat-tapiri tal-artijiet baxxi (Tapirus terrestris), iċ-ċriev selvaġġi (Mazama spp.), il-ġagwari (Panthera onca) u x-xadini (Ateles belzebuth). Il-biċċa l-kbira tal-ispeċijiet ta' mammiferi jinstabu fiż-żoni forestali umdużi, u d-diversità tal-mammiferi ma tantx ġiet studjata sew, speċjalment fost il-friefet il-lejl. Hemm għadd ta' annimali kbar inklużi fil-Ktieb l-Aħmar tal-Vertebrati tal-Bolivja, fosthom iċ-ċriev tal-Pampas (Ozotoceros bezoarticus), iċ-ċriev tal-imraġ (Blastocenus dichotomus), il-lupi tal-mant (Chrysocyon brachyurus), ir-rhea l-kbar (Rhea americana), u l-wikkiela tan-nemel ġganteski (Myrmecophaga tridacyla).

Bejn wieħed u ieħor hemm 74 speċi ta' rettili u 62 speċi ta' anfibji magħrufa mill-park. Ir-rettili jinkludu speċijiet bħall-anakonda ħadra (Eunectes murinus), l-anakonda s-safra (Eunectes notaeus), il-kajman yacare (Caiman crocodilus yacare), il-kajman iswed (Melanosuchus niger), il-fekruna tax-xmajjar tat-tikek sofor (Podocnemis unifilis), il-fekruna tal-ilma ta' Charapa (Podocnemis expansa), il-fekruna tal-art tas-saqajn ħomor (Geochelone carbonaria) u l-fekruna tal-art ġganteska tal-Brażil (Geocheolone denticulata).

  1. ^ UNEP-WCMC (2017-05-22). "NOEL KEMPFF MERCADO NATIONAL PARK". World Heritage Datasheet (bl-Ingliż). Miġbur 2025-02-25.
  2. ^ Mayle, Francis E; Langstroth, Robert P; Fisher, Rosie A; Meir, Patrick (2006-12-19). "Long-term forest–savannah dynamics in the Bolivian Amazon: implications for conservation". Philosophical Transactions of the Royal Society B: Biological Sciences. 362 (1478): 291–307.
  3. ^ Wallace, R. B., Painter, R. L. E. and Taber, A. B. (1998), Primate diversity, habitat preferences, and population density estimates in Noel Kempff Mercado National Park, Santa Cruz Department, Bolivia. American Journal of Primatology, 46: 197–211.
  4. ^ Da Silva, J. M. C. & Bates, J. M. 2002 Biogeographic patterns and conservation in the South American Cerrado: a tropical savannah hotspot. BioScience 52, 225-233.
  5. ^ PES Serra Ricardo Franco (in Portuguese), ISA: Instituto Socioambiental.
  6. ^ Torres, Hernán; Moreno, Adolfo; Justiniano, Hermes (June 1999). Nomination of the Noel Kempff Mercado National Park by the Republic of Bolivia for inclusion in the World Heritage List of Natural Sites (PDF) (Report). National Protected Areas Service of Bolivia. pp. 1–428.
  7. ^ Litherland, M. & Power, G. 1989 The geological and geomorphic evolution of Serrania Huanchaca (Eastern Bolivia): the Lost World. J. S. Am. Earth Sei. 2, 1-17.
  8. ^ "The Rough guide to Bolivia", James Read, Rough Guides Publishing, 2nd Edition February 2008.
  9. ^ a b ċ "Noel Kempff Mercado National Park - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-02-25.
  10. ^ Burbridge, Rachel E.; Mayle, Francis E.; Killeen, Timothy J. (March 2004). "Fifty-thousand-year vegetation and climate history of Noel Kempff Mercado National Park, Bolivian Amazon". Quaternary Research. 61 (2): 215–230. doi:10.1016/j.yqres.2003.12.004.
  11. ^ "Arcoiris Falls | Wondermondo". www.wondermondo.com (bl-Ingliż). 2012-02-25. Miġbur 2025-02-25.