Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Niah

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Id-daħla prinċipali tal-Għerien ta' Niah f'inżul ix-xemx.

Il-Park Nazzjonali ta' Niah, li jinsab fi ħdan id-Diviżjoni ta' Miri, Sarawak, il-Malażja, huwa s-sit tal-Għerien ta' Niah li huma sit arkeoloġiku.

Alfred Russel Wallace għex għal 8 xhur fid-Distrett ta' Simunjan flimkien ma' inġinier tal-estrazzjoni, Robert Coulson, li kien esplora dak li issa huwa t-Tramuntana ta' Sarawak għall-minerali naturali.[1] Iktar 'il quddiem Coulson kiteb lil Wallace dwar li sab għadam f'għadd ta' għerien f'Sarawak. Wara iktar stħarriġ, Wallace sar jaf li għar partikolari inkwistjoni "kien jinsab fid-distrett ta' bejn Sarawak u Bruni (Brunei), fuq muntanja kemxejn 'il ġewwa".[2] F'Marzu 1864, Wallace pprefera lil Coulson biex jesplora l-għerien. Madankollu, iktar 'il quddiem f'Mejju 1864, G. J. Ricketts, Konslu Brittaniku għal Sarawak inħatar biex iwettaq dan ix-xogħol. Ricketts ma tantx dam iwettaq dak ix-xogħol u sussegwentement Alfred Hart Everett intgħażel minflok. Everett wettaq stħarriġiet fi 32 għar fi tliet żoni, inkluż Niah/Subis (qrib Miri) u "in-naħa ta' fuq ta' Sarawak proprja" (in-naħa ta' fuq tax-xmara Sarawak f'Bau).[3]

L-Għerien ta' Niah.

Fis-snin 50 tas-seklu 20, Tom Harrisson, il-kuratur tal-Mużew Statali ta' Sarawak kien qed ifittex għal evidenza ta' attività umana tal-qedem f'Sarawak. Huwa ltaqa' mal-Għerien ta' Niah, li ma wera l-ebda evidenza ta' attività umana tal-qeden fl-inħawi. Madankollu, huwa sostna li peress li l-għar kien biered u niexef, filwaqt li kien hemm miljuni ta' friefet il-lejl u ronduni li setgħu jservu bħala ikel, jaf li l-bnedmin tal-qedem għexu fl-għar. Għaldaqstant, f'Ottubru 1954, Harrisson flimkeien maż-żewġ ħbieb tiegħu, Michael Tweedie u Hugh Gibb qattgħu ġimagħtejn jeżaminaw il-Park Nazzjonali ta' Niah. Huma sabu evidenza ta' okkupazzjoni, ta' abitazzjoni u ta' dfin umani fit-tul. Fl-1957, il-mużew ta' Sarawak organizza spedizzjoni ikbar bit-trasport u bit-tagħmir mingħand Brunei Shell Petroleum u Sarawak Oilfields Ltd (Shell).[4] Instabu bċejjeċ tat-tafal, barraxa tal-qxur tal-baħar, ornamenti tal-qxur tal-baħar, qishom mazez tal-ġebel, għodod tal-għadam, u fdalijiet tal-ikel. Permezz tad-datazzjoni bir-radjukarbonju tas-saffi taċ-charcoal, instab li s-sit għandu 40,000 sena, u jmur lura lejn l-Era Paleolitika. It-tim tal-ispedizzjoni mmexxi minn Barbara Harrisson skopra l-"Kranju Fond" fit-"Trunċiera tal-Infern" (li ngħatat isimha minħabba għas-sħana mhux tas-soltu ta' ġo fiha) f'101 sa 110 pulzieri taħt l-art fi Frar 1958.[5] Il-kranju huwa wieħed parzjali b'xedaq, żewġ dras u parti mill-bażi tal-kranju. Il-kranju huwa fraġli ferm u mhuwiex fossilizzat. Il-morfoloġija tal-kranju tissuġġerixxi li kien ta' mara jew tfajla adolexxenti li kellha madwar 25 sena. Qrib il-kranju nstabu femore sħiħ tax-xellug u tibja prossimali tal-lemin li kienu tal-istess individwu.[6] Tom Harrisson skopra wkoll siti funebri Neolitiċi li jmorru lura għal bejn 2,500 sa 5,000 sena ilu. L-iskoperti wasslu għal iktar spedizzjonijiet fl-1959, fl-1965 u fl-1972.[7]

L-Għar Impitter (Kain Hitam) huwa għar żgħir iżda sinifikanti arkeoloġikament li jinsab fin-Nofsinhar tal-Għar il-Kbir ta' Niah fejn instabu siti funebri u tpittir fuq il-blat fl-għerien tal-qedem.

Iż-żona ġiet iddikjarata bħala "Monument Storiku Nazzjonali" fl-1958. Fit-23 ta' Novembru 1974 imbagħad ġiet iddikjarata bħala park nazzjonali. Il-park nazzjonali nfetaħ għall-pubbliku fl-1 ta' Jannar 1975.[8]

Fl-1960, Don Brothwell ikkonkluda li l-Kranju Fond kien ta' raġel adolexxenti li jaf kien relatat mill-qrib ma' Awstraljan indiġenu mit-Tażmanja. Fis-snin 60 tas-seklu 20, il-fdalijiet ta' 122 bniedem minn Niah ittieħdu lejn Nevada, l-Istati Uniti.[9] Kien hemm nuqqas ta' paleoġeografija, stratigrafija u relazzjonijiet arkeoloġiċi biex jappoġġaw il-ħidma ta' Tom Harrisson. Għalhekk, sar iktar xogħol fil-post mill-Università ta' Leicester, b'kollaborazzjoni ma' universitajiet oħra mir-Renju Unit, mill-Awstralja, mill-Istati Uniti u mill-Mużew Statali ta' Sarawak mis-sena 2000 sal-2003 biex tiġi stabbilita storja iktar dettaljata tal-Għerien ta' Niah.[10] Dan ix-xogħol kien magħruf bħala l-"Proġett tal-Għerien ta' Niah". Fis-sena 2000 saret datazzjoni oħra bir-radjukarbonju tal-karbonju maħruq u tal-Kranju Fond stess. B'hekk instab li l-fdalijiet tal-iskeletru kellhom 37,000 sena. Fl-2006, minn studju tal-Proġett tal-Għerien ta' Niah instab li l-bnedmin tal-qedem li kienu jgħixu fl-Għerien ta' Niah x'aktarx kienu jużaw teknoloġiji tal-insib tal-mammiferi u tal-ħut, teknoloġiji bl-oġġetti ppuntati, it-tħaffir għat-tuberi, id-detossifikazzjoni tal-pjanti, u l-ħruq tal-foresti. Mill-2013 sal-2014, id-datazzjoni bl-uranju u t-torju kkonfermat ukoll l-età tal-kranju.[11] Fl-2016, riċerka ulterjuri li saret minn Darren Curnoe nnutat li l-Kranju Fond kien iktar jixbaħ lil dak ta' adolexxenti mara u li jixbaħ iktar lill-poplu indiġenu tal-Borneo milli tat-Tażmanja jew l-ipoteżi taż-żewġ saffi li kienet iddikjarat li l-popolazzjoni oriġinali tax-Xlokk tal-Asja kienet emigrat mill-Awstralja u iktar 'il quddiem integrat man-nies miċ-Ċina.

Fl-2010 u fl-2021, il-gvern statali ta' Sarawak innomina lill-park biex isir Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[12][13] Is-sit tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fis-27 ta' Lulju 2024.[14] Fl-2020, il-122 fdal uman ta' Niah ġew irritornati f'Sarawak.[15]

L-Għerien ta' Niah jinsabu fit-tarf tat-Tramuntana ta' muntanja tal-ġebla tal-ġir imsejħa Gunung Subis (il-Muntanja Subis). Id-daħla tinsab fil-bokka tal-Punent tal-għerien. L-għerien jinsabu 15-il kilometru mill-Baħar tan-Nofsinhar taċ-Ċina u 50 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar. Il-bokka tal-Punent tal-Għerien ta' Niah hija wiesgħa 150 metru u għolja 75 metru.

Il-kranju tal-Għerien ta' Niah. Homo sapiens ta' 45,000 sa 39,000 sena ilu.

L-għerien huma sit preistoriku importanti fejn instabu l-fdalijiet umani ta' 40,000 sena ilu.[16] Dan huwa l-eqdem insedjament uman irreġistrat fil-Lvant tal-Malażja. Iktar studji reċenti ppubblikati fl-2006 urew evidenza tal-ewwel attività umana fl-Għerien ta' Niah għall-ħabta ta' 46,000 sa 34,000 sena ilu.[17] L-Għar Impitter, li jinsab waħdu f'blokka ferm iżgħar tal-ġebla tal-ġir, xi 150 metru mix-xifer tax-Xlokk tal-Għar il-Kbir, fih tpittir fuq il-blat li jmur lura 1,200 sena. L-arkeologi sostnew data ferm iktar bikrija għall-għodod tal-ġebel li nstabu fil-Wied ta' Mansuli, qrib Lahad Datu f'Sabah, iżda għadha trid tiġi ppubblikata analiżi b'datazzjoni preċiża.[18]

Fost l-oġġetti li nstabu fl-Għerien ta' Niah hemm għodod tat-tqattigħ u laqx tal-Plejstoċen, imnanar Neolitiċi, bqaqen, oġġetti tal-fuħħar, ġojjellerija bil-qxur, dgħajjes, imfierex, għodod tal-ħadid, bċejjeċ taċ-ċeramika u żibeġ tal-ħġieġ ta' Żmien il-Ħadid. L-iżjed sejba famuża hija dik tal-kranju uman li jmur lura għall-ħabta ta' 38,000 Q.K. L-Għar Impitter fih tpittir fuq il-blat u twiebet tal-injam.

Bejn l-1954 u l-1966, madwar 750,000 framment ta' għadam tal-annimali ġew skavati hawnhekk. Wieħed minnhom ġie identifikat bħala għadma metakarpali ta' ferħ ta' tigra.[19]

Veġetazzjoni

[immodifika | immodifika s-sors]

Pearce (2004) jirrikonoxxi sitt tipi ta' veġetazzjoni:[20]

  • Il-veġetazzjoni karstika tal-ġebla tal-ġir.
  • Il-foresta dipterokarpali mħallta.
  • Il-foresta bassasa staġonali b'ħamrija taflija bil-marl.
  • Il-foresta bassasa staġonali b'ħamrija bil-pit.
  • Il-foresta riparja.
  • Il-foresta riġeneranti.

Attivitajiet attwali

[immodifika | immodifika s-sors]

L-għerien huma magħrufa sew ukoll għall-industrija tal-bejtiet tal-għasafar. Saru destinazzjoni turistika popolari f'Sarawak. Kull sezzjoni tas-saqaf tal-għerien fejn hemm ir-ronduni jbejtu għandha sjieda privata u s-sid biss għandu d-dritt li jiġbor il-bejtiet. Il-ġbir isir darbtejn fis-sena (normalment f'Jannar u f'Ġunju). Is-sid jitla' mijiet ta' piedi fuq lasta waħda sas-saqaf tal-għerien u jaqla' l-bejta bid-dawl inemnem tax-xemgħa.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Wirt Arkeoloġiku tal-Kumpless tal-Għerien tal-Park Nazzjonali ta' Niah ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-2024.[14]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (iii) "Xhieda unika jew minn tal-inqas eċċezzjonali ta' tradizzjoni kulturali jew ta' ċivilizzazzjoni li għadha ħajja jew li għebet"; u l-kriterju (v) "Eżempju straordinarju ta' insedjament uman tradizzjonali, ta' użu tal-art jew ta' użu tal-baħar, li jirrappreżenta kultura (jew kulturi), jew interazzjoni umana mal-ambjent, speċjalment meta jkun sar vulnerabbli minħabba l-impatt ta' bidla irreversibbli".[14]

  1. ^ Cranbrook, Earl of (Ġunju 2013). "The 'Everett Collection from Borneo Caves' in the Natural History Museum, Londra: Its Origin, Composition and Potential for Research". Journal of the Malaysian Branch of the Royal Asiatic Society. 86 (1): 79–112. doi:10.1353/ras.2013.0008. S2CID 201790524.
  2. ^ "Bone-Caves in Borneo, by Alfred Russel Wallace". web.archive.org. 2019-05-05. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-05-05. Miġbur 2025-01-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  3. ^ "Sarawak Gazette 4 January 1907 Issue No 492/Appointments - Wikisource, the free online library. p. 10". en.wikisource.org (bl-Ingliż). 1907.
  4. ^ Harrisson, Tom (1957). "The Great Cave of Niah: A Preliminary Report on Bornean Prehistory". Man. 57: 161–166. doi:10.2307/2795279. JSTOR 2795279.
  5. ^ "Ancient Deep Skull still holds big surprises 60 years after it was unearthed". web.archive.org. 2019-01-28. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-01-28. Miġbur 2025-01-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  6. ^ Reynolds, Tim; et al. (2015). "Reconstructing Late Pleistocene Climates, Landscapes, and Human Activities in Northern Borneo from Excavations in the Niah Caves". In Kaifu, Yousuke; et al. (eds.). Emergence and Diversity of Modern Human Behavior in Paleolithic Asia. Texas A&M University Press.
  7. ^ Barker, Graeme; Barton, Huw; Bird, Michael (March 2007). "The 'human revolution' in lowland tropical Southeast Asia: the antiquity and behavior of anatomically modern humans at Niah Cave (Sarawak, Borneo)". Journal of Human Evolution. 52 (3): 243–261. doi:10.1016/j.jhevol.2006.08.011. PMID 17161859.
  8. ^ "About Us - Niah National Park | Taman Negara Niah, Miri" (bl-Ingliż). Miġbur 2025-01-18.
  9. ^ "Niah Cave human remains to return | The Star Online". web.archive.org. 2019-09-10. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-09-10. Miġbur 2025-01-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  10. ^ "The Niah Cave Project: Archaeology & Ancient History: University of Leicester". web.archive.org. 2008-05-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2008-05-04. Miġbur 2025-01-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  11. ^ Darren, Curnoe; Ipoi, Datan; Paul, S.C. Tacon (2016). "Deep Skull from Niah Cave and the Pleistocene Peopling of Southeast Asia". Frontiers in Ecology and Evolution. 4 (75). doi:10.3389/fevo.2016.00075. hdl:10072/100807.
  12. ^ "Sarawak to re-submit bid to make Niah Caves Unesco heritage site | Malaysia | Malay Mail". web.archive.org. 2019-01-30. Arkivjat mill-oriġinal fl-2019-01-30. Miġbur 2025-01-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  13. ^ "Sarawak nominates Niah National Park as its second World Heritage Site - New Sarawak Tribune". web.archive.org. 2022-06-04. Arkivjat mill-oriġinal fl-2022-06-04. Miġbur 2025-01-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  14. ^ a b ċ "The Archaeological Heritage of Niah National Park's Caves Complex - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2025-01-18.
  15. ^ "40,000-year-old Gua Niah human bones arrive 'home' | New Straits Times | Malaysia General Business Sports and Lifestyle News". web.archive.org. 2020-03-08. Arkivjat mill-oriġinal fl-2020-03-08. Miġbur 2025-01-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  16. ^ "History of Niah Cave". www.abc.net.au. Miġbur 2025-01-18.
  17. ^ Barker, Graeme; et al. (2007). "The 'human revolution' in lowland tropical Southeast Asia: the antiquity and behavior of anatomically modern humans at Niah Cave (Sarawak, Borneo)". Journal of Human Evolution. 52 (3): 243–261. doi:10.1016/j.jhevol.2006.08.011. PMID 17161859.
  18. ^ "Archaeologists hit gold at Mansuli". web.archive.org. 2012. Arkivjat mill-oriġinal fl-2012-04-12. Miġbur 2025-01-18.Manutenzjoni CS1: BOT: url-oriġinali status mhux magħruf (link)
  19. ^ Piper, P. J.; Rabett, Earl of Cranbrook, R. J. (2007). "Confirmation of the presence of the tiger Panthera tigris (L.) in Late Pleistocene and Holocene Borneo". Malayan Nature Journal. 59 (3): 259–267.
  20. ^ Pearce, Katharine G (2004). "The Vegetation and Plants of Niah National Park, Borneo". The Gardens' Bulletin, Singapore. 56: 101–145.