Park Nazzjonali ta' Manú
Il-Park Nazzjonali ta' Manú (spelluta wkoll Manu; bl-Ispanjol: Parque Nacional del Manu) huwa park nazzjonali u riżerva ta' bijosfera fir-reġjuni ta' Madre de Dios u Cusco fil-Perù. Il-park jipproteġi għadd kbir ta' ekosistemi, fosthom il-foresti pluvjali tal-artijiet baxxi, il-foresti tas-sħab u l-bwar tal-ħaxix tal-Andes.[1]
Il-Park Nazzjonali ta' Manu ġie stabbilit b'digriet fid-29 ta' Mejju 1973, matul id-dittatura tal-Ġeneral Juan Velasco.[2] Fl-1977, l-UNESCO rrikonoxxietu bħala Riżerva ta' Bijosfera u fl-1987 bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[3] Fl-2002, il-gvern tal-Perù estenda l-park għall-erja attwali tiegħu.[4]
Il-Park Nazzjonali ta' Manu jkopri erja ta' 1,716,295.22 ettaru (17,162.95 km2) li tinkludi żoni muntanjużi (bl-qaliet u bil-widien) b'elevazzjonijiet qrib l-4,000 metru 'l fuq mil-livell tal-baħar u parti mill-pjanuri tal-Baċir tal-Amazzonja.
Il-park nazzjonali huwa maqsum fiż-żoni li ġejjin: iż-żona b'użu ristrett (b'foresti mhux mittiefsa u bil-komunitajiet nattivi, fejn l-aċċess jingħata biss lir-riċerkaturi); iż-żona riżervata (għar-rikreazzjoni u għar-riċerka); iż-żona ta' rkupru (għall-irkupru taż-żoni disturbati) u ż-żona kulturali (għall-insedjament uman u għall-biċċa l-kbira tal-attivitajiet, inkluż it-turiżmu naturali).
It-triq ta' 190 kilometru (120 mil) ta' Manu hija l-uniku kollegament bejn l-artijiet għoljin tal-park u l-artijiet baxxi fejn tinsab il-bokka tax-xmara Manu.[5]
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Il-klima tal-park hija waħda varjabbli ferm, u l-ammont ta' xita li tinżel jiddependi mill-elevazzjoni. Is-sezzjoni tan-Nofsinhar (muntanjuża) ikollha preċipitazzjoni annwali ta' bejn 1,500 u 2,000 mm; filwaqt li s-sezzjoni nofsanija jkollha bejn 3,000 u 3,500 mm, u fis-sezzjoni tal-Majjistral il-preċipitazzjoni annwali tilħaq it-8,000 mm jew iktar. L-istaġun b'inqas xita jkun minn Mejju sa Settembru, akkumpanjat minn temperaturi iktar baxxi.
Fi ħdan il-park, it-temperatura annwali medja fil-foresta pluvjali tal-artijiet baxxi tkun 25.6 °C, filwaqt li fiż-żona tal-Andes tkun 8 °C.
Flora
[immodifika | immodifika s-sors]It-tipi ta' veġetazzjoni fi ħdan il-park jinkludu l-bwar tal-ħaxix tat-tip puna (f'elevazzjoni ta' iktar minn 4,000 metru), il-foresti għoljin tal-Andes, il-foresti tas-sħab u l-foresti pluvjali tal-Amazzonja fl-artijiet baxxi. Din il-varjetà ta' tipi ta' veġetazzjoni hija rrappreżentata f'162 familja, 1,191 ġeneru u 4,385 speċi identifikati ta' pjanti, b'saħansitra 250 speċi ta' siġar f'ettaru wieħed. Studju sab total ta' 1,108 speċi ta' siġar fi ħdan il-park, minn diversi rqajja' bejn iż-żona muntanjuża u l-foresti tal-artijiet baxxi.[6]
Fost l-ispeċijiet ta' pjanti li jinsabu fiż-żona tal-foresti pluvjali tal-artijiet baxxi tal-park insibu dawn li ġejjin: Bertholletia excelsa, Nectandra spp., Cedrelinga cateniformis, Socratea exorrhiza, Eugenia spp., Cedrela odorata, Brosimum lactescens, Iriartea deltoidea, Protium spp., Poulsenia armata, Cecropia spp., Inga spp., Margaritaria nobilis, Ceiba samauma, Solanum grandiflorum, Annona excellens, Calophyllum brasiliense, Simarouba amara, Maxillaria spp., Virola calophylla, Ficus spp., Trema micrantha, Hevea brasiliensis, Piper spp., Mauritia flexuosa, Clusia spp., Euterpe precatoria, Jacaranda copaia, eċċ. Fost l-ispeċijiet ta' pjanti li jinsabu fiż-żoni muntanjużi tal-park insibu dawn li ġejjin: Podocarpus oleifolius, Prunus integrifolia, Cyrtochilum aureum, Escallonia myrtilloides, Hesperomeles ferruginea, Otoglossum scansor, Baccharis salicifolia, Cinchona pubescens, Oreopanax spp., Polylepis pauta, Alnus acuminata, Retrophyllum rospigliosii, Vallea stipularis, eċċ.[7]
Fl-2021, l-hekk imsejħa "Pjanta Misterjuża ta' Manu", li hija siġra żgħira li tarmi fjuri bojod żgħar ħafna u li tagħti frott oranġjo jgħajjat, ġiet iddeterminata li hija ġeneru distint, li ngħata l-isem ta' Aenigmanu (l-enigma ta' Manu). Il-pjanta, li nġabret għall-ewwel darba fl-1973 mill-ekoloġista tal-Field Museum ta' Chicago Robin Foster, kienet stagħġbet lill-esperti għal deċennji sħaħ. Mill-analiżi tad-DNA ħareġ li għandha rabta mal-Picramniaceae; iżda għad-differenza ta' din il-familja, l-Aenigmanu għandha stipuli fuq iz-zkuk tagħha li minnhom joħroġ il-weraq.[8]
Fawna
[immodifika | immodifika s-sors]Fil-park ġie rrapportat li jgħixu madwar 160 speċi ta' mammiferi. Fost il-mammiferi li jinsabu fiż-żona tal-foresti pluvjali tal-artijiet baxxi tal-park insibu dawn li ġejjin: il-ġagwar, it-tayra, l-armadillo ġgantesk, il-puma (preżenti wkoll fiż-żoni muntanjużi), l-ocelot, il-peccary tal-kullar, il-lontra ġganteska, ix-xadina Peruvjana, il-farfett il-lejl Messikan, il-ġagwarundi, il-kapibara, il-kapuċċin tat-toppu, il-peccary tax-xoffa bajda, il-farfett il-lejl bulldog il-kbir, l-iskojjattlu aħmar tan-Nofsinhar tal-Amazzonja, iċ-ċerva tal-imraġ, l-opossum tal-ilma, il-brocket aħmar, il-bradipu ta' sidru kannella, ix-xadina tal-kappa sewda, it-tapir tal-Amerka t'Isfel, it-tamandua tan-Nofsinhar, it-tamarin tal-mustaċċi, il-pakarana, eċċ. Fost il-mammiferi rrapportati miż-żoni muntanjużi tal-park insibu dawn li ġejjin: iċ-ċerva ta' denbha abjad, il-volpi tal-Andes, il-paka tal-muntanji, il-ballottra ta' denbha twil, il-guinea pig tal-muntanji, l-ors tat-tbajja' ma' għajnejh, eċċ.[9]
Ġie stmat li iktar minn 1,000 speċi ta' għasafar jeżistu fil-park. Fost l-għasafar irrapportati fil-foresti pluvjali tal-artijiet baxxi nsibu dawn li ġejjin: it-tinamu l-kbir, il-gwan ta' Spix, ir-russett ħamrani, il-makaw blu u isfar, il-blonġun fiddien, l-arpa, il-bagħal ta' denbu twil, l-agrett abjad, l-avultun irjali, il-makaw aħmar, il-paletta roża, it-trogon tal-kappa blu, il-pespus turkważ, il-kokka nana tal-Amazzonja, il-pappagall ta' rasu blu, eċċ. Fost l-għasafar preżenti fiż-żoni muntanjużi fil-park insibu dawn li ġejjin: it-tinamu tal-Andes, il-kokka l-kbira tal-qrun, il-papra tan-nixxigħat, il-papra tal-munqar isfar, il-kolibrì tal-kullar roża, il-gwan tal-Andes, il-velleran tal-puna, il-pespus tal-kullar dehbi, il-kondor tal-Andes, l-inka tal-kullar, l-ajkla solitarja, il-cock-of-the-rock tal-Andes, il-karakara tal-muntanji, il-pappagall tal-kappa, il-kolibrì tal-kalzetti bojod, il-kolibrì ġgantesk, eċċ.[10]
Fost il-155 speċi ta' anfibji fil-park insibu dawn li ġejjin: Atelopus erythropus, Bolitoglossa altamazonica, Chiasmocleis ventrimaculata, Dendropsophus acreanus, Dendropsophus koechlini, Dendropsophus rhodopeplus, Hyalinobatrachium bergeri, Leptodactylus didymus, Oreobates cruralis, Oscaecilia bassleri, Pipa pipa, Pristimantis buccinator, Pristimantis cosnipatae, Pristimantis danae, Pristimantis olivaceus, Rhinella veraguensis, Telmatobius timens, eċċ.
Fil-park jgħixu 132 speċi ta' rettili u fosthom insibu dawn li ġejjin: il-kajman tat-tbajja' ma' għajnejh, il-kajman iswed, il-kajman tat-Tramuntana, il-mata mata, il-boa, ix-shushupe, l-anakonda ħadra, il-boa tas-siġar, il-fekruna tax-xmajjar tat-tikek sofor, il-vipera ta' rasha dehbija, is-serp akkwatiku kkulurit, eċċ.
Barra minn hekk, attwalment ġie rrapportat li 210 speċijiet ta' ħut, 300 speċi ta' nemel, 650 speċi ta' ħanfus, 136 speċi ta' mazzarelli u iktar minn 1,300 speċi ta' friefet jgħixu fil-park.
Fost il-popli nattivi li jgħixu fil-park hemm il-popli Yora, Mashco-Piro, Matsiguenka, Harakmbut u Yine; kif ukoll gruppi oħra ta' bnedmin li jgħixu f'iżolament volontarju.
Faċilitajiet
[immodifika | immodifika s-sors]Hemm ħames żoni li huma miftuħin għat-turisti, fejn wieħed jista' josserva l-bijodiversità lokali minn mogħdijiet, imraġ, lagi żgħar u xtut tax-xmara. Fil-baċir t'isfel tax-xmara Manu hemm ukoll ħames siti għall-kampeġġi, erba' punti għall-osservazzjoni tal-veduti (wieħed minnhom huwa torri ta' 18-il metru), tliet lukandi u mogħdija olzata fuq is-siġar.
Ir-riċerka xjentifika ssir fil-park ukoll, b'bosta ċentri tar-riċerka fl-inħawi.
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Manú ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1987 u ġie estiż fl-2009.[3]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (ix) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta proċessi ekoloġiċi u bijoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-evoluzzjoni u fl-iżvilupp ta' ekosistemi u ta' komunitajiet ta' pjanti u ta' annimali terrestri, tal-ilma ħelu, kostali u tal-baħar"; u l-kriterju (x) "Post fejn hemm l-iktar ħabitats naturali importanti u sinifikanti għall-konservazzjoni fil-post tad-diversità bijoloġika, inkluż fejn hemm speċijiet mhedda ta' valur universali straordinarju mill-perspettiva tax-xjenza jew tal-konservazzjoni".[3]
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- ^ "Parque Nacional del Manu". www.gob.pe (bl-Ispanjol). Miġbur 2024-12-13.
- ^ Monteferri, Bruno (1973-05-29). "Establece el Parque Nacional del Manu en los Departamentos de Madre de Dios y Cuzco - Legislación". legislacionanp.org.pe (bl-Ispanjol). Miġbur 2024-12-13.
- ^ a b ċ "Manu National Park - UNESCO". whc.unesco.org. Miġbur 2024-12-13.
- ^ Monteferri, Bruno (2002-07-14). "Amplían el Parque Nacional del Manu - Legislación". legislacionanp.org.pe (bl-Ispanjol). Miġbur 2024-12-13.
- ^ Iverson, Erik (2024-03-19). "Road paving in a Peruvian bird paradise threatens wildlife and ecotourism". Mongabay Environmental News (bl-Ingliż). Miġbur 2024-12-13.
- ^ Farfan-Rios, William; Garcia-Cabrera, Karina; Salinas, Norma; Raurau-Quisiyupanqui, Mireya N.; Silman, Miles R. (2015). "Lista anotada de árboles y afines en los bosques montanos del sureste peruano: la importancia de seguir recolectando". Revista Peruana de Biología (bl-Ispanjol). 22 (2): 145–174. ISSN 1727-9933.
- ^ Moscoso, D.; Salinas, N.; Nauray, W. (2003). "Orquídeas del Valle de Cosñipata, Parte Alta de la Reserva de Biósfera del Manu, Cusco – Peru". Lyonia. 3 (2): 283–390.
- ^ "Solving the Decades-Long Mystery of Manu - Field Museum". www.fieldmuseum.org. Miġbur 2024-12-13.
- ^ Patterson, B. D., Stotz, D. F., & Solari, S. (2006). Mammals and Birds of the Manu Biosphere Reserve, Peru. Fieldiana: Zoology, new series, 110: 1-49.
- ^ Catenazzi, Alessandro; Lehr, Edgar; von May, Rudolf (2013). "The amphibians and reptiles of Manu National Park and its buffer zone, Amazon basin and eastern slopes of the Andes, Peru". Biota Neotropica. 13 (4): 269–283.