Park Nazzjonali ta' Los Glaciares

Il-Park Nazzjonali ta' Los Glaciares (bl-Ispanjol: Parque Nacional Los Glaciares) huwa żona protetta federali fil-Provinċja ta' Santa Cruz, l-Arġentina.
Il-park ikopri erja ta' 726,927 ettaru (7,269.27 km2; 2,806.68 mil kwadru), u b'hekk huwa l-ikbar park nazzjonali fil-pajjiż. Ġie stabbilit fil-11 ta' Mejju 1937 u jospita kampjun rappreżentattiv ta' bijodiversità ta' foresti subpolari ta' Magellan u steppi tal-Punent tal-Patagonja fi stat tajjeb ta' konservazzjoni.[1] Fl-1981 il-park tniżżel bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO.[2]
Isem il-park jirreferi għall-għata tas-silġ ġganteska fl-Andes, l-ikbar waħda 'l barra mill-Antartika, minn Greenland u mill-Iżlanda, li talimenta 47 glaċier kbir, li minnhom 13 għandhom fluss li jagħti għall-Oċean Paċifiku. F'inħawi oħra fid-dinja, il-glaċieri jibdew f'għoli ta' mill-inqas 2,500 metru (8,200 pied) 'il fuq mil-livell tal-baħar, iżda minħabba d-daqs tal-għata tas-silġ, dawn il-glaċieri jibdew f'għoli ta' 1,500 metru (4,900 pied) biss, u jibqgħu neżlin sa 200 metru (660 pied). Il-Park Nazzjonali ta' Los Glaciares imiss mal-Park Nazzjonali ta' Torres del Paine fin-Nofsinhar tat-territorju taċ-Ċilì.
Il-Park Nazzjonali ta' Los Glaciares, li 30 % minnu huwa miksi bis-silġ, jista' jinqasam f'żewġ partijiet, u kull waħda tikkorrispondi ma' wieħed miż-żewġ lagi kbar tawwalin li jinsabu parzjalment fil-park. Il-Lag ta' Argentino, b'erja ta' 1,466 km2 (566 mil kwadru) huwa l-ikbar fl-Arġentina u jinsab fin-Nofsinhar, filwaqt li l-Lag ta' Viedma, b'erja ta' 1,100 km2 (420 mil kwadru), jinsab fit-Tramuntana. Iż-żewġ lagi jalimentaw ix-xmara Santa Cruz li tnixxi 'l isfel fil-parti t'isfel ta' Puerto Santa Cruz fl-Oċean Atlantiku. Bejn iż-żewġ partijiet hemm żona mhux turistika mingħajr lagi msejħa Zona Centro.
Il-parti tat-Tramuntana tikkonsisti minn parti mil-Lag ta' Viedma, il-Glaċier ta' Viedma u xi glaċieri minuri, kif ukoll għadd ta' muntanji popolari ħafna max-xabbaturi u ma' dawk li jħobbu jimxu fin-natura, fosthom il-Muntanja ta' Fitz Roy u Cerro Torre.
Il-parti tan-Nofsinhar fiha għadd ta' glaċieri żgħar kif ukoll glaċieri kbar li jalimentaw il-Lag ta' Argentino: il-Glaċier ta' Perito Moreno, il-Glaċier ta' Upsala u l-Glaċier ta' Spegazzini. Dgħajjes tal-eskursjonijiet tipiċi jivvjaġġaw bejn l-icebergs biex iżuru l-Bajja ta' Onelli kif ukoll il-Glaċieri ta' Spegazzini u ta' Upsala. Wieħed jista' jaċċessa l-Glaċier ta' Perito Moreno mill-art.[3]
Klima
[immodifika | immodifika s-sors]Il-park għandu klima miti friska u bl-indewwa. It-temperaturi medji jvarjaw bejn 0.6 °C (33.1 °F) fix-xitwa u 13.4 °C (56.1 °F) fis-sajf, għalkemm f'altitudnijiet ogħla, it-temperatura annwali medja jaf tkun madwar −3 °C (26.6 °F). Il-park jesperjenza 500 millimetru (20 pulzier) ta' xita annwali medja fil-Punent u 900 millimetru (35 pulzier) ta' xita fil-Lvant imqassma b'mod uniformi matul is-sena kollha. Il-borra hija komuni matul ix-xhur kesħin tax-xitwa.
Il-biċċa l-kbira tal-umdità fil-muntanji ġejja mill-Oċean Paċifiku, flimkien mal-kesħa tas-silġ (medja annwali ta' 7.5 °C (45.5 °F)) u l-ħolqien tal-isteppa arida tal-Patagonja fuq in-naħa Arġentina tal-katina muntanjuża. Dawn l-inħawi huma l-ħabitat tar-rea, tal-gwanako, tal-kawgar u tal-volpi griż tal-Amerka t'Isfel; dan tal-aħħar bata mill-invażjoni tal-industrija tal-bhejjem tal-ifrat u jinsab fil-periklu ta' estinzjoni. Il-gwanako, filwaqt li mhux fil-periklu ta' estinzjoni, kellu deklin drammatiku fil-popolazzjoni storika tiegħu minħabba r-ragħa fuq skala kbira tal-bhejjem fil-biċċa l-kbira tal-Patagonja. B'kollox hemm iktar minn 100 speċi ta' għasafar fl-inħawi (kondor, ajkli u oħrajn). Bejn is-silġ u l-isteppa tal-Patagonja hemm żona għammiela ta' foresti subpolari ta' Magellan magħmula b'mod prinċipali minn lengas u guindos, iżda anke ñires. Fi ħdan dawn iż-żona iktar ospitabbli jgħixu wkoll iċ-ċriev huemul u l-papri tat-torrenti.[1]
Sit ta' Wirt Dinji
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Los Glaciares ġie ddeżinjat bħala Sit ta' Wirt Dinji tal-UNESCO fl-1981.[2]
Il-valur universali straordinarju tas-sit ġie rrikonoxxut abbażi ta' żewġ kriterji tal-għażla tal-UNESCO: il-kriterju (vii) "Post fejn iseħħu fenomeni naturali tal-għaġeb jew fejn hemm żoni ta' ġmiel naturali u ta' importanza estetika eċċezzjonali"; u l-kriterju (viii) "Eżempju straordinarju li jirrappreżenta stadji importanti tal-istorja tad-dinja, inkluż it-trapass tal-ħajja, il-proċessi ġeoloġiċi kontinwi sinifikanti fl-iżvilupp tat-tipi differenti ta' art, jew il-karatteristiċi ġeomorfiċi jew fiżjografiċi sinifikanti".[2]
Problemi
[immodifika | immodifika s-sors]
Il-Park Nazzjonali ta' Los Glaciares jiffaċċja bosta problemi marbuta mat-turiżmu, ir-ragħa eċċessiva, in-nirien forestali u oħrajn. Hemm żoni tal-park fejn ir-ragħa eċċessiva hija problema pjuttost serja u fihom hemm bosta speċijiet aljeni/invażivi kif ukoll speċijiet semiselvaġġi bħall-bhejjem tal-ifrat, il-liebri Ewropej u ċerti tipi ta' troti. In-nirien forestali kellhom impatt kbir fuq is-sit u ddegradaw jew qerdu partijiet mill-park.
Użu uman
[immodifika | immodifika s-sors]Il-Park Nazzjonali ta' Los Glaciares huwa attrazzjoni ewlenija għat-turisti internazzjonali. Il-punt tat-tluq tal-mawriet turistiċi huwa l-belt ta' El Calafate max-xatt tal-Lag ta' Argentino, iżda 'l barra mill-park, fejn l-amministrazzjoni tal-park għandha l-kwartieri ġenerali tagħha, u l-villaġġ ta' El Chaltén fit-Tramuntana tal-park, fil-bażi tal-Muntanja ta' Fitz Roy. Postijiet turistiċi oħra fil-park jinkludu l-Lago del Desierto u l-Lago Roca.
Il-park intuża bħala wieħed mill-postijiet fejn inġibed Return of the Ice, it-tieni episodju tad-dokumentarju xjentifiku spekulattiv The Future is Wild.
Referenzi
[immodifika | immodifika s-sors]- 1 2 "Welcome to Los Glaciares National Park". www.losglaciares.com. Miġbur 2025-08-14.
- 1 2 3 "Il-Park Nazzjonali ta' Los Glaciares - UNESCO".
- ↑ "Los Glaciares National Park (Official GANP Park Page)". national-parks.org (bl-Ingliż). Miġbur 2025-08-14.