Aqbeż għall-kontentut

Park Nazzjonali ta' Manas

Minn Wikipedija, l-enċiklopedija l-ħielsa
Rinoċeront fis-Santwarju tan-Natura Selvaġġa ta' Manas.

Il-Park Nazzjonali ta' Manas, magħruf ukoll bħala s-Santwarju tan-Natura Selvaġġa ta' Manas, huwa park nazzjonali, riżerva tal-Proġett tat-Tigri u riżerva tal-iljunfanti f'Assam, l-Indja. Jinsab fl-għoljiet ta' qabel il-Himalayas u jmiss mal-Park Nazzjonali Rjali ta' Manas fil-Bhutan.[1] Il-park huwa magħruf għall-organiżmi selvaġġi rari u fil-periklu ta' estinzjoni tiegħu bħall-fekruna tal-ilma ta' Assam, il-liebru Indjan, il-langur dehbi u l-ħanżir selvaġġ nanu. Jospita wkoll l-unika popolazzjoni magħrufa fid-dinja ta' ħnieżer selvaġġi nani.[2] Il-Park Nazzjonali ta' Manas huwa famuż ukoll għall-popolazzjoni tiegħu ta' bufli tal-ilma selvaġġi.[3] Minħabba l-bijodiversità, ix-xenarju u l-varjetà ta' ħabitats eċċezzjonali tiegħu, il-Park Nazzjonali ta' Manas huwa riżerva ta' bijosfera u Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[4]

Isem il-park oriġina mix-xmara Manas. Ix-xmara Manas hija tributarja ewlenija tax-xmara Brahmaputra, li tgħaddi mill-qalba tal-park nazzjonali.

L-inħawi li llum il-ġurnata jitqiesu bħala l-Park Nazzjonali ta' Manas kienu taħt ir-Renju tal-Bhutan sal-Gwerra ta' Duar tal-1865 meta mbagħad ġew ċeduti lill-Indja Brittanika.

Is-Santwarju tan-Natura Selvaġġa ta' Manas ġie ddikjarat bħala santwarju fl-1 ta' Ottubru 1928 b'erja ta' 391 km2 (151 mil kwadru). Qabel ma s-santwarju ġie ddikjarat, fl-inħawi kien hemm żewġ riżervi forestali, imsejħa r-Riżerva Forestali ta' Manas u r-Riżerva Forestali tat-Tramuntana ta' Kamrup. Kienet tintuża mill-familja rjali ta' Cooch Behar u mir-Raja ta' Gauripur bħala riżerva tal-kaċċa. Ġiet iddikjarata bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985.[4] Ir-Riżerva ta' Bijosfera ta' Manas ġiet iddikjarata fl-1989. Ir-Riżervi Forestali ta' Kahitama, ta' Kokilabari u ta' Panbari żdiedu fl-1990 biex flimkien jiffurmaw il-Park Nazzjonali ta' Manas. Fl-1992, l-UNESCO ddikjarat is-sit bħala Sit ta' Wirt Dinji fil-periklu minħabba l-bosta attivitajiet ta' nsib u ta' terroriżmu. Fil-25 ta' Frar 2008, l-erja tas-sit ġiet estiża għal 500 km2 (190 mil kwadru). Fil-21 ta' Ġunju 2011, is-sit tneħħa mil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji fil-periklu u ġie mfaħħar għall-isforzi ta' preservazzjoni li saru.

Hemm villaġġ forestali wieħed, Pagrang, fil-qalba tal-park nazzjonali. Apparti dan il-villaġġ, hemm 56 villaġġ ieħor madwar il-park. Bosta villaġġi periferiċi oħra jiddependu direttament jew indirettament fuq il-park.

Id-daħla tal-Park Nazzjonali ta' Manas.

Il-park imiss mad-distretti li ġejjin: Chirang, Baksa fir-reġjun territorjali awtonomu ta' Assam fl-Indja.

Il-park huwa maqsum fi tliet sezzjonijiet. Is-sezzjoni tal-Punent hija bbażata f'Panbari, is-sezzjoni ċentrali f'Bansbari qrib it-Triq ta' Barpeta, u s-sezzjoni tal-Lvant f'Bhuiyapara qrib Pathsala. Is-sezzjonijiet ma tantx huma kkollegati sew bejniethom; filwaqt li wieħed irid jaqsam żewġ xmajjar ewlenin biex jgħaddi mis-sezzjoni ċentrali għal Panbari, hemm triq imħarbta (it-Triq ta' Daimari) li tikkollega s-sezzjoni ċentrali mas-sezzjoni tal-Lvant. Il-biċċa l-kbira tal-viżitaturi jaslu Bansbari u mbagħad iqattgħu xi żmien fil-foresta f'Mathanguri max-xmara Manas fil-fruntiera mal-Bhutan.

Il-biċċa l-kbira tal-Park Nazzjonali ta' Manas kien jaqa' taħt ir-Renju tal-Bhutan sal-Gwerra ta' Duar tal-1865.

Ġeografija fiżika

[immodifika | immodifika s-sors]

Il-Park Nazzjonali ta' Manas jinsab fl-għoljiet ta' qabel il-Himalayas tal-Lvant u fih densità ta' foresti. Ix-xmara Manas tnixxi fil-Punent tal-park u hija x-xmara prinċipali fi ħdanu. Hija tributarja ewlenija tax-xmara Brahmaputra u tinqasam f'żewġ xmajjar separati, ix-xmara Bwrsi u x-xmara Bholkaduba, sakemm tasal fil-pjanuri. Ħames xmajjar żgħar oħra jnixxu wkoll fil-park nazzjonali li jinsab fuq art imtarrġa wiesgħa u baxxa tal-għargħar li tinfirex 'il barra taħt l-għoljiet ta' qabel il-Himalayas. Ix-xmara Manas hija wkoll fruntiera internazzjonali bejn l-Indja u l-Bhutan. Is-saff tal-blat ewlieni tas-savanna fit-Tramuntana tal-park huwa magħmul minn ġebla tal-ġir u ġebel ramli, filwaqt li l-bwar tal-ħaxix fin-Nofsinhar tal-park jinsabu fuq depożiti alluvjali fondi. Il-kombinament tal-formazzjoni Sub-Himalayana ta' Bhabar Terai flimkien mas-suċċessjoni ta' xmajjar sal-foresti muntanjużi Sub-Himalayani jwassal biex dan il-park jitqies bħala waħda miż-żoni bl-iżjed bijodiversità rikka fid-dinja. Il-park għandu erja ta' 950 kilometru kwadru (370 mil kwadru) u jinsab f'altitudni ta' 61–110 metru (200–361 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar.

It-temperatura minima hi ta' madwar 15 °C (59 °F) u t-temperatura massima hi ta' madwar 37 °C (99 °F).

Tinżel xita qliel bejn Mejju u Settembru. Il-preċipitazzjoni annwali medja hi ta' madwar 333 ċentimetru (131 pulzier).

Veduta tal-muntanji mill-park.

Hemm żewġ bijomi ewlenin preżenti fil-Park Nazzjonali ta' Manas:

  • il-bijomi tal-bwar tal-ħaxix fejn jgħixu l-ħnieżer selvaġġi nani, ir-rinoċeronti Indjani (li reġgħu ġew introdotti fl-2007 wara li ġew estinti minħabba l-insib matul ir-rewwixta ta' Bodo), il-florikani Bengali, il-bufli selvaġġi Asjatiċi, eċċ.;
  • il-bijomi tal-foresti fejn jgħixu l-loris kajmani, il-langur tal-kappa, il-ħnieżer selvaġġi, is-sambar, il-buċeri l-kbar, l-iskojjattlu ġgantesk iswed, il-pangolin Ċiniż, eċċ.
Tephrodornis gularis.

Il-foresti tal-monsuni ta' Manas jinsabu fl-ekoreġjun tal-foresti bis-siġar nofshom iħaddru s-sena kollha tal-Wied ta' Brahmaputra.[5]

It-tipi prinċipali ta' veġetazzjoni huma:

  • il-foresti alluvjali Sub-Himalayani bis-siġar nofshom iħaddru s-sena kollha fit-Tramuntana;
  • il-foresti mħallta tal-indewwa u nexfin bis-siġar ħorfija tal-Lvant tal-Himalayas;
  • il-boskijiet alluvjali baxxi tas-savanna;
  • il-bwar tal-ħaxix alluvjali bis-siġar nofshom iħaddru s-sena kollha tal-Wied ta' Assam li jkopru kważi 50 % tal-park.

Il-biċċa l-kbira tal-foresti alluvjali nexfin bis-siġar ħorfija jinsabu fi stadju bikri ta' suċċessjoni. Jieħdu posthom il-foresti tal-indewwa bis-siġar ħorfija lil hinn mill-korpi tal-ilma, u mbagħad dawn jeħdulhom posthom il-foresti bis-siġar nofshom iħaddru s-sena kollha fit-Tramuntana tal-park. Total ta' 543 speċi ta' pjanti ġew irreġistrati fil-qalba tal-park. Minnhom, 374 speċi huma dikotiledoni (inkluż 89 siġra), 139 speċi huma monokotiledoni u 30 speċi huma pteridofiti u ġimnospermi.

Kokka tal-ġungla fil-Park Nazzjonali ta' Manas.

Fost is-siġar komuni tal-park hemm l-Aphanamixis polystachya, l-Anthocephalus chinensis, is-Syzygium cumini, is-Syzygium formosum, is-Syzygium oblatum, il-Bauhinia purpurea, il-Mallotus philippensis, is-Cinnamomum tamala, l-Actinodaphne obvata, il-Bombax ceiba, l-iSterculia villosa, id-Dillenia indica, id-Dillenia pentagyna, il-Careya arborea, il-Lagerstroemia parviflora, il-Lagerstroemia speciosa, it-Terminalia bellirica, it-Terminalia chebula, il-Mallotus polycarpa, il-Gmelina arborea, l-Oroxylum indicum u l-ispeċijiet Bridelia. Il-bwar tal-ħaxix huma ddominati mill-Imperata cylindrica, is-Saccharum naranga, il-Phragmites karka, l-Arundo donax, id-Dillenia pentagyna, il-Phyllanthus emblica, il-Bombax ceiba, u speċijiet ta' Clerodendrum, Leea, Grewia, Premna u Mussaenda.[6]

Langur tal-kappa fil-Park Nazzjonali ta' Manas.

Fis-santwarju ġew irreġistrati 55 speċi ta' mammiferi, 380 speċi ta' għasafar, 50 speċi ta' rettili, u 3 speċijiet ta' anfibji. Minnhom, 21 mammiferu huma mammiferi tal-Iskeda I tal-Indja u 31 mammiferu huma speċijiet mhedda.

Fost il-fawna tas-santwarju hemm l-iljunfanti Indjani, ir-rinoċeronti Indjani, il-gauri, il-bufli tal-ilma selvaġġi, il-barasinga, it-tigri Bengali, il-leopardi Indjani, il-leopardi tat-tikek, il-qtates selvaġġi Asjatiċi, il-qtates tal-ġungla, il-qtates leopardi, il-qtates wikkiela tal-ħut, il-qtates lewn l-irħam, id-dholes, ix-xakalli dehbija, il-langurs tal-kappa, il-langurs dehbija, il-makakki ta' Assam, il-makakki rhesus, il-langurs griżi, il-loris kajmani, il-hoolock gibbons, il-lontri tal-pil lixx, l-orsijiet Indjani, il-muntjacs, iċ-ċriev selvaġġi, is-sambar, iċ-chitals, iż-żibetti kbar Indjani, iż-żibetti komuni tal-palm, il-linsang tat-tikek, il-marten ta' sidru isfar, l-iskojjattli ġganteski suwed, il-porkuspini Indjani, il-pangolini Indjani, il-pangolini Ċiniżi u l-ħnieżer selvaġġi.

Il-park huwa magħruf sew għal speċijiet rari u fil-periklu ta' estinzjoni li ma jinsabu mkien iktar fid-dinja bħall-fekruna tal-ilma ta' Assam, il-liebru Asjatiku, il-langur dehbi u l-ħanżir selvaġġ nanu. Il-Fond Fiduċjarju għall-Konservazzjoni tan-Natura Selvaġġa ta' Durrell kien involut fir-rilaxx tal-ħnieżer selvaġġi nani fin-natura selvaġġa. Fl-2024, disa' ħnieżer selvaġġi nani ġew rilaxxati fin-natura selvaġġa tal-park u b'hekk il-popolazzjoni tagħhom żdiedet għal 63 eżemplar.[7]

Il-Park Nazzjonali ta' Manas jospita iktar minn 450 speċi ta' għasafar.[8] Fih l-ikbar popolazzjoni ta' florikani Bengali fil-periklu ta' estinzjoni fid-dinja. Speċijiet oħra ta' għasafar jinkludu l-buċeri l-kbar, il-paguni tal-ġungla, il-bulbuls, il-kuluverti ħomor, il-faġani kalij, l-agretti, il-pellikani, l-ajkli ż-żgħar wikkiel tal-ħut, l-ajkli wikkiela tas-sriep, il-falkuni, il-minivets ħomor, il-qerd in-naħal, iċ-ċawliet, il-buċeri bojod u suwed, il-buċeri griżi, is-serer primi, l-ajkli bojod, il-paguni Indjani, l-arpi u r-russetti.

Sit ta' Wirt Dinji

[immodifika | immodifika s-sors]

Is-Santwarju tan-Natura Selvaġġa ta' Manas ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1985.[4]

Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' tliet kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[4]

  1. "WWF - Royal Manas National Park, Bhutan". www.panda.org (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-24.
  2. Chakravorty, P.; Sanyal, S. (2017). "Conservation of the Pygmy Hog in India". In Pratihar, S.; Clark, Jr. H.O. (eds.). Defaunation and Conservation. Tucson, Arizona: Herpetological Society, Tucson. pp. 95–104. ISBN 978-93-85248-79-5.
  3. Choudhury, A.U, (2010), The vanishing herds : the wild water buffalo. Gibbon Books, Rhino Foundation, CEPF & COA, Taiwan, Guwahati, India.
  4. 1 2 3 4 "Manas Wildlife Sanctuary - UNESCO".
  5. Wikramanayake, Eric; Eric Dinerstein; Colby J. Loucks; et al. (2002). Terrestrial Ecoregions of the Indo-Pacific: a Conservation Assessment. Island Press; Washington, DC. pp. 300-301.
  6. Chamundeeswari, D.; Vasantha, J.; Gopalakrishnan, S.; Sukumar, E. (2004). "Anti-inflammatory and antinociceptive activities of Trewia polycarpa roots". Fitoterapia. 75 (7–8): 740–744. doi:10.1016/j.fitote.2004.07.001. PMID 15567254.
  7. "Jersey Durrell trust helps release nine pygmy hogs in India". BBC News (bl-Ingliż). 2024-10-08. Miġbur 2025-08-24.
  8. Choudhury, A.U., (2006), Birds of Manas National Park. Gibbon Books & The Rhino Foundation for Nature in North East India, Guwahati, India. p. 84.